Il-mirakli ta’ Kristu bħala sinjali tal-poter feddej tiegħu


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 25 ta’ Novembru  1987

36. Il-mirakli ta’ Kristu bħala sinjali tal-poter feddej tiegħu.

  1. Test ta’ santu Wistin joffrilna l-muftieħ biex ninterpretaw il-mirakli ta’ Kristu bħala sinjali tal-poter feddej tiegħu: “Il-fatt li sar bniedem għalina għen għas-salvazzjoni tagħna ferm iktar mill-mirakli li hu wettaq f’nofsna; u huwa mportanti iktar li fejjaq il-mard tal-ġisem iddestinat li jmut” (S. Wistin,In Io. Ev. Tr., 17, 1). Rigward din is-saħħa tar-ruħ u din ir-redenzjoni tad-dinja kollha Ġesù wettaq ukoll il-mirakli ta’ ordni korporali. U allura t-tema tal-katekeżi preżenti hija din li ġejja: permezz tal-“mirakli, għeġubijiet u sinjali” li wettaq, Ġesù Kristu wera l-poter tiegħu li jsalva l-bniedem mill-ħażen li jhedded lir-ruħ immortali u l-vokazzjoni tagħha għall-għaqda ma’ Alla .
  2. Huwa dan li jirrivela ruħu b’mod partikolari fil-fejqan tal-paralitiku ta’ Kafarnaw. Il-persuni li ġabuh billi ma rnexxilhomx idaħħluh mill-bieb fid-dar fejn kien qiegħed Ġesù jgħallem, niżżlu l-marid minn fetħa fis-saqaf, hekk li l-imsejken sab ruħu f’riġlejn l-Imgħallem. “Ġesù meta ra’ t-twemmin tagħhom, qal lill-paralitiku: “Ibni dnubietek maħfura””. Dan il-kliem iqanqal f’uħud minn dawk preżenti is-suspett ta’ dagħwa: “Dan qed jidgħi! Min jistà jaħfer id-dnubiet jekk mhux Alla biss?” Kważi bi tweġiba lil dawk li kienu ħasbu hekk, Ġesù jdur fuq dawk preżenti b’dan il-kliem: “X’inhu l-eħfef: tgħid lill-paralitiku: Dnubietek maħfura jew tgħid: Qum, aqbad friexek u imxi? Issa sabiex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu l-qawwa fuq l-art li jaħfer id-dnubiet, namarlek – qal lill-paralitiku – qum, aqbad friexek u mur lejn darek. Dak qam, qabad friexu u telaq quddiem kulħadd” (cf.Mk2, 1-12 e anche Mt 9, 1-8; Lq 5, 18-26; Lq 5, 25).

Ġesù stess jispjega f’dan il-każ li l-miraklu ta’ fejqan tal-paralitiku huwa sinjal tal-poter feddej li għalih huwa jaħfer id-dnubiet.  Ġesù jwettaq dan is-sinjal biex juri li kien ġie bħala Feddej tad-dinja, li għandu bħala dmir ewlieni dak li jeħles lill-bniedem mill-ħażen spiritwali, il-ħażen li jifred il-bniedem minn Alla u jwaqqaflu l-fidwa f’Alla, bħal ma hu appuntu d-dnub.

  1. Bl-istess muftieħ wieħed jistà jispjega dik il-kategorija speċjali ta’ mirakli ta’ Kristu li hija “it-tkeċċija tax-xjaten”, “Oħroġ, spirtu maħmuġ minn dan il-bniedem!” jamar Ġesù skont il-Vanġelu ta’ Marku, meta ltaqà ma’ mxajtan fil-pajjiż tal-Ġeraseni (Mk5, 8). F’dik iċ-ċirkostanza nassistu għal djalogu mhux tas-soltu. Meta dak l-“ispirtu maħmuġ” iħoss ruħu mhedded da parti ta’ Kristu, jgħajjat kontrih: “X’għandek x’taqsam miegħi, Ġesù, Bin Alla l-iktar għoli? Nitolbok, f’isem Alla, la tittorturanix!” Minn naħa tiegħu Ġesù “jistaqsih: “X’jismek?” “Jisimni Leġġjun, wieġbu, għaliex aħna ħafna”” (cf. Mk 5, 7-9). Ninsabu mela fuq ix-xfar ta’ dinja mhux magħrufa, fejn jilagħbu fatturi fiżiċi u psikiċi li bla dubju ta’ xejn għandhom il-piż tagħhom fil-kawża tal-kondizzjonijiet patoloġiċi li fihom tinserixxi ruħha dik ir-realtà mxajtna, rappreżentata u deskritta b’mod varju fil-lingwaġġ uman, iżda ostili b’mod radikali għal Alla u allura għall-bniedem u għal Kristu li ġie biex jeħilsu minn dak il-poter malinn. Imma minkejja dan, ukoll l-“ispirtu maħmuġ”, f’dik il-ħabta mal-preżenza l-oħra, jinfaqà f’dik l-ammissjoni li ġejja minn intelliġenza perversa imma ċara: “Bin Alla l-iktar għoli!”
  2. Fil-Vanġelu ta’ Marku nsibu wkoll deskrizzjoni tal-ġrajja abitwalment kkwalifikata bħsla fejqan tal-epilettiku. Infatti is-sintomi li għalihom jirreferi l-evanġelista huma wkoll karatteristiċi ta’ din il-marda (“rawgħa, theżżiż tas-snien, u jirriġidixxi ruħu). Madankollu missier l-epilettiku jippreżenta lil ibnu lil Ġesù bħalapossedut minn spirtu malizzjuż, li jregħdu permezz ta’  konvulżjonijiet, iwaqqgħu mal-art u hu jibda jdur waqt li rawgħa toħroġ minn ħalqu. U huwa possibbli ħafna li fi stat ta’ mard simili jinfiltra u jopera il-ħażen imma wkoll ikollna nammettu li hawn għandna każ ta’ epilessija, li minnha Ġesù jfejjaq lit-tfajjel miżmum bħala mxajtan minn missieru, jibqà madankollu sinifikkativ li huwa jwettaq dak il-fejqan waqt li jordna lill-“ispirtu mutu u trux”:  Oħroġ minnu u la tidħolx iktar” (cf. Mk 9, 17-27). Din hija rijasserzjoni tal-missjoni tiegħu u tal-poter tiegħu li jeħles lill-bniedem mill-ħażen tar-ruħ sa mill-għeruq.
  3. Ġesù jgħarraf b’mod ċar din il-missjoni tiegħu li jeħles lill-bniedem mill-ħażen u fuq kollox mid-dnub, ħażen spiritwali. Din hija missjoni li titlob u tispjega il-ġlieda tiegħu mal-ispirtu ħażin li huwa l-ewwel awtur tal-ħażen fl-istorja tal-bniedem. Bħal ma naqraw fil-Vanġeli, Ġesù b’mod imtenni jiddikjara li tali huwa s-sens tal-opra tiegħu u ta’ dik tal-appostli tiegħu. Ħekk f’Luqa: “Jiena rajt lil satana jaqà mis-sema bħal sajjetta. Hekk hu, jiena tajtkom il-poter li timxu fuq kull qawwa tal-għadu; xejn ma jistà jagħmlilkom ħsara” (Lq10, 18-19). U skont Marku, Ġesù wara li għażel it-Tnax, jibgħathom “jippridkaw u sabiex ikollhom il-poter li jkeċċu x-xjaten”(Mk 3, 14-15). Skont Luqa ukoll it-tnejn u sebgħin dixxiplu,  wara li reġgħu lura minn l-ewwel missjoni tagħhom, jirreferu lil Ġesù: “Mulej ukoll ix-xjaten ibaxxu rashom għalina f’ismek” (Lq 10, 17).

Hekk jimmanifesta ruħu il-poter ta’ Bin il-bniedem fuq id-dnub u fuq l-awtur tad-dnub. L-isem ta’ Ġesù, li għalih ukoll ix-xjaten ibaxxu rashom, ifisser feddej. Madankollu din il-qawwa feddejja tiegħu ikollha t-twettiq tagħha definittiv fis-sagrifiċċju tas-salib. Is-salib jindika r-rebħa totali fuq satana u fuq id-dnub, għaliex dan huwa l-pjan tal-Missier li Ibnu uniġenitu jwettaq billi jsir bniedem: jirbaħ fid-dgħufija u jilħaq il-glorja tal-qawmien mill-mewt u tal-ħajja permezz tal-umiljazzjoni tas-salib. Ukoll f’dan il-fatt paradossali jiddi l-poter divin tiegħu, li jistà b’mod ġust jissejjaħ il-“qawwa tas-salib”.

  1. Tagħmel parti minn din il-qawwa u tappartjeni għall-missjoni tal-Feddej tad-dinja mmanifestata mill-“mirakli, għeġubijiet u sinjali”, ukoll ir-rebħa fuq il-mewt, konsegwenza drammatika tad-dnub. Ir-rebħa fuq id-dnub u fuq il-mewt tindika t-triq tal-missjoni messjanika ta’ Ġesù ta’ Nażżaret għall-Kalvarju. Fost is-“sinjali” li jindikaw b’mod partikolari il-mixja tiegħu lejn ir-rebħa fuq l-mewt, hemm speċjalment il-qawmien mill-imwiet: “il-mejtin iqumu” (Mt11, 5), infatti Ġesù jwieġeb għall-mistoqsija dwar il-messjanità tiegħu magħmula lilu mill-messaġġieri ta’ Ġwanni l-Battista (cf. Mt 11,3). U fost id-diversi “mejtin” imqajma mill-imwiet minn Ġesù jistħoqqlu attenzjoni partikolari Lażżru ta’ Betanja, għaliex il-qawmien mill-imwiet tiegħu huwa bħal “preludju” għas-salib u l-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, li fih huwa jwettaq ir-rebħa definittiva fuq id-dnub u fuq il-mewt.
  2. L-evanġelista Ġwanni ħallielna deskrizzjoni partikulareġġjata tal-ġrajja. Għalina biżżejjed nirreferu għall-waqt konklussiv. Ġesù jitlob li titneħħa l-blata li kienet tagħlaq il-qabar (“Neħħu l-blata”). Marta, oħt Lażżru tosserva li ħuha kien ilu diġa erbat ijiem fil-qabar u li l-ġisem żgur li kien beda jiddekomponi ruħu. Madankollu Ġesù jgħajjat b’leħen għoli: “Lażżru oħroġ barra!”. “U l-mejjet ħareġ”, jixhed l-evanġelista (cf.Ġw 11, 38-43). Il-fatt iqanqal il-fidi ta’ bosta minn dawk preżenti. Oħrajn mill-banda l-oħra jmorru għand ir-rappreżentanti tas-Sinedriju, biex jirrapurtaw il-ġrajja. Is-sommi saċerdoti u l-fariżej jinkwetaw ruħhom, jaħsbu dwar rejazzjoni tal-okkupant Ruman (“se jiġu r-Rumani u jeqirdu l-post qaddis tagħna u n-nazzjon tagħna” (cf. Ġw 11, 45-48). Propju dak il-ħin jaqà fuq is-Sinedriju l-famuż kliem ta’ Kajfa: “Intom ma tifhmu xejn u ma tqisux kif ikun aħjar li jmut bniedem wieħed biss għall-poplu u ma jgħibx nazzjon sħiħ”. U l-evanġelista  jniżżel: “Dan iżda ma qalux minn moħħu imma billi kien is-sommu saċerdot ipprofetizza”. Liema hija din il-profezija? Hekk hu, Ġwanni jagħtina l-qari nisrani ta’ dak il-kliem, li huwa ta’ dimensjoni mmensa: “Ġesù kellu jmut għan-nazzjon u mhux biss għan-nazzjon, imma wkoll biex jerġà jgħaqqad flimkien lill-ulied Alla li kienu mferrxa” (cf. Ġw 11, 49-52).
  3. Kif wieħed jistà jara, id-deskrizzjoni ta’ Lażżru fiha wkoll indikazzjoni rigward is-sinifikat feddej ta’ dan il-miraklu. Huwa indikazzjoni definittiva, għaliex propju dak il-ħin tiġi meħudha mis-Sinedriju d-deċiżjoni dwar il-mewt ta’ Ġesù (cf.Ġw11, 53). U kellha tkun il-mewt redentriċi “għan-nazzjon” u “biex tgħaqqad flimkien lill-ulied Alla li kienu mferrxa”: għall-fidwa tad-dinja. Imma Ġesù diġa qal li dik il-mewt kellha ssir ukoll ir-rebħa definittiva fuq il-mewt. Fl-okkażjoni tal-qawmien mill-imwiet ta’ Lażżru hu kien assikura lil Marta: “Jiena l-qawmien u l-ħajja: min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; kulmin jgħix u jemmen fija, ma jmut qatt” (Ġw 11, 25-26).
  4. Fi tmiem il-katekeżi tagħna nerġgħu lura għal darb’oħra għat-test ta’ Santu Wistin: “Jekk issa nikkunsidraw il-fatti mwettqa mill-Mulej u Feddej tagħna Ġesù Kristu, naraw li l-għajnejn tal-għomja, miftuħa mirakolożament, kienu ingħalqu mill-mewt, u l-idejn u r-riġlejn tal-paralitiċi, maħlula mill-miraklu, kienu mill-ġdid immobilizzati mill-mewt: dak kollu li b’mod temporali kien imfejjaq fil-ġisem mortali, fl-aħħar kien maħlul; imma r-ruħ li emmnet, għaddiet għall-ħajja li ma tintemmx. B’dan l-invalidu l-Mulej ried jagħti sinjal kbir lir-ruħ li emmnet, għall-maħfra tad-dnubiet ta’ liema kien ġie, u biex ifejjaq id-debbolizzi ta’ liema huwa kien ġie umiljat” (S. Wistin, In Io. Ev. Tr., 17, 1).

Iva, il-“mirakli, għeġubijiet u sinjali” kollha ta’ Kristu huma minħabba r-rivelazzjoni tiegħu bħala l-Messija, tiegħu bħala l-Iben ta’ Alla: tiegħu li, biss, għandu l-poter li jeħles il-bniedem mid-dnub u mill-mewt. Tiegħu li tassew hu s-Salvatur tad-dinja.

Miġjuba għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb