Il-Qawmien mill-Mewt ta’ Kristu huwa ġrajja storika u affirmazzjoni tal-fidi

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 25 ta’ Jannar 1989

77. Il-Qawmien mill-Mewt ta’ Kristu huwa ġrajja storika u affirmazzjoni tal-fidi.

  1. F’din il-katekeżi qed impoġġu lilna nfusna quddiem l-verità kulminanti tal-fidi tagħna fi Kristu, iddokumentata mit-testment il-ġdid, emmnuta u migħejxa bħala ċentrali mill-ewwel komunitajiet insara, mgħoddija bħala fundamentali mit-Tradizzjoni, qatt traskurata mill-veri nsara, u llum iddttaljata, studjata u ppridkata bħala parti essenzjali tal-misteru paskwali flimkien mas-Salib: jiġifieri l-Qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu. Dwaru infatti s-Simbolu tal-appostli jgħid li “fit-tielet jum qam minn bejn l-imwiet”; u s-Simbolu niċenu-kostantinoplitan jippreċiża: “Fit-tielet jum qam minn bejn l-imwiet skont il-Kotba Mqaddsa”.

Din hija domma tal-fidi nisranija, li tinfilsa ruħha f’fatt li storikament seħħ u ġie vverifikat. Aħna se nippruvaw ninvestigaw “bl-irkupptejn tal moħħ baxxuti” il-misteru  espress mid-domma u miġbur fil-fatt, billi nibdew bl-eżami tat-testi bibbliċi li  jixhduh.

  1. L-ewwel u l-eqdem xhieda miktuba dwar il-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu tinsab fl-ewwel ittra ta’ San Pawl lill-Korintin. Fiha l-appostlu jfakkar lid-destinatarji tal-ittra (madwar l-Għid tas-sena 57 WK): “Għaddejtilkom mela, qabel xejn, dak li wkoll jien irċivejt: li jiġifieri Kristu miet għad-dnubiet tagħna skont l-Iskritturi, ġie midfun u mat-tielet jum irxoxta skont il-Kotba Mqaddsa, u li deher lil Kefa u mbagħad lit-tnax. Wara deher lil iktar minn ħames mitt aħwa f’salt: il-parti l-kbira minnhom għadhom ħajjin, waqt li oħrajn mietu. Barra minn dan deher lil Ġakbu, u mbagħad lill-appostli kollha. L-aħħar fost kulħadd deher ukoll lili bħal lil wieħed abortit” (1 Cor15, 3-8).

Bħal ma nistgħu naraw, l-Appostlu hawn jitkellem dwar it-tradizzjoni ħajja tal-Qawmien mill-Imwiet, li dwarha hu kien kiseb għarfien wara l-konverżjoni tiegħu fil-bieb ta’ Damasku (cf. At 9, 3-18). Waqt il-vjaġġ tiegħu f’Ġerusalem kien iltaqà mal-appostlu Pietru, u wkoll ma’ Ġakbu, kif jiġi ppreċiżat mill-ittra lill-Galatin (Gal 1, 18 s.), li issa jikkwota bħala ż-żewġ xhieda ewlenin tal-Kristu rxoxt.

  1. Huwa ta’ min ukoll jinnota li, fit-test ikkwotat, San Pawl mhux biss jitkellem dwar il-Qawmien li seħħ mat-tielet jum “skont il-Kotba Mqaddsa” (referenza bibblika li diġa tmiss id-dimensjoni tejoloġika tal-fatt), imma wkoll fl-istess ħin jirrikorri għax-xhieda ta’ dawk li lilhom Kristu deher personalment. Dan huwa sinjal, fost oħrajn, li l-fidi tal-ewwel komunità ta’ kredenti, espressa, minn San Pawl fl-ittra lill-Korintin, hija bbażata fuq ix-xhieda ta’ bnedmin konkreti, magħrufin mal-insara u fil-parti l-kbira tagħhom ħajjin f’nofshom. Dawn ix-“xhieda tal-Qawmien mill-imwiet ta’ Kristu” (cf.At1, 22), huma l-ewwelnett it-tnax-il appostlu, imma mhux huma biss: Pawlu saħansitra jitkellem dwar iktar minn ħames mitt ruħ, li lilhom Ġesù deher f’salt, barra minn Pietru u Gakbu u l-appostli kollha.
  2. Quddiem dan it-test pawlin jitilfu kull aċċettazzjoni l-assunzjonijiet, li bihom f’diversi modi kien ippruvat li jinterpretaw il-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu billi jisseparawh mill-ordni fiżiku b’mod li ma jingħarafx bħala fatt storiku: per eżempju l-ipotesi, skont liema il-qawmien mill-imwiet ma kienx ħaġ’oħra għajr speċi ta’ nterpretazzjoni tal-istat li fih Kristu sab ruħu wara l-mewt (stat ta’ ħajja u mhux ta’ mewt), jew inkella l-ipotesi l-oħra li tirriduċi l-qawmien mill-imwiet għal influss li Kristu, wara l-mewt tiegħu, ma qatax milli jeżerċita – u anzi reġà beda b’qawwa ġdida, irreżistibli – fuq id-dixxipli tiegħu. Dawn l-ipotesi donnhom jimplikaw  disgust preġudizjali għar-realtà tal-Qawmien mill-Imwiet, meta tqis biss kif il-“prodott” tal-ambjent, jew aħjar tal-komunità ta’ Ġerusalem. La l-interpretazzjoni u linqas il-preġudizzju ma jsibu konferma fil-fatti. San Pawl, iżda, fit-test ikkwotat, jirrikorri għax-xhieda okulari tal-“fatt”: il-konvinzjoni tiegħu dwar il-Qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu għandha mela bażi sperimentali. Din hija marbuta ma’ dak l-argument ex factis,  li naraw magħżul u segwit mill-appostli propju f’dik l-ewwel komunità ta’ Ġerusalem. Infatti meta tidħol l-elezzjoni ta’ Mattija, wieħed mid-dixxipli l-iktar  regolari ta’ Ġesù, biex jiġi ntegrat in-numru tat-“Tnax” li kien baqà mhux komplut minħabba t-tradiment u t-tmiem ta’ Ġuda l-Iskarjota, l-appostli jerġgħu jitolbu bħala kondizzjoni li dak li kellu jkun elett mhux biss kellu jkun “seħibhom” tul il-perijodu li fih Ġesù għallem u ħadem, imma li fuq kollox huwa setà jkun “xhud tal-qawmien mill-mwiet tiegħu” grazzi għall-esperjenza magħmula fil-jiem ta’ qabel il-waqt li fih Kristu – kif jgħidu huma – “kien minn nofshom mtellà fis-sema o” (At 1, 22).
  3. Mela ma nisgħux nippreżentaw, bħal ma tagħmel ċerta kritika neotestamentarja ftit li xejn rispettuża tad-dati storiċi, il-Qawmien mill-Imwiet bħala “prodott” tal-ewwel komunità nisranija, dik ta’ Ġerusalem. Il-verità dwar il-Qawmien mill-Imwiet mhix prodott tal-fidi tal-appostli jew tad-dixxipli l-oħra pre jew post paskwali. Mit-testi jirriżulta pjuttost li l-fidi “prepaskwali” tas-segwaċi ta’ Kristu kienet sottomessa għall-prova radikali tal-Passjoni u tal-mewt fuq is-Salib tal-Imgħallem tagħhom. Huwa stess kien ħabbar din il-prova, b’mod speċjali bil-kliem indirizzat lil Xmun Pietru meta kien wasal fuq l-għatba tal-ġrajjiet traġiċi ta’ Ġerusalem: “Xmun, Xmun, hekk hu satana fittxek biex jidirsek bħall-qamħ, imma jien tlabt għalik biex il-fidi tiegħek ma tonqosx” (Lq22, 31-32). L-iskoss imqanqal mill-passjoni u l-mewt ta’ Kristu kien hekk kbir li d-dixxipli (talinqas uħud minnhom) inizjalment ma emmnux għall-aħbar tal-qawmien mill-imwiet. F’kull Vanġelu nsibu l-provi. B’mod partikolari f’Luqa li jgħarrafna li meta n-nisa “reġgħu lura mill-qabar, iħabbru dan kollu(jew aħjar il-qabar vojt) lil ħdax u lill-oħrajn kollha . . .dak il-kliem dehrilhom bħal thewdin u ma emmnuhomx” (Lq 24, 9. 11).
  4. Mill-bqija l-ipotesi li fil-Qawmien mill-Imwiet irid jara “prodott” tal-fidi tal-appostli huwa ribattut ukoll minn dak li hu riferut meta l-Irxuxtat “innifsu deher f’nofshom u qalilhom; Il-paċi magħkom”. Infatti huma “ħasbu li qegħdin jaraw fantażma”. F’dik l-okkażjoni Ġesù nnifsu kellu jirbaħ id-dubji tagħhom u l-biżà tagħhom u jikkonvinċihom li “kien hu”: “Missuni u kkonvinċu ruħkom: fantażma m’għandhiex għadam u laħam bħal ma qegħdin taraw li għandi jien”. U billi huma “komplew ma jemmnux u kienu mistagħġbin”, Ġesù talabhom biex jagħtuh xi ħaġa x’jiekol u “kielha quddiemhom” (cf.Lq 24, 36-43).
  5. Barra minn dan huwa magħruf sewwa l-episodju ta’ Tumas, li ma kienx mal-appostli l-oħra meta Ġesù mar għandhom l-ewwel darba, billi daħal fiċ-Ċenaklu minkejja li l-bibien kienu kollha magħluqin (cf.Ġw20, 19). Meta, reġà lura u d-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna lill-Mulej”, Tumas wera l-għaġeb u n-nuqqas ta’ twemmin tiegħu u rribatta: “Jekk ma narax f’idejh is-sinjali tal-imsiemer u ndaħħal sebgħi fil-post tal-imsiemer u ma nqigħedtx idi fil-kustat tiegħu – ma nemminx”. Wara tmint ijiem Ġesù ġie mill-ġdid fiċ-Ċenaklu, biex jissodisfa x-xewqa ta’ Tumas “inkredulu” u qallu: “Qiegħed hawn subgħajk u ħares lejn idejja; oħroġ idek, u qiegħdha fil-kustat: u tibqax ma temminx imma emmen!” U meta Tumas ipprofessa l-fidi tiegħu bil-kliem “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” Ġesù qallu: “Inti emmint għax rajt: imberkin dawk li ma jarawx u jemmnu!” (Ġw 20, 24-29).

L-eżortazzjoni biex wieħed jemmen, mingħajr ma jippretendi li jara dak li huwa moħbi fil-misteru ta’ Alla u ta’ Kristu, jibqà dejjem validu; imma d-diffikultà tal-appostlu Tumas fl-ammissjoni tal-Qawmien mill-Imwiet mingħajr ma kien sperimenta personalment il-preżenza ta’ Ġesù ħaj, imbagħad iċ-ċediment tiegħu quddiem il-provi mogħtija lilu minn Ġesù stess, jikkonfermaw dak li jirriżulta mill-Vanġeli dwar ir-reżistenza tal-appostli u d-dixxipli biex jammettu l-Qawmien mill-Imwiet. Għalhekk m’għandhiex konsistenza l-ipotesi li l-Qawmien mill-Imwiet kien “prodott” tal-fidi (jew tat-twemmin) tal-appostli. Il-fidi tagħhom fil-Qawmien mill-Imwiet iżda tnisslet – taħt l-azzjoni tal-grazzja divina – mill-esperjenza diretta tar-realtà tal-Kristu rxoxt.

  1. Huwa Ġesù stess li wara l-Qawmien mill-imwiet jikkuntattja lid-dixxipli tiegħu bl-iskop li jagħtihom is-sens tar-realtà u tal-firxa tal-opinjoni (jew tal-biżà) li kien “fantażma”, u allura li kien vittma ta’illużjoni. Infatti huwa jistabilixxi magħhom rapport diretti, propju permezz tal-mess. Hekk fil-każ ta’ Tumas, li għadna kemm fakkarna, imma wkoll fil-laqgħa deskritta fil-Vanġelu ta’ Luqa, meta Ġesù jgħid lid-dixxipli mħawdin: “Missuni u araw li fantażma la jkollha ġisem u linqas għadam bħal ma għandi jien” (Lq24, 39). Jistedinhom biex josservaw  li l-Ġisem irxuxtat, li bih jippreżenta ruħu lilhom, huwa l-istess li kien tant ittorturat u mislub. Dak il-ġisem jippossiedi però fl-istess ħin propjetajiet ġodda: dan “sar spiritwali” u “gglorifikat”, u allura mhux iktar sottomess għal-limitazzjonijiet tas-soltu tal-esseri materjali u allura għall-ġisem uman. (Infatti Ġesù jidħol fiċ-Ċenaklu minkejja li l-bibien huma magħluqin, jidher u jgħib, eċċ.). Imma fl-istess ħin dak il-ġisem huwa awtentiku u reali. Fl-identità tiegħu materjali tinsab id-dimostrazzjoni tal-Qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu.
  2. Il-laqgħa fit-triq ta’ Emmaws, riferuta fil-Vanġelu ta’ Luqa, hija ġrajja li tirrendi viżibbli b’mod partikolarment evidenti kif immaturat fl-għarfien tad-dixxipli l-persważjoni tal-Qawmien mill-Imwiet appuntu permezz tal-kuntatt mal-Kristu rxoxt (cf.Lq24, 15-21). Dawk iż-żewġ segwaċi ta’ Ġesù, li fil-bidu tal-mixja kienu “mdejqin u mnikkta”, minħabba dak li kien ġara lill-imgħallem fil-jum tal-kruċifissjoni u ma ħbewx id-delużjoni li ħassew hekk kif raw tikkrolla t-tama li huma kienu fdaw fih bħala l-messija ħellies (aħna konna nittamaw li kien hu li kellu jeħles lill-Iżrael), jisperimentaw wara trasformazzjoni sħiħa, meta għalihom kollox isir ċar li l-iskonoxxut, li miegħu kienu tkellmu, kien propju l-istess Kristu ta’ qabel, u jindunaw li huwa kien allura rxoxta. Min-narrazzjoni kollha jirriżulta li ċ-ċertezza tal-Qawmien mill-Imwiet ta’ Ġesù kien għamel minnhom kważi bnedmin ġodda. Mhux biss kienu reġgħu akkwistaw il-fidi fi Kristu, imma kienu wkoll lesti li jixhdu għall-verità dwar il-Qawmien mill-Imwiet.

Dawn l-elementi kollha tat-test evanġeliku, li bejniethom jaqblu, jippruvaw il-fatt tal-Qawmien mill-Imwiet, li jikkostitwixxi s-sies tal-fidi tal-appostli u tax-xhieda li, bħal ma se naraw fil-katekeżi li jmiss, tinsab fiċ-ċentru tal-predikazzjoni tagħhom.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading