Is-Saltna ta’ Alla


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 27 ta’ April 1988

51. Is-Saltna ta’ Alla

  1. “Iż-żmien wasal u s-Saltna ta’ Alla hi fil-qrib, ikkonvertu u emmnu fil-Vanġelu” (Mk1, 15). Ġesù Kristu intbagħat mill-Missier “biex iħabbar lill-fqajrin messaġġ ferrieħ” (Lq 4, 18). Kien u jibqà l-ewwel messaġġier tal-Missier, l-ewwel evanġelizzatur, bħal ma għidna fil-katekeżi ta’ qabel bl-istess kliem ta’ Pawlu VI fl-Evangelii Nuntiandi. Anzi, Ġesù huwa mhux biss il-ħabbar tal-Vanġelu, tal-Bxara t-Tajba, imma huwa stess huwa l-Vanġelu (cf. Pauli VI Evangelii Nuntiandi, 7).

Infatti fit-totalità kollha tal-missjoni tiegħu, permezz ta’ dak kollu li jagħmel u li jgħallem, u fl-aħħar permezz tas-salib u l-qawmien mill-imwiet, Huwa “jiżvela l-bniedem għall-bniedem” (cf. Gaudium et Spes, 22), u jiskoprilu l-prospettivi ta’ dik il-feliċità li għaliha Alla sejjaħlu u ddestinah sa mill-bidu. Il-messaġġ tal-bejatitudni jiġbru fil-qosor il-programm ta’ ħajja propost lil min irid isegwi s-sejħa divina, huwa s-sintesi tal-ethos kollu evanġeliku marbut mal-misteru tal-fidwa.

  1. Il-missjoni ta’ Kristu tikkonsisti qabel xejn fir-rivelazzjoni tal-Bxara t-Tajba (il-Vanġelu) ndirizzatha lill-bniedem. Mela timmira għall-bniedem u f’dan is-sens wieħed jistà jgħidilha “antropoċentrika”: imma fl-istess ħin hija ingranata b’mod profond fil-verità tas-Saltna ta’ Alla, fit-tħabbira tal-miġja tagħha u tal-viċinanza tagħha “Is-Saltna ta’ Alla hi fil-qrib . . . emmnu fil-Vanġelu” (Mk1, 15).

Dan huwa mela “l-Vanġelu tas-Saltna”,  li r-referenza tiegħu għall-bniedem, viżibbli fil-missjoni kollha ta’ Kristu, hija ngranata f’dimensjoni “tejoċentrika” (iċċentrata fuq Alla), li isimha huwa appuntu dak ta’ “Saltna ta’ Alla”. Ġesù jħabbar il-Vanġelu ta’ din is-Saltna, u fl-istess ħin huwa  jwettaq is-Saltna ta’ Alla fl-iżvolġiment kollu tal-missjoni tiegħu, li għaliha s-Saltna titwieled u tiżviluppa diġa fiż-żmien, bħal żerriegħa imdeffsa fl-istorja tal-bniedem u tad-dinja. Dan it-twettiq tas-Saltna jsir permezz tal-kelma tal-Vanġelu u l-ħajja kollha terrena ta’ Bin il-bniedem, inkurunata fil-misteru tal-Għid bis-salib u l-qawmien mill-imwiet. Infatti bl-“ubbidjenza sal-mewt” tiegħu (cf. Fil 2, 8) Ġesù ta bidu għal fażi ġdida tal-ekoċentranomija tal-fidwa, li l-proċess tagħha jintemm meta Alla jkun “kollox f’kulħadd” (1 Cor 15, 28), għalhekk is-Saltna ta’ Alla tassew  bdiet titwettaq fl-istorja tal-bniedem u tad-dinja, ukoll  jekk fil-kors terren tal-ħajja umana tiltaqà  u taħbat kontinwament mat-terminu l-ieħor fundamentali tad-djalettika storika: id-“diżubbidjenza tal-ewwel Adam”, li ssottomettiet l-ispirtu tiegħu lill-“prinċep tad-dinja” (cf. Rm 5, 19; Gv 14, 30).

  1. Hawn se nmissu l-problema ċentrali u kważi l-punt kritiku tal-attwazzjoni tal-missjoni ta’ Kristu – Bin Alla – fl-istorja: Kwestjoni li fuqha jeħtieġ li nerġgħu nduru fi stadju suċċessiv tal-katekeżi tagħna. Jekk fi Kristu s-Saltna ta’ Alla “hija fil-qrib” u anzi preżenti, b’mod definittiv fl-istorja tal-bniedem u tad-dinja, fl-istess ħin it-twettiq tagħha jkompli jappartjeni għall-futur. U għalhekk Ġesù jikkmandana biex nitolbu lill-Missier “Tiġi Saltnatek” (Mt6, 10).
  2. Jeħtieb li jkollna preżenti din il-kwistjoni waqt li qegħdin nittrattaw dwar il-Vanġelu ta’ Kristu bħala “aħbar tajba” tas-Saltna ta’ Alla. Din kienet it-tema “gwida” tal-aħbar ta’ Ġesù li titkellem dwar is-Saltna ta’ Alla b’mod speċjali fil-parabboli numerużi. B’mod partikolari sinifikattiva hija dik li tippreżenta s-Saltna ta’ Alla tixbaħ lil żerriegħa, li ż-żerriegħ jiżra fl-art ikkultivatha minnu (cf.Mt13, 3-9). Iż-żerriegħa hija ddestinata “biex tipproduċi frott”, bis-saħħa interna tagħha, bla dubju, imma l-frott jiddependi wkoll mill-art li fiha waqgħet (cf. Mt 13, 19-23).
  3. Darb’oħra Ġesù qabbel is-Saltna ta’ Alla (is-“Saltna tas-Smewwiet” skont Mattew) ma’ żerriegħa tas-senapa li “hija l-iżgħar fost iż-żrieragħ kollha”, imma la darba tikber issir siġra mwerrqa, li fuq il-friegħi tagħha jsibu kenn l-għasafar tal-ajru (cf.Mt 13, 31-32). U jergà jqabbel it-tkabbir tas-Saltna ta’ Alla mal-“ħmira” li tiffermenta d-dqiq sabiex jittrasforma ruħu f’ħobż li jservi bħala ikel għall-bnedmin (cf. Mt 13, 33). Madankollu mal-problema tat-tkabbir tas-Saltna ta’ Alla fl-art li hija din id-dinja, Ġesù jiddedika wkoll parabola oħra, dik tal-qamħ tajjeb u tas-sikrana mferrxa mill-“għadu” fl-għalqa miżrugħa bil-qamħ it-tajjeb (cf.Mt 13, 24-30) hekk fl-għalqa tad-dinja it-tajjeb u l-ħażin,  rappreżentati mill-qamħ u mis-sikrana, jikbru flimkien “sa żmien il-ħsad”, jiġifieri sal-jum tal-ħaqq divin: allużjoni sinifikattiva oħra tal-prospettiva eskatoloġika tal-istorja umana. Hu x’inhu jgħarrafna li t-tkabbir taż-żerriegħa, bħal ma hi l-“kelma ta’ Alla”, huwa kkondizzjonat minn kif din tiġi milqugħa fl-għalqa tal-qlub umani: minn dan jiddependi jekk tipproduċix u tirrendix “issa l-mija, issa s-sittin, issa t-tletin” (cf. Mt 13, 23) skont id-disposizzjonijiet u l-korrispondenza ta dawk li jirċevuha.
  4. Fl-aħbar tiegħu tas-Saltna ta’ Alla, Ġesù ukoll jgħarrafna li din mhix iddestinata għall-nazzjon wieħed jew għall-“poplu magħżul” biss, għaliex “mil-Lvant u mill-Punent” iridu jidħlu bosta biex “ipoġġu mal-mejda ma’ Abraham, Iżakk u Ġakobb” (cf.Mt8, 11). Din mhix saltna f’sens temporali u politiku. Din mhix ta’ “din id-dinja” (cf. Ġw 18, 36) alavolja giet impjantatha f’nofs “din id-dinja” u hawn trid tiżviluppa u tikber. Minħabba dan Ġesù jitbiegħed mill-folla li riedet tagħmlu sultan (Imma Ġesù li għaraf li kienu ġejjin biex jaqbduh u jagħmluh sultan, irtira mill-ġdid fuq il-muntanja għal kollox waħdu” (cf. Ġw 6, 15). U lejlet il-passjoni tiegħu fiċ-ċenaklu huwa jitlob lill-Missier li jippermetti lid-dixxipli li jgħixu skont din l-istess  idea tas-Saltna ta’ Alla: “Ma nitolbokx li tneħħihom mid-dinja, imma li tieħu ħsiebhom kontra l-ispirtu tal-ħażen. Huma mhumiex tad-dinja, bħal ma jien miniex tad-dinja” (cf. Ġw 17, 15-16) u mill-ġdid: skont it-tagħlim u t-talb ta’ Ġesù, is-Saltna ta’ Alla trid tikber fil-qlub tad-dixxipli “f’din id-dinja”, iżda hi tilħaq il-quċċata tagħha fid-dinja futura: “meta Bin il-bniedem jidħol fil-glorja tiegħu . . . U jkunu magħqudin mill-ġdid quddiemu  l-ġnus kollha” (Mt 25, 31-32). Dejjem fi prospettiva eskatoloġika!
  5. Nistgħu ntemmu l-idea tas-Saltna ta’ Alla mħabbra minn Kristu, billi nenfasizzaw li din hija s-Saltna tal-Missier, li lejh Ġesù jgħallimna biex nirrikorru bit-talb ħalli nakkwistaw il-miġja: “Tiġi Saltnatek”” (Mt6, 10;Lk 11, 2). Minn naħa tiegħu l-Missier ċelesti joffri lill-bnedmin (permezz ta’ Kristu u fi Kristu) il-maħfra ta’ dnubiethom u l-fidwa, u mimli mħabba jistenna r-ritorn tagħhom bħal ma l-missier tal-parabbola jistenna r-ritorn tal-iben il-ħali (Lq 15, 20-32) għaliex Alla huwa tassew “għani bil-ħniena” (Ef 2, 4).

F’dan id-dawl isib postu l-Vanġelu kollu tal-konversjoni, mħabbra minn Ġesù sa mill-bidunett: “Ikkonvertu u emmnu l-Vanġelu! ” (Mk 1, 15). Il-konversjoni lejn il-Missier, lejn Alla li “huwa mħabba” (1 Gw 4, 16), terġà tintrabat mal-aċċettazzjoni tal-imħabba bħala kmandament “ġdid”: l-imħabba ta’ Alla, “l-ikbar u l-ewwel mill-kmandamenti” (Mt 22, 38) u l-imħabba tal-proxxmu, “li jaqbel ma’ tal-ewwel” (Mt 22, 39). Jgħid Ġesù: “Nagħtikom kmandament “ġdid”: li tħobbu lil xulxin”. “Bħal ma ħabbejtkom jien,  hekk ukoll ħobbu intom:  lil xulxin” (Ġw 13, 34). U hawn ninsabu fl-essenza tas-“Saltna ta’ Alla” fil-bniedem u fl-istorja. Hekk il-liġi kollha  jew aħjar il-patrimonju etiku tal-patt il-qadim – irid jitwettaq, irid jilħaq il-milja divin-umana tiegħu. Ġesù nnifsu jiddikjara dan fid-diskors tal-muntanja: “La taħsbux li jiena ġejt biex inneħħi l-liġi jew il-profeti: ma ġejtx biex inneħħi, imma biex inwettaq” (Mt 5, 17).

Jekk xejn huwa jeħles lill-bniedem mill-“ittra tal-liġi”, biex jintroduċih fl-ispirtu tagħha, sabiex, kif jgħid Pawlu, “l-ittra (weħedha) toqtol” waqt li “l-Ispirtu jagħti l-ħajja” (cf. 2 Kor 3, 6). L-imħabba fraterna, bħala rifless u parteċipazzjoni tal-imħabba ta’ Alla, hija mela l-animatur  ewlieni tal-liġi l-ġdida, li hija bħall-bażi kostituzzjonali tas-Saltna ta’ Alla (cf. S. Thomae “Summa Theologiae, I-II, q. 106, a. 1; q. 107, aa. 1-2).

  1. Fost il-parabboli, li fihom Ġesù jerġà jlibbes bis-similitudni u bl-allegoriji l-predikazzjoni tiegħu dwar is-Saltna ta’ Alla, hemm dik ukoll ta’ sultan “li għamel festa tat-tieġ għal ibnu” (Mt22, 2). Il-parabbola tirrakkonta li bosta minn l-ewwel mistednin ma jiġux għall-festa, billi sabu diversi skużi jew impenji biex ma jmorrux, u li allura s-sultan sejjaħ nies oħra minn “slaleb it-toroq”, sabiex ipoġġu mal-mejda. Imma fost dawk li ġew mhux kollha wrew ruħhom denji ta’ dik l-istedina, minħabba li kienu nieqsa mil-“libsa tat-tieġ” meħtieġa.

Din il-parabbola tal-festa, ikkonfrontata ma’ dik taż-żerriegħ u taż-żergħa twassalna għall-istess konklużjoni: jekk mhux il-mistednin kollha joqogħdu bilqiegħda għall-festa, linqas iż-żrieragħ ma jipproduċu l-ħsad, dan jiddependi mid-dispożizzjonijiet li bihom iwieġbu għall-istedina jew jirċievu f’qalbhom iż-żergħa tal-kelma ta’ Alla. Jiddependi mill-mod li bih wieħed jilqà lil Kristu, li huwa ż-żerriegħ, u wkoll l-iben tas-sultan u l-għarus, bħal ma hu stess bosta drabi jippreżenta ruħu: “Jistgħu forsi jsumu l-mistednin tat-tieġ meta l-għarus jinsab magħhom?” (Mk 2, 19), staqsa darba waħda lil min kien staqsieh, billi  rrifera għas-severità ta’ Ġwanni l-Battista. U wieġeb hu nnifsu: “Sakemm għandhom l-għarus magħhom ma jistgħux isumu” (Mc 2, 19).

Is-Saltna ta’ Alla hija mela bħal festa ta’ tieġ, li għaliha l-Missier ċelesti jistieden lill-bnedmin f’komunjoni ta’ mħabba u ta’ ferħ ma’ Ibnu. Ilkoll huma msejħin u mistednin imma kull wieħed u waħda huma responsabbli tal-aċċettazzjoni tagħhom jew tal-propju rifjut, tal-propja konformità jew kontradizzjoni lejn il-liġi li tirregola l-festa.

  1. Din hija l-liġi tal-imħabba: hija tirriżulta mill-grazzja divina fil-bniedem li jilqagħha u jżommha waqt li jipparteċipa potenzjalment fil-misteru paskwali ta’ Kristu. Din hija mħabba li twettaq lilha nfisha fl-istorja minkejja kull rifjut minn naħa tal-mistednin, minkejja l-indinjità tagħhom. Għan-nisrani titbissem it-tama li l-imħabba twettaq ruħha wkoll fil-“mistednin” kollha propju għaliex il-“qies” paskwali ta’ dik l-imħabba sponsali huwa s-salib, il-prospettiva eskatoloġika tagħha hija miftuħa fl-istorja tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu. Għalih il-Missier “ħelisna mill-poter tad-dlamijiet u ttrasferina fis-Saltna ta’ Ibnu l-għażiż”   (cf. Kol 1, 13). Jekk aħna nċedu għas-sejħa u għall-ġibda tal-Missier, fi Kristu ilkoll “ikollna l-fidwa” u l-ħajja ta’ dejjem.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb