Jiena ġejt fid-dinja biex nixhed għall-verità


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 4 ta’ Mejju 1988

52. Jiena ġejt fid-dinja biex nixhed għall-verità

  1. “Għal dan jiena twelidt u għal dan jien ġejt fid-dinja: biex nixhed għall-verità” (Ġw18, 37). Meta Pilatu waqt il-proċess, staqsa lil Ġesù jekk kienx sultan, l-ewwel semgħu iwieġeb: “Is-saltna tiegħi mhix ta’ din id-dinja . . .”. U meta l-gvernatur Ruman insista bil-mistoqsija “Mela inti sultan?, kellu din it-tweġiba: “Int qiegħed tgħidu: jiena sultan” (cf. Ġw18, 33-37). Dan id-djalogu ġudizzjarju, miġjub fil-Vanġelu ta’ Ġwanni, jippermettilna ngħaqqdu mill-ġdid mal-katekeżi preċedenti, li t-tema tagħha kienet il-messaġġ ta’ Kristu dwar is-Saltna ta’ Alla . Fl-istess ħin terġà  tbexxaq għall-ispirtu tagħna dimensjoni oħra jew aspett ieħor tal-missjoni ta’ Kristu, indikat minn dak il-kliem: “nagħti xhieda lill-verità”. Kristu huwa sultan u “ġie biex jagħti xhieda lill-verità”. Hu nnifsu jsostni u jżid: “Kull min hu tal-verità, jismà leħni” (Ġw 18, 37).

Din it-tweġiba tiftaħ quddiem għajnejna orizzonti ġodda kemm dwar il-missjoni ta’ Kristu, kif ukoll dwar il-vokazzjoni tal-bniedem, u b’mod partikolari dwar l-ingranazzjoni tal-vokazzjoni tal-bniedem fi Kristu.

2.Permezz tal-kliem indirizzat lil Pilatu, Ġesù jenfasizza dak li huwa essenzjali fil-predikazzjoni kollha tiegħu. Fl-istess ħin hu b’ċertu mod jantiċipa dak li dejjem jibni l-messaġġ elokwenti inkluż fil-ġrajja paskwali, jew aħjar fis-salib u l-qawmien mill-imwiet tiegħu.

Waqt li jitkellmu dwar il-predikazzjoni ta’ Ġesù, saħansitra l-oppożituri tiegħu kienu jesprimu bil-mod tagħhom is-sinifikat fundamentali, meta kienu jgħidulu: “Mgħallem nafu li inti ma tigdibx . . . skont il-verità tgħallem triq Alla” (Mk 12, 14). Ġesù kien mela l-imgħallem fit-“triq ta’ Alla”: espressjoni mill-oriġini bibbliċi antiki u extrabibbliċi biex jippjana duttrina reliġjuża u feddejja. Rigward is-semmiegħa komuni ta’ Ġesù, dawn kienu mpressjonati minn aspett ieħor tal-predikazzjoni tiegħu, bħal ma jixhdu l-evanġelisti: “U kienu mgħaġġba mit-tagħlim tiegħu, għaliex kien jgħallimhom bħal wieħed li għandu awtorità, u mhux bħall-iskribi” (Mk 1, 22). “. . . Kien jitkellem b’awtorità” (Lq 4, 32).

Din l-awtorità u l-awterevolezza kienet kostitwita b’mod speċjali mill-qawwa tal-verità miġbura fil-predikazzjoni ta’ Kristu. Is-semmiegħa, id-dixxipli kienu jsejħulu “Mgħallem”, mhux tant fis-sens li kien jaf il-liġi u l-profeti u li kien jikkummentahom  b’intelliġenza, bħall-iskribi. Imma minħabba mottiv ferm iktar qawwi: hu kien “jitkellem b’awtorità”, u din kienet l-awtorità tal-verità li s-sors tagħha huwa Alla nnifsu. Ġesù stess kien jgħid: “Id-duttrina tiegħi mhijiex tiegħi, imma ta’ dak li bagħatni” (Ġw 7, 16).

  1. F’dan is-sens li jinkludi r-referenza lil Alla, Ġesù kien mgħallem. “Intom issejħuli mgħallem u Mulej u tgħidu sew, għaliex hekk jien” (Gv13, 13). Kien mgħallem tal-verità li huwa Alla. Għal din il-verità huwa ta xhieda sa l-aħħar, b’awtorità li kienet tiġih mill-għoli: nistgħu ngħidu b’awtorità ta’ wieħed li huwa “sultan” fl-isfera tal-verità.

Diġa fil-katekeżi ta’ qabel ġbidna l-attenzjoni għad-diskors tal-muntanja li fih Ġesù jirrivela lilu nnifsu bħala dak li ġie mhux “biex ineħħi l-Liġi jew il-profeti” imma “biex iwettaqhom”. Dan it-“twettiq” tal-Liġi kien opra ta’ regalità u ta’ “awtorità: ir-regalità u l-awtorità tal-verità, li tiddeċiedi dwar il-Liġi, dwar is-sors divin tagħha, dwar il-manifestazzjoni progressiva tagħha lid-dinja.

  1. Id-diskors tal-muntanja jħalli tfeġġ din l-awtorità, li biha Ġesù feħsiebu jwettaq il-missjoni tiegħu. Dawn huma xi passi sinifikattivi: “Intom fhimtu li intqal lill-antiki: «la toqtolx» . . . imma jien ngħidilkom”. “Fhimtu dak li ntqal: «la tikkommettix adulterju»; imma jien ngħidilkom . . .”. “. . . Intqal . . . «la tixhidx falz», imma jien ngħidilkom”. U wara kull “jien ngħidilkom” hemm espożizzjoni awtorevoli ta’ dik il-verità tal-kondotta umana, li hija miġbura f’kull kmandament ta’Alla. Ġesù ma jikkummentax b’mod uman, bħal skriba, it-testi tat-Testment il-Qadim imma jitkellem bl-awtorità tal-leġislatur innifsu. Din hija l-awtorità tal-ħolqien tal-liġi, ir-regalità. Din hija fl-istess ħin l-awtorità tal-verità, grazzi għal liema l-liġi l-ġdida ssir għall-bniedem prinċipju vinkulanti (li jorbot) ta’ kondotta.
  2. Meta Ġesù fid-diskors tal-muntanja jippronunzja diversi drabi dan il-kliem: “imma jiena ngħidilkom”, fil-lingwaġġ tiegħu hemm l-eku u r-rifless tat-testi tat-tradizzjoni bibblika li jirrepetuh: “Hekk jgħid il-Mulej Alla ta’ Iżrael” (2 Sam12, 7), “. . . Ġakobb . . . “Hekk jgħid il-Mulej li għamlek” (44, 1-2), “Hekk jgħid il-Mulej feddej tiegħek, il-Qaddis ta’ Iżrael . . .” ( 43, 14). U mill-ġdid b’mod iktar dirett huwa jerġà jintrabat mar-referenza għal  Alla li dejjem terġà lura fuq fomm Mosè fl-għoti tal-liġi – “il-liġi l-qadima” – lill-Iżrael. Ferm iktar qawwija minn dik ta’ Mosè hija l-awtorità li Ġesù jattribwixxi lilu nnifsu fl-għoti tat-“twettiq lil-liġi u lill-profeti” bil-qawwa tal-missjoni riċevuta mill-għoli: mhux fuq is-Sinai, imma fil-misteru  prominenti tar-rapport tiegħu mal-Missier.
  3. Ġesù għandu kuxjenza ċara ta’ din il-missjoni li hija sostnuta mill-qawwa tal-verità miksuba mis-sors divin tagħha stess. Hemm relazzjoni stretta bejn it-tweġiba tiegħu lil Pilatu: “Jiena ġejt fid-dinja biex nagħti xhieda lill-verità” (Ġw18, 37), u d-dikjarazzjoni tiegħu quddiem is-semmiegħa: “Id-duttrina tiegħi mhijiex tiegħi, imma ta’ dak li bagħatni” (Ġw7, 16). Il-prinċipju gwida u unifikanti ta’ din u ta’ stqarrijiet oħra ta’ Ġesù dwar “l-awtorità tal-verità” li biha jgħallem, hija fil-kuxjenza tiegħu tal-missjoni riċevuta mill-għoli.
  4. Ġesù għandu l-kuxjenza li fid-duttrina tiegħu jimmanifesta ruħu lill-bnedmin l-għerf etern. Għal dan huwa jċanfar lil dawk li jirrifjutaw li jilqgħuh bla ma jaħsibħa li jsejjaħ b’awtorità lis-“sultana tan-Nofsinhar” (sultana ta’ Saba), li kienet ġiet . . . “biex tismà l-għerf ta’ Salamun”, waqt li minnufih jiddikjara: “Hawn, issa, hawn iktar minn Salamun” (Mt12, 42).

Jaf ukoll u jipproklama b’mod miftuħ li l-kliem li joħroġ minn dak l-għerf divin “ma jgħaddix”: “Is-sema u l-art jgħaddu, imam kliemi ma jgħaddix” (Mk 13, 31). Dan infatti fih il-qawwa tal-verità, li hija ndistruttibbli u eterna. Huwa mela “kliem ta’ ħajja eterna”, bħal ma stqarr l-appostlu Pietru f’waqt kritiku, meta bosta minn dawk li kienu miġbura biex jisimgħu lil Ġesù bdew jitilquh għaliex ma kienx seħħilhom jifhmu u ma kinux iħossu li jaċċettaw l-kliem li kien iħabbar minn qabel il-misteru tal-Ewkaristija (cf. Ġw 6, 66).

  1. Hawn se nmissu l-problema tal-libertà tal-bniedem li jaċċetta jew le l-verità eterna miġbura fid-duttrina ta’ Kristu, valida bla ebda dubju biex tagħti lill-bnedmin ta’ kull żmien, – u allura wkoll ta’ żmienna – tweġiba adegwata lill-vokazzjoni tagħhom, li għandha ftuħ etern. Quddiem din il-problema, li għandha dimensjoni tejoloġika imma wkoll antropoloġika (il-mod tar-rejazzjoni u tal-komportament tal-bniedem quddiem proposta ta’ verità), għalissa huwa biżżejjed li nirrikorru għal dak li qal il-Konċilju Vatikan II speċjalment rigward is-sensibiltà partikolari tal-bnedmin tallum. Dan qabel xejn jiddikjara li “l-esseri umani kollha huma mistennija li jfittxu l-verità, b’mod speċjali fir-rigward ta’ Alla u tal-Knisja tiegħu”, imma wkoll li “l-verità ma timponix ruħha jekk mhux minħabba l-istess verità, li tinfirex fl-imħuħ b’mod delikat u fl-istess ħin b’qawwa” (Dignitatis Humanae, 1). Il-Konċilju jfakkar barra minn hekk id-dmir tal-bnedmin li “jissapportjaw il-verità ġaladarba jkunu għarfuha u li jorganizzaw ħajjithom kollha skont l-esiġenzi tagħha”. Imbagħad iżid: “Għal tali obbligu, iżda, l-esseri umani mhumiex lesti li jissodisfaw, b’responsiv għan-natura tagħhom, jekk ma jkunux igawdu mil-libertà psikoloġika u fl-istess ħin mill-immunità tal-limitazzjoni esterna” (Dignitatis Humanae, 2).
  2. U hawn hi l-missjoni ta’ Kristu bħala mgħallem ta’ verità eterna.

Il-Konċilju, wara li mill-ġdid fakkar li “l-istess Alla jsejjaħ lill-esseri umani għas-servizz tiegħu fi spirtu u verità . . . minħabba li hu jimpurtah mid-dinjità tal-persuna umana minnu maħluqha . . .”, iżid li “dan deher fi grad l-iktar għoli fi Kristu Ġesù, li fih Alla immanifesta lilu nnifsu u t-toroq tiegħu b’mod perfett. Infatti, Kristu, li huwa mgħallem u Mulej tagħna, manswet u umli mill-qalb, stieden u ġibed lid-dixxipli b’mod mimli sabar. Ċertament huwa sostna u kkonferma l-predikazzjoni tiegħu bil-mirakli biex iqanqal u  jsabbar il-fidi fis-semmiegħa, imma mingħajr ma jeżerċita l-ebda limitazzjoni fuqhom”.

U fl-aħħar huwa jerġà jgħaqqad din id-dimensjoni tad-duttrina ta’ Kristu mal-misteru paskwali: “Fl-aħħarnett, Ġesù temm ir-rivelazzjoni tiegħu billi wettaq fis-salib l-opra tal-fidwa, li biha akkwista għall-esseri umani l-fidwa u l-vera libertà. Infatti huwa ta xhieda għall-verità, iżda ma riedx jimponiha bil-qawwa fuq dawk li kienu jirrifjutawha. Is-Saltna tiegħu ma titwaqqafx bix-xabla, imma tikkostitwixxi ruħha billi tismà l-verità u billi tagħtiha xhieda, u tikber bis-saħħa tal-imħabba, li biha Kristu mgħolli fuq is-salib jiġbed lejh l-esseri umani” (Dignitatis Humanae, 11).

Nistgħu minn issa nikkonkludu li min sinċerament ifittex l-verità jsib b’mod faċli biżżejjed fil-maġisteru tal-Kristu msallab is-soluzzjoni wkoll tal-problema tal-libertà

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb