Il-Missjoni ta’ Kristu hija li jurina l-Missier

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 1 ta’ Ġunju 1988

53. Il-Missjoni ta’ Kristu hija li jurina l-Missier

  1. “Alla li kien diġa tkellem fiż-żmenijiet l-imgħoddija bosta drabi u b’diversi modi ma’ missirijietna permezz tal-profeti, dan l-aħħar, f’dawn il-jiem kellimna permezz tal-Iben . . .” (Eb1, 1 s). B’dan il-kliem, tant magħruf fost il-fidili grazzi għal-liturġija natalizja, l-awtur tal-ittra lil-Lhud jitkellem dwar il-missjoni ta’ Ġesù Kristu, waqt li jippreżentaha fuq l-isfond tal-istorja tal-patt il-qadim. Hemm, minn naħa, kontinwità bejn il-missjoni tal-profeti u l-missjoni ta’ Kristu; mill-banda l-oħra iżda taqbeż minnufih quddiem għajnejna differenza ċara. Ġesù mhuwiex biss l-aħħar, jew inkella l-ikbar fost il-profeti: il-profeta eskatoloġiku,, kif kien imsejjaħ u mistenni minn uħud. Huwa jiddistingwi ruħu mill-profeti antiki kollha b’mod essenzjali u jissupera b’mod infinit il-livell tal-personalità tagħhom u tal-missjoni tagħhom. Huwa huwa l-Iben tal-Missier, il-Verb-Iben konsostanzjali mal-Missier.
  2. Din hija l-verità muftieħ biex tinftiehem il-missjoni ta’ Kristu. Jekk huwa kien mibgħut biex iħabbar l-aħbar it-tajba (il-Vanġelu) lill-fqajrin, jekk flimkien miegħu “ġiet fostna” s-Saltna ta’ Alla, waqt li daħlet b’mod definittiv fl-istorja tal-bniedem, jekk Kristu huwa dak li jagħti xhieda għall-verità miksuba mill-istess sors divin tiegħu, bħal ma diġa rajna fil-katekeżi preċedenti, issa nistgħu niksbu mit-test tal-ittra lil-Lhud, li għadna kemm ikkwotajna, il-verità li tgħaqqad l-aspetti kollha tal-missjoni ta’ Kristu: Ġesù jirrivela lil Alla bil-mod l-iktar awtentiku, għaliex ibbażat fuq l-uniku sors assolutament sikur u indubitabbli: l-istess essenza ta’ Alla. Ix-xhieda ta’ Kristu għandha mela l-valur tal-verità assoluta .
  3. Fil-Vanġelu ta’ Ġwanni nsibu l-istess affermazzjoni tal-ittra lil-Lhud, espressa b’mod iktar konċiż. Naqraw infatti fit-tmiem tal-Prologu: “Lil Alla ħadd qatt ma rah: Propju l-Iben uniġenitu, li huwa fi ħdan il-Missier, hu rrivelah” (Ġw1, 18).

F’dan tikkonsisti d-differenza essenzjali bejn ir-rivelazzjoni ta’ Alla li nsibu fil-profeti u fit-Testment il-Qadim kollu, u dik miġjuba minn Kristu li jgħid dwaru nnifsu: “Issa hawn hawn iktar minn Ġona” (Mt 12, 41). Hawn biex jitkellem dwar Alla huwa Alla nnifsu magħmul bniedem: “Il-Verb li sar laħam” (cf. Ġw 1, 14). Dak il-Verb li “jinsab fi ħdan il-Missier” (cf. Ġw 1, 18), isir “id-dawl veru” (cf. Ġw 1, 9), “id-dawl tad-dinja” (cf. Ġw 8, 12). Hu stess jgħid fuqu nnifsu: “Jiena t-triq, il-verità, u l-ħajja” (cf. Ġw 14, 6).

  1. Kristu jaf lil Alla bħall-Iben li jaf lill-Missier u fl-istess ħin hu magħruf minnu: “Bħal ma l-Missier jaf lili (“ginoskei”) u jien naf lill-Missier . . .”, naqraw fil-Vanġelu ta’ Ġwanni (cf.Ġw 10, 15), u kważi b’mod identiku fis-sinottiċi: “Ħadd ma jaf (“epiginoskei”) l-Iben jekk mhux il-Missier, u ħadd ma jaf lill-Missier jekk mhux l-Iben, u dak li lilu l-Iben irid jirrivelahulu” (Mt 11, 27; cf. Lq 10, 22).

Mela l-Kristu, l-Iben li jaf lill-Missier, jirrivela l-Missier. U fl-istess ħin l-Iben jiġi rivelat mill-Missier. Ġesù nnifsu, wara l-istqarrija ta’ Ċesarea ta’ Filippu, dwar dan jiġbed l-attenzjoni ta’ Pietru, li jagħrfu bħala “il-Kristu, l-Iben ta’ Alla l-ħaj” (Mt 16, 16). “La l-laħam u linqas id-demm ma rrivelawhulek – imma l-Missier li jinsab fis-smewwiet” (Mt 16, 17).

  1. Jekk il-missjoni essenzjali ta’ Kristu hija li jirrivela l-Missier, li huwa l-“Alla tagħna” (cf.Ġw 20, 17), fl-istess ħin huwa nnifsu jiġi rivelat mill-Missier bħala Iben. Dan l-Iben billi huwa “ħaġa waħda mal-Missier” (Ġw10, 30), jistà mela jgħid: “Min ra lili ra lill-Missier” (Ġw 14, 9). Fi Kristu Alla sar viżibbli: fi Kristu tattwa ruħha l-“viżibiltà” ta’ Alla. Dan qalu b’mod konċiż Sant’Irinew: “Ir-realtà viżibbli tal-Iben kienet il-Missier, u r-realtà viżibbli tal-Missier kienet l-Iben” (S. Irenaei “Adv. haer.”, IV, 6, 6).

Mela f’Ġesù Kristu  tirrealizza ruħha fil-milja kollha tagħha l-awtorivelazzjoni ta’ Alla. Fil-waqt opportun jiġi mbagħad rivelat l-Ispirtu li jipproċedi mill-Missier (Ġw 15, 26), u li l-Missier jibgħat f’isem l-Iben  (cf. Ġw 14, 26).

  1. Fid-dawl ta’ dawn il-misteri tat-Trinità u tal-Inkarnazzjoni, takkwista sinifikat adegwat il-beatitudni mxandra minn Ġesù lid-dixxipli tiegħu: “Imberkin l-għajnejn li jaraw dak li intom qegħdin taraw, imma huma ma rawhx, u jisimgħu dak li intom qegħdin tisimgħu, imma huma ma semgħuhx” (Lq10, 23-24).

Kważi diwi ħaj ta’ dan il-kliem tal-imgħallem donnu jirbombja fl-ewwel ittra ta’ Ġwanni: “”Dak li kien sa mill-bidu, dak li aħna smajna, dak li aħna rajna b’għajnejna, dak li aħna mmeditajna u dak li jdejna messew, jiġifieri l-Verb tal-ħajja ((ġaladarba l-ħajja saret viżibbli, aħna rajniha u ta’ dan nagħtu xhieda u nħabbrulkom l-ħajja eterna . . . ), dak li aħna rajna u smajna aħna nxandruh lilkom, għaliex intom ukoll intom f’għaqda magħna” (1 Ġw 1, 1-3). Fil-Prologu tal-Vanġelu tiegħu l-istess Appostlu jikteb, “ . . . aħna rajna l-glorja tiegħu, ġlorja  bħal uniġenita mill-Missier, mimlija grazzja u verità” (Ġw 1, 14).

  1. B’referenza għal din il-verità fundamentali tal-fidi tagħna, il-Konċilju Vatikan II fil-Kostituzzjoni dwar ir-rivelazzjoni divina jgħid: “Il-verità profonda, imbagħad, dwar Alla u dwar is-salvazzjoni tal-bnedmin, permezz ta’ din ir-rivelazzjoni tiddi lilna fi Kristu, li huwa flimkien il-medjatur u l-milja tar-rivelazzjoni kollha kemm hi”” (Dei Verbum, 2). Hawn għandna d-dimensjoni sħiħa ta’ Kristu, rivelazzjoni ta’ Alla, għaliex din ir-rivelazzjoni hija, fl-istess ħin, ir-rivelazzjoni tal-ekonomija feddejja ta’ Alla fir-rgward tal-bniedem u tad-dinja. Fiha, bħal ma jgħid San Pawl fir-rigward tal-predikazzjoni tal-Appostli, din hija li “ġġiegħel jixgħel f’għajnejn kulħadd liema huwa t-twettiq tal-misteru moħbi għal sekoli sħaħ fil-menti ta’ Alla, ħallieq tal-Univers” (Ef3, 9). Dan huwa l-misteru tal-pjan tal-fidwa, li Alla ikkonċepixxa sa mill-eternità fl-intimità tal-ħajja trinitarja, li fiha kkuntempla, ħabb, ried, ħoloq u “reġà ħoloq” il-ħwejjeġ tas-sema u tal-art waqt li rabathom mal-inkarnazzjoni u allura ma’ Kristu.
  2. Nerġgħu mill-ġdid nirrikorru għal darb’oħra għall-Konċilju Vatikan II, fejn naqraw: “Ġesù Kristu . . . Verb magħmul laħam, mibgħut bħala «bniedem lill-bnedmin», «jitkellem il-kliem ta’ Alla» (Ġw3, 34) u jwassal għat-twettiq l-opra tal-fidwa afdatha lilu mill-Missier” (cf.Ġw 5, 36; 17, 4). Hu,”bil-fatt stess tal-preżenza tiegħu u bil-manifestazzjoni tiegħu, bil-kliem u bl-opri, bis-sinjali u bil-mirakli, u b’mod speċjali bil-mewt u l-qawmien mill-imwiet tiegħu minn fost il-mejtin, u fl-aħħar billi bagħat l-Ispirtu Santu, iwettaq u jtemm r-rivelazzjoni u jikkorrabora bix-xhieda divina, li jiġifieri Alla huwa magħna biex jeħlisna mid-dlamijiet tad-dnub u tal-mewt, u jqajjimna mill-imwiet għall-ħajja eterna”.

“L-ekonomija nisanija, mela, billi hija patt ġdid definittiv, ma tgħaddi qatt u wieħed m’għandux jistenna xi rivelazzjoni pubblika oħra qabel il-manifestazzjoni glorjuża tas-Sinjur  tagħna Ġesù Kristu” (cf. 1 Tm 6, 14 et Tt 2, 13) (Dei Verbum, 4).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading