Ġesù Kristu, ix-Xhud Fidil


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 8 ta’ Ġunju 1988

54. Ġesù Kristu, ix-Xhud Fidil.

  1. Naqraw fil-kostituzzjoniLumen Gentiumtal-Konċilju Vatikan II rigward il-missjoni terrena ta’ Ġesù Kristu: “ “Mela ġie l-Iben, mibgħut mill-Missier, li fih qabel il-fondazzjoni tad-dinja għażilna u  ppredestinana biex inkunu addottati f’ulied, għaliex fh ried jiċċentra l-ħwejjeġ kollha  (cf. Ef 1, 4-5. 10). Għalhekk Kristu biex iwettaq r-rieda tal-Missier inawgura fuq l-art is-Saltna tas-smewwiet u irrivelalna il-misteru tiegħu u bl-ubbidjenza tiegħu wettaq il-fidwa” (Lumen Gentium, 3).

Dan it-test jippermettilna li nikkonsidraw dak kollu li dwaru tkellimna fl-aħħar katekeżi. Fihom, infatti, fittixna li nenfasizzaw l-aspetti essenzjali tal-missjoni messjanika ta’ Kristu. Issa t-test konċiljari jerġà jipproponilna l-verità tal-konnessjoni  stretta u profonda li teżisti bejn din il-missjoni u l-istess mibgħut, Kristu, li fit-twettiq tagħha jimmanifesta d-dispożizzjoni tiegħu u d-doti personali.  Infatti jistgħu jiġu rilevati fil-kondotta kollha ta’ Ġesù diversi karatteristiċi fundamentali, li sabu l-espressjoni wkoll fil-predikazzjoni tiegħu, u jservu biex jagħtu milja ta’ kredibiltà lill-missjoni messjanika tiegħu.

  1. Ġesù fil-predikazzjoni tiegħu u fil-kondotta tiegħu juri qabel xejn l-unjoni profonda tiegħu mal-Missier fil-ħsieb u fil-kliem. Dak li jrid jittrażmetti lis-semmiegħa tiegħu (u lill-umanità kollha) jiġi mill-Missier li “bagħtu fid-dinja” (Ġw10, 36). “Għaliex jien ma tkellimtx minn jeddi, imma l-Missier li bagħatni, hu stess amarli x’għandi ngħid u nħabbar. U jien naf li l-kmandament tiegħu huwa ħajja eterna.. L-affarijiet mela li jiena ngħid, ngħidhom kif il-Missier qalhom lili” (Ġw12, 49-50). “Bħal ma għallimni l-Missier, hekk jien ntkellem” (Ġw 8, 28). Hekk naqraw fil-Vanġelu ta’ Ġwanni. Imma wkoll fis-sinottiċi hija miktuba l-kelma analoga mħabbra minn Ġesù: “Kollox kien mogħti lili minn Missieri” (Mt 11, 27), u b’dak il-“kollox” Ġesù jirreferi espressament għall-kontenut tar-rivelazzjoni minnu miġjuba lill-bnedmin (cf. Mt 11, 25-27; analoġiċi Lq 10, 21-22). F’dan il-kliem ta’ Ġesù nsibu l-manifestazzjoni tal-ispirtu li bih huwa jwettaq il-predikazzjoni tiegħu. Huwa hu u jibqà x-“xhud fidil” (Ap 1, 5). F’din ix-xhieda hemm inkluża u tispikka dik l-“ubbidjenza” partikolari tal-Iben lejn il-Missier, li fil-waqt kulminanti juri lilu nnifsu “ubbidjenti sal-mewt” (cf. Fil 2, 8).
  2. Fil-predikazzjoni Ġesù juri wkoll li dik il-fedeltà assoluta lejn il-Missier bħala sors ewlieni u aħħari ta’ dak “kollu” li għandu jkun rivelat, hija s-sies essenzjali tal-verità u l-kredibiltà tiegħu. “Id-duttrina tiegħi mhix tiegħi, imma ta’ dak li bagħatni”, jgħid Ġesù u jżid: “Min jitkellem dwaru stess, ifittex il-glorja propja: imma min ifittex il-glorja ta’ dak li bagħtu huwa minnu, u fih mhemmx inġustizzja” (Ġw7, 16. 18). Fuq fomm l-Iben ta’ Alla tali kliem jistà jissorprendi. Infatti jippronunzjah dak li huwa “konsustanzjali mal-Missier”. Imma ma nistgħux ninsew li huwa jitkellem ukoll bħala bniedem. Huwa joqgħod attent li s-semmiegħa tiegħu ma jkollhom ebda dubju dwar punt fundamentali: jew aħjar li l-verità li huwa jittrasmetti, hija divina, u ġejja minn Alla. Joqgħod b’sebà għajnejn li l-bnedmin, waqt li jisimgħuh, isibu fil-kelma tiegħu l-aċċess għall-istess sors divin tal-verità rivelata. Li huma ma jiqfux fuq dak li jgħallem, li ma jħallux lilhom infushom jaffaxxinaw ruħhom mill-“oriġinalità” u l-“istraordinarjetà” ta’ dak li f’din id-duttrina jiġi mill-Imgħallem innifsu. L-Imgħallem ma “jfittixx il-glorja propja”. Ifittex biss u b’mod esklussiv “il-glorja ta’ dak li bagħatni”. Ma nitkellimx “f’ismi propju”, imma f’isem il-Missier.

Dan ukoll huwa aspett tat-“tneżżigħ” (“kenosis”), li skont San Pawl (cf. Fil 2, 7), jilħaq il-quċċata tiegħu fil-misteru tas-salib.

  1. Kristu huwa “x-xhud fidil”. Din il-fedeltà – fir-riċerka esklussiva tal-glorja tal-Missier, mhux dik propja – toħroġ mill-imħabba li hu feħsiebu jipprova: “Hemm bżonn li d-dinja tkun taf li jien inħobb lill-Missier” (Ġw14, 31). Imma r-rivelazzjoni tiegħu tal-imħabba lejn il-Missier tinkludi wkoll imħabbtu lejn il-bnedmin. Infatti hu “kien jgħaddi jagħmel il-ġid” (cf.At 10, 38). Il-missjoni terrena kollha tiegħu hija mimlija b’atti ta’ mħabba lejn il-bnedmin, b’mod speċjali l-iżgħar u dawk fil-bżonn. “Ejjew għandi – huwa jistieden – intom ilkoll li tinsabu mfarrkin u oppressi, u jiena nfarraġkom”  (Mt 11, 28). “Ejjew”: hija eżortazzjoni li tmur ‘il hemm miċ-ċirku ta’ dawk ta’ żmienu li Ġesù setà jiltaqà magħhom fil-jiem ta’ ħajtu u tat-tbatija tiegħu fuq din l-art; hija sejħa lill-foqra taż-żmenijiet kollha, dejjem attwali wkoll illum, dejjem titwieled mill-ġdid fuq x-xuftejn u fil-qalb tal-Knisja.
  2. Parallela ma’ din l-eżortazzjoni, hemm oħra: “Tgħallmu minni, li jien manswet u umli tal-qalb, u ssibu serħan għal ruħkom” (Mt11, 29). Il-manswetudni u l-umanità ta’ Ġesù jsiru attrazzjoni għal min hu msejjaħ biex jidħol fl-iskola tiegħu: “Tgħallmu minni”. Ġesù huwa “x-xhud fidil” tal-imħabba li Alla  għandu għall-bniedem. Fix-xhieda tiegħu l-verità divina u l-imħabba divina jassoċjaw ruħhom. Minħabba dan bejn il-kelma u l-azzjoni, bejn dak li huwa jagħmel u dak li huwa jgħallem hemm  koeżjoni, kważi jkollna ngħidu omoġenjetà. Ġesù mhux biss jgħallem l-imħabba bħala l-kmandament suprem, imma jwettaqha huwa stess bil-mod l-iktar perfett. Mhux biss ixandar il-bejatitudni fid-diskors tal-muntanja, imma joffri fih innifsu l-inkarnazzjoni matul ħajtu kollha. Mhux biss jimponi l-esiġenza li nħobbu lill-għedewwa, imma huwa stess iwettaqha speċjalment fis-siegħa tat-tislib: “Missier, aħfrilhom, ma jafux dak li qegħdin jagħmlu” (Lq 23, 34).
  3. Imma dik il-“manswetudni u umiltà tal-qalb” bl-ebda mod ma tfisser dgħufija. Għall-kuntrarju, Ġesù huwa esiġenti. Il-Vanġelu tiegħu huwa esiġenti. Mhuwiex propju hu li jwissi: “Min ma jerfax salibu u ma jsegwinix, mhuwiex dehen tiegħi”? U ftit wara: “Min isib ħajtu jitlifha; u min jitlef ħajtu minħabba fija jsibha” (Mt10, 38-39). Dan huwa xorta ta’ radikaliżmu mhux biss fil-lingwaġġ evanġeliku, imma wkoll fl-esiġenzi rejali tas-segwitu ta’ Kristu, li dwarhom huwa ma jaħsibhiex darbtejn li jikkonferma spiss l-estensjoni kollha: “La taħsbux li jiena ġejt biex inġib il-paċi fuq l-art; ma ġejtx biex inġib il-paċi – huwa jgħid darba fost l-oħrajn – imma x-xabla” (Mt 10, 34). Dan huwa mod qawwi biex tgħid li l-Vanġelu huwa wkoll sors ta’ “nkwiet” għall-bniedem. Ġesù jridna nifhmu li l-Vanġelu huwa esiġenti, u tesiġi tfisser tqalleb il-kuxjenzi, ma tippermettix li  jillaxkaw f’“paċi” falza, li fiha jsiru dejjem iktar insensibbli u mħabbla, hekk li fihom ir-realtajiet spiritwali jiżvojtaw lilhom infushom mill-valur, u hekk jitilfu kull interess. Ġesù jġħid quddiem Pilatu: “Jiena ġejt f’din id-dinja  biex nagħti xhieda għall-verità” (Ġw 18, 37). Dan il-kliem jirrigwarda wkoll id-dawl li huwa jġib fuq il-kamp kollu tal-azzjonijiet umani, waqt li jħarbat l-oskurità tal-ħsibijiet u speċjalment tal-kuxjenzi biex iġiegħel tittrijonfa f’kull bniedem il-verità. “Kull min hu mill-verità, jismà leħni”, jġħid Ġesù (Ġw 18, 37). Minħabba f’hekk Ġesù huwa esiġenti. Mhux iebes jew sever b’mod ineżorabbli biex isejjaħ mill-ġdid lill-kulħadd għall-ħajja fil-verità.
  4. Hekk l-esiġenzi tal-Vanġelu ta’ Kristu jippenetraw fil-qasam tal-liġi u tal-morali. Dak li huwa x-“xhud fidil” (Ap1, 5) tal-verità divina, tal-verità tal-Missier, jgħid sa mill-bidu tad-diskors tal-muntanja: “Min mela jikser wieħed biss minn dawn il-preċetti, ukoll minimi, u jgħallem lill-bnedmin biex jagħmlu mod ieħor, jitqies bħala minimu fis-Saltna tas-smewwiet” (Mt5, 19). U fit-tħeġġiġ għall-konverzjoni, ma jaħsibhiex darbtejn biex iċanfar lill-istess belt fejn in-nies jirrifjutaw li jemmnu: “Gwaj għalik, Korażin, gwaj għalik, Betsajda!” (Lq 10, 13), waqt li jwissi lil kulħadd u lil kull wieħed u waħda: “. . . jekk ma tikkonvertux, tintilfu” (Lq 13, 3).
  5. Hekk il-Vanġelu tal-manswetudni u tal-umiltà jimxi bl-istess pass mal-Vanġelu tal-esiġenzi morali, u saħansitra tat-theddid sever lil dawk li ma jridux jikkonvertu. Mhemm ebda kontradizjoni bejn il-wieħed u l-ieħor. Ġesù jgħix bil-veritajiet li jxandar u bl-imħaba li jirrivela, u din hija mħabba esiġenti bħall-verità li minnha tinbet.Mill-bqija l-imħabba poġġiet l-ikbar esiġenzi lil Ġesù nnifsu fis-siegħa tal-Ġetsemani, fis-siegħa tal-Kalvarju, fis-siegħa tas-salib. Ġesù aċċetta u ssekonda dawn l-esiġenzi sal-aħħar, għaliex bħal ma javżana l-evanġelista, huwa “ħabb sal-aħħar” (Ġw13, 1). Din kienet imħabba fidila, li għaliha l-jum ta’ qabel ma miet huwa setà jgħid lill-Missier: “Il-kliem li tajtni jien tajtu lilhom” (Ġw17, 8).
  6. Bħala “xhud fidil” Ġesù wettaq il-missjoni riċevuta mingħand il-Missier fil-profondità tal-misteru trinitarju. Kienet missjoni eterna, inkluża fil-ħsieb tal-Missier li ġġenerah u li ppredestinah biex iwettaqha “fil-milja taż-żmenijiet” għall-fidwa tal-bnedmin – ta’ kull bniedem – u għall-ġid perfett tal-ħolqien kollu. Ġesù kellu l-koxjenza ta’ din il-missjoni tiegħu fiċ-ċentru tal-pjan ħallieq u feddej tal-Missier; u għalhekk bir-realiżmu kollu tal-verità u tal-imħabba miġjuba fid-dinja, setà jgħid: “Meta nkun mgħolli mill-art, niġbed lil kulħadd warajja” (Ġw12, 32).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb