Il-mirakli huma sejħa għall-fidi


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 16 ta’ Diċembru  1987

39. Il-mirakli huma sejħa għall-fidi

  1. Il-“mirakli-sinjali” li Ġesù kien jgħmel biex jikkonferma l-missjoni messjanika tiegħu u l-wasla tas-saltna ta’ Alla, huma ordnati u marbuta b’mod strett mas-sejħa għall-fidi. Din is-sejħa fejn jidħol il-miraklu għandha żewġ forom: il-fidi tiġi qabel il-miraklu, anzi hija kondizzjoni sabiex dan jitwettaq; il-fidi tikkostitwixxi effett tal-miraklu, għaliex ipprovokatha minnu fir-ruħ ta’ dawk li rċivewh, inkella kienu x-xhud.

Huwa magħruf li l-fidi hija tweġiba tal-bniedem għall-kelma tar-rivelazzjoni divina. Il-miraklu jseħħ f’rabta organika ma’ din il-kelma ta’ Alla rivelanti. Huwa “sinjal”  tal-preżenza tiegħu u tal-operat tiegħu, sinjal, nistgħu ngħidu, intens b’mod partikolari. Dan kollu jispjega b’mod suffiċjenti r-rabta partikolari li teżisti bejn il-“miraklu-sinjal” ta’ Kristu u l-fidi: rabta indikata  b’mod hekk ċar fil-Vanġeli.

  1. Infatti hemm fil-Vanġeli serje twila ta’ testi, li fihom is-sejħa għall-fidi tidher bħala koefiċjent indispensbbli u sistematiku tal-mirakli ta’ Kristu.

Fil-bidu ta’ din is-serje hemm bżonn insemmu il-paġni li għandhom x’jaqsmu ma’ Omm Kristu fl-imġieba tagħha ġo Kana tal-Galilea, u iktar qabel – u speċjalment – fil-waqt tal-annunzjazzjoni. Nistgħu ngħidu li propju hawn jinsab il-punt kulminanti tal-għaqda tagħha mal-fidi, li ssib il-konferma tagħha fil-kliem tal-Eliżabbetta waqt il-viżitazzjoni: “U mbierka dik li emmnet fit-twettiq ta’ kliem il-Mulej” (Lq 1, 45). Iva, Marija emmnet  bħal ma ħadd qabel, billi kienet konvinta li “xejn mhu mpossibbli għal Alla” (cf. Lq 1, 37).

U ġo Kana tal-Galilea l-fidi tagħha antiċipat, f’ċertu sens, is-siegħa tar-rivelazzjoni ta’ Kristu. Għall-interċessjoni tagħha twettaq dak l-ewwel miraklu-sinjal, grazzi għal liema d-dixxipli ta’ Ġesù “emmnu fih” (Ġw 2, 11). Jekk il-Konċilju Vatikan II jgħallem li Marija tippreċedi b’mod kostanti l-poplu ta’ Alla fi triqat il-fidi (cf. Lumen Gentium, 58.63; Ioannis Pauli PP. II, Redemptoris Mater, 5-6), nistgħu ngħidu li l-ewwel sies ta’ tali asserzjoni jinsab diġa fil-Vanġelu li jirreferi l-“mirakli-sinjali” f’Marija u għal Marija  skont is-sejħa għall-fidi.

  1. Din is-sejħa ttenni ruħha bosta drabi . . . Lill-mexxej tas-sinagoga, Ġajru, li mar jitlob ir-ritorn għall-ħajja ta’ bintu Ġesù jgħid: “La tibżax, kompli biss ikollok fidi!” (u jgħid “la tibżax” għaliex uħud kienu taw parir lil Ġajru biex ma jirrikorrix għand Ġesù) (Mk5, 36).

Meta missier l-epilettiku jitlob il-fejqan t’ibnu waqt li jgħid: “Iżda jekk inti trid . . . għinni”, Ġesù jwieġeb: “Jekk inti trid! Kollox huwa possibbli għal min jemmen” Għandna allura hawn l-att sabih ta’ fidi fi Kristu ta’ dan il-bniedem imġarrab: “Nemmen, għinni fin-buqqas ta’ fidi tiegħi!” (cf. Mk 9, 22-24).

Niftakru fl-aħħar id-djalogu magħruf sewwa ta’ Ġesù ma’ Marta qabel il-qawmien mill-imwiet ta’ Lażżru: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja . . . Temmnu inti dan? . . . Iva, Mulej, nemmen . . .” (cf. Ġw 11, 25-27).

  1. L-istess rabta bejn il-“miraklu-sinjal” u l-fidi tiġi kkonfermata għal raġunijiet differenti minn fatti oħra ta’ sinjal negattiv. Infakkru xi wħud. Fil-Vanġelu ta’ Marku naqraw li Ġesù ta’ Nażżaret “ma setà jagħmel ebda miraklu, imma biss poġġa jdejh fuq diversi morda u fejjaqhom. U stagħġeb mhux ftit dwar in-nuqqas ta’ fidi tagħhom” (Mk6, 5-6).

Nafu ċ-ċanfira ħelwa li Ġesù ndirizza darba waħda lil Pietru: “Bniedem ta’ ftit fidi, għaliex iddubitajt?” Dan seħħ meta Pietru, li għall-ewwel beda miexi b’kuraġġ fuq l-ilma lejn Ġesù, imbagħad minħabba l-qawwa tar-riħ, beżà u beda jegħreq” (cf. Mt 14, 29-31).

  1. Ġesù jenfasizza iktar minn darba li l-miraklu minnu mwettaq huwa marbut mal-fidi. “Il-fidi tiegħek fejqitek”, jgħid lill-mara li kienet ilha tbati tnax-il sena mit-tnixxija tad-demm u li, waqt li resqet lejh minn warajh, kienet messitlu tarf il-mantar u kienet fieqet (cf.Mt9, 20-22; Lq 8, 48; Mk 5, 34).

Kliem simili Ġesù jlissen waqt li jfejjaq lill-għama Bartimew, li f’bieb Ġeriku b’insistenza kien talab l-għajnuna tiegħu waqt li għajjat: “Bin David, Ġesù, ikollok ħniena minni!” (cf. Mk 10, 46-52). Skont Marku: “Mur’, il-fidi tiegħek salvatek”, iwieġbu Ġesù. U Luqa jippreċiża t-tweġiba: “Ikollok mill-ġdid id-dawl: Il-fidi tiegħek salvatek” (Lq 18, 42).

Dikjarazzjoni identika jagħmel lis-Sammaritan imfejjaq mil-lebbra (Lq 17, 19). Waqt li liż-żewġ għomja li jitolbu li jiksbu mill-ġdid id-dawl, Ġesù jistaqsihom: “Temmnu intom li jien nistà nagħmel dan?” “Iva, Mulej!” . . . “Ikunilkom, skont il-fidi tagħkom” (Mt 9, 28-29).

  1. Partikolarment tokkanti huwa l-episodju tal-mara Kananeja, li ma waqfitx titlob l-għajnuna ta’ Ġesù għal bintha “itturmentata b’mod krudil minn xitan”. Meta l-Kananeja nxteħet f’riġlejn Ġesù biex titolbu għajnuna, huwa weġibha: “Mhux sewwa tieħu l-ħobż tal-ulied biex titfgħu lill-ġriewi” (kienet referenza għad-differenza bejn l-Iżraeliti u l-Kananej, li Ġesù bin David, ma setax jinjora fl-imġieba prattika tiegħu, imma li jaċċenna għaliha bħala servizz metodoloġiku biex iqanqal il-fidi). U hekk hu l-mara tasal b’kumbinazzjoni għal att xejn tas-soltu ta’ fidi u umiltà. “Tgħid: “Huwa minnu, Mulej . . . imma wkoll il-ġriewi jieklu mil-loqom li jaqgħu mill-mejda ta’ sidienhom”. Quddiem kliem umli, pulit u fiduċjuż bħal dan Ġesù jwieġeb: “Mara, tassew kbira l-fidi tiegħek! Ħa jkunlek bħal ma tixtieq” (cf.Mt 15, 21-28).

Din hija ġrajja li diffiċli tinsiha, speċjalment jekk taħseb fin-numru bla għadd ta’ “Kananej” ta’ kull żmien, pajjiżi u kondizzjoni soċjali, li joħorġu idhom biex jitolbu min jifhimhom u għajnuna fil-bżonnijiet tagħhom!

  1. Ninnutaw kif fin-narrazzjoni evanġelika jiġi enfasizzat b’mod kntinwu l-fatt li Ġesù, meta “jara l-fidi”, iwettaq il-miraklu. Dan huwa migħud b’mod ċar fil-każ tal-paralitiku mniżżel f’riġlejh mill-fetħa magħmula fis-saqaf (cf.Mk2, 5; Mt9, 2; Lq 5, 20). Imma l-osservazzjoni nistgħu nagħmluha f’tant każijiet oħra irreġistrati mill-evanġelisti. Il-fattur fidi huwa ndispensabbli, imma hekk kif jivverifika ruħu, il-qalb ta’ Ġesù hija lesta biex tismà t-talb ta’ dawk fil-bżonn li jduru lejh sabiex jgħinhom bil-qawwa divina tiegħu.
  2. Mill-ġdid għal darb’oħra nosservaw li, bħal ma għidna fil-bidu, il-miraklu huwa “sinjal” tal-qawwa u tal-imħabba ta’ Alla li jsalvaw lill-bniedem fi Kristu. Imma propju minħabba dan, huwa fl-istess ħin sejħa lill-bniedem għall-fidi. Irid iwassal għat-twemmin kemm lil dak li jsir miegħu l-miraklu, kif ukoll lix-xhieda tal-miraklu.

Dan jgħodd għall-istess appostli, sa minn l-ewwel “sinjal” magħmul minn Ġesù f’Kana tal-Galilea: Kien hemm li huma “emmnu fih” (Ġw 2, 11). Meta mbagħad seħħet il-multiplikazzjoni tal-ħobż fil-viċinanzi ta’ Kafarnaw, li magħha hija marbuta l-aħbar tal-Ewkaristija, l-evanġelista jinnota “li minn dak il-ħin bosta mid-dixxipli bdew jitilqu u ma marrux iktar miegħu”, billi ma kinux kapaċi biex jilqgħu lingwaġġ li dehrilhom li kien “iebes” ħafna għalihom.  Allura Ġesù staqsa lit-Tnax: “Forsi wkoll intom tridu tmorru?” Wieġeb Pietru: “Mulej, għand min immorru? Int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla” (cf. Ġw 6, 66-69). Il-bidu tal-fidi huwa mela fondamentali fir-rapport ma’ Kristu, kemm bħala kondizzjoni biex jinkiseb il-miraklu, kif ukoll bħala skop li għalih huwa jitwettaq. Dan huwa ċar biżżejjed għall-fini tal-Vanġelu ta’ Ġwanni, fejn naqraw: “Bosta sinjali oħra għamel Ġesù quddiem id-dixxipli tiegħu, imma ma ġewx miktuba f’dan il-ktieb. Dawn inkitbu, sabiex temmnu li Ġesù huwa il-Kristu, l-Iben ta’ Alla u sabiex, waqt li temmnu, ikollkom il-ħajja f’ismu” (Ġw 20, 30-31).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb