Ġesù niżel bejn l-imwiet


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 11 ta’ Jannar 1989

76. Ġesù niżel bejn l-imwiet.

  1. Fil-katekeżi l-iktar reċenti spjegajna bl-għajnuna ta’ testi bibbliċi, l-artikolu tas-Simbolu tal-appostli li jgħid li Ġesù: “Bata taħt Ponzju Pilatu, sallbuh . . .. u difnuh”. Din ma kinitx biss narrazzjoni tal-istorja tal-passjoni, imma penetrazzjoni tal-verità tal-fidi magħluqa fiha u li s-Simbolu jġegħlna nipprofessaw: il-Fidwa umana magħmula minn Kristu bis-sagrifiċċju tiegħu. Aħna waqafna b’mod partikolari fil-konsiderazzjoni tal-mewt tiegħu u tal-kliem minnu ppronunzjat waqt l-agunija fuq is-salib, skont ir-relazzjoni li għaddewlna l-evanġelisti. Tali kliem jgħinna niskopru u nifhmu maġġjorment fi profondità l-ispirtu li bih Ġesù issagrifika ruħu għalina.

Dak l-artikolu ta’ fidi jikkonkludi, kif għadna kemm irrepetejna, bil-kliem: “. . . u difnuh”. Donnha sempliċi konnotazzjoni ta’ kronaka: iżda hija dettal li s-sinifikat tiegħu jidħol fl-orizzont l-iktar wiesà tal-kristoloġija kollha. Ġesù Kristu huwa il-Verb li sar ġisem biex jassumi l-kondizzjoni umana u jsir jixbaħ lilna f’kollox, minbarra fid-dnub (cf. Eb 4, 15). Huwa sar verament “wieħed minna” (cf. Gaudium et Spes, 22), biex ikun jistà jwettaq il-fidwa tagħna, grazzi għas-solidarjetà profonda nstawrata ma’ kull membru tal-familja umana. F’dik il-kondizzjoni ta’ bniedem veru, ġarrab interament ix-xorti tal-bniedem, sal-mewt, wara liema abitwalment issegwi d-difna, almenu fid-dinja kulturali u reliġjuża li fiha huwa kien inserixxa ruħu u għex. Id-difna ta’ Kristu hija mela oġġett tal-fidi tagħna in kwantu li terġà tipproponilna il-misteru tiegħu ta’ Bin Alla li sar bniedem u li mbotta lilu nnifsu sat-truf tal-ġrajja umana.

  1. Għal dan il-kliem konklussiv tal-artikolu tal-Passjoni u l-mewt ta’ Kristu, jorbot ruħu b’ċertu mod l-artikolu suċċessiv li jgħid: “Niżel bejn l-imwiet”. F’tali artikolu jirriflettu ruħhom ċerti testi tat-testment il-ġdid li se narawhom minnufih. Huwa tajjeb iżda li nippermettu li,, jekk fil-perijodi tal-kontroversji mal-arjani il-formula msemmiha kienet tinsab fit-testi ta’ dawk l-eretiċi, hija kienet introdotta però ukoll fl-imsemmi “Simbolu ta’ Aquilea”, li kienet waħda mill-professjonijiet tal-fidi kattolika li kienu jeżistu dak iż-żmien, imħejjiha lejn tmiem ir-IV sekolu (cf. Denz-Schönm 16). Din daħlet b’mod definittiv fit-tagħlim tal- Konċilji mal-Lateranense IV (1215) u mat-II Konċilju ta’ Lyon fil-professjoni tal-fidi ta’  Michele Paleologo (1274).

Ta’ min jiċċara minn l-ewwel li l-espressjoni “inferi” ma tfissirx l-infern, l-istat ta’ dannazzjoni, imma r-residenza tal-mejtin, dik li bl-ebrajk kienet tissejjaħ “sheol” u bil-Grieg “hades” (cf. At 2, 31).

  1. It-testi tat-testment il-ġdid, li minnhom hija derivata dik il-formula, huma numerużi. L-ewwel wieħed jinsab fid-diskors ta’ Pentekoste tal- appostlu Pietru, li jfakkar is-Salm 16 sabiex jikkonferma l-aħbar tal-Qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu, dan il-kontenut jiddikjara li l-profeta David “ippreveda l-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu u kien tkellem dwaru: dan ma kienx abbandunat fl-inferi u linqas ġismu ma ra l-korruzzjoni” (At2, 31). Sinifikat simili għandha l-mistoqsija li jagħmel l-appostlu Pawlu fl-ittra lir-Rumani: “Min se jinżel fl-abbiss? Dan ifisser jerġà jtellà lil Kristu mill-imwiet” (Rm 10, 7).

Ukoll fl-ittra lill-Efesin, hemm test li, dejjem f’relazzjoni ma’ versett tas-Salm 69: “Waqt li telà fis-sema ħa miegħu priġunieri, qassam rigali lill-bnedmin” (Sal 69, 19), iqanqal domanda sinifikattiva: “Imma xi tfisser il-“Kelma “telà” jekk mhux l-ewwel kien niżel fil-parti nferjuri tad-dinja? Dak li niżel huwa l-istess li wkoll telà ‘il fuq mis-smewwiet kollha sabiex jimla l-ħwejjeġ kollha” (Ef 4, 8-10). B’dan il-mod l-awtur donnu jorbot l-“inżul” ta’ Kriistu fl-abbiss (f’nofs il-mejtin), li dwarhom titkellem l-ittra lir-Rumani, bit-tlugħ tiegħu għand il-Missier, li jagħti bidu għat-“twettiq” eskatoloġiku ta’ kull ħaġa f’Alla.

Għal dan il-kunċett jikkorrispondi wkoll il-kliem imqiegħed fuq fomm Kristu: “Jiena l-Ewwel u l-Aħħar u l-Ħaj. Jien kont mejjet, imma issa jien ħaj għal dejjem u għandi l-poter fuq il-mewt u fuq l-inferi” (Ap 1, 17-18).

  1. Kif wieħed jistà jara mit-testi msemmija, l-artikolu tas-Simbolu tal-Appostli “niżel fl-inferi”, jsib is-sies tiegħu fl-affermazzoni tat-testment il-ġdid dwar l-inżul ta’ Kristu, wara l-mewt fuq is-Salib, fil-“pajjiż tal-mewt”, fil-“post tal-mejtin”, li fil-lingwaġġ tat-testment il-qadim kien jissejjah l-“abbiss”. Jekk fl-ittra lill-Efesin jingħad “fil-partijiet inferjuri tal-art”, dan huwa għaliex l-art tilqà l-ġisem uman wara l-mewt, u hekk ukoll laqgħet il-ġisem ta’ Kristu mejjet fuq il-Golgota, bħal ma jiddeskrivu l-evanġelisti (cf.Mt27, 59 s. et par; Ġw 19, 40-42). Kristu għadda minn esperjenza awtentika tal-mewt, inkluż il-waqt finali li ġeneralment jagħmel parti mill-ekonomija globali tagħha; u tqiegħed fil-qabar.

Din hija konferma li tiegħu kienet mewt reali, u mhux biss apparenti. Ruħu sseparat minn ġismu, kienet igglorifikata f’Alla, imma l-ġisem kien jinsab fil-qabar fl-istat ta’ katavru.

Matul it-tlett ijiem (mhux sħaħ) li għaddew mill-waqt li huwa “miet” (cf. Mk 15, 37) u l-Qawmien mill-Imwiet, Ġesù sperimenta l-“istat tal-mewt”, jiġifieri l-firda tar-ruħ mill-ġisem, fl-istat u l-kondizzjoni tal-bnedmin kollha. Dan huwa l-ewwel sinifikat tal-kliem “niżel fl-inferi”, marbut ma’ dak li Ġesù stess kien ippronunzja Gesù  meta, waqt , li rrefera għall-istorja ta’ Ġona kien qal: “Infatti kif Ġona baqà tlett ijiem u tlett iljieli f’żaqq il-ħuta, hekk Bin il-bniedem jibqà tlett ijiem u tlett iljieli fil-qalb tal-art” (Mt 12, 40).

  1. Propju dan kien ifisser: il-qalb, jew il-ħdan tal-art. Waqt li miet fuq is-Salib, Ġesù reġà telaq mill-ġdid ruħu f’idejn il-Missier: “Missier f’idejk nerħi ruħi” (Lq23, 46). Jekk il-mewt tfisser il-firda tar-ruħ mill-ġisem, dan ifisser li wkoll għal Ġesù kien hemm naħa l-istat tal-katavru tal-ġisem, u naħa oħra il-glorifikazzjoni sħiħa ċelesti ta’ ruħu mill-waqt tal-mewt. L-ewwel ittra ta’ San Pietru titkellem dwar dan id-duwaliżmu, meta, waqt li tirreferi għall-mewt imġarrba minn Kristu għad-dnubiet, tgħid dwaru: “Ikkundannat għall-mewt fil-ġisem, imma mogħti lura ħaj fir-ruħ” (1 Pt 3, 18). Ruħ u ġisem isibu lilhom infushom mela fil-kondizzjoni terminali rispondenti għan-natura tagħhom, ukoll jekk fuq il-pjan ontoloġiku r-ruħ  għandha tendenza li tikkomponi mill-ġdid l-għaqda mal-ġisem. L-Appostlu iżda jżid: “Fl-ispirtu (Kristu) mar iħabbar il-fidwa wkoll lill-erwieħ li kienu qegħdin jistennew f’ħabs” (1 Pt 3, 19). Din donnha li hi rappreżentazzjoni metaforika tal-estensjoni tal-preżenza tal-Kristu msallab ukoll għal dawk li kienu mietu qablu..
  2. Minkejja l-oskurità, it-test petrin jikkonferma l-oħrajn fir-rigward tal-idea tal-“inżul fl-inferi” bħala twettiq, sat-totalità, tal-messaġġ evanġeliku tal-fidwa. Huwa Kristu li, midfun fil-qabar fejn jirrigwarda l-ġisem, imma gglorifikat f’ruħu milqugħa fil-milja tal-viżjoni bejatifika ta’ Alla, tikkomunika l-istat tiegħu ta’ bejatitudni lill-ġusti kollha li magħhom, fejn jidħol il-ġisem, qasam l-istat tal-mewt.

Fl-ittra lil-Lhud hemm deskritta l-opra ta’ liberazzjoni tal-ġusti mwettqa minnu: “Billi. . .  l-ulied għandhom komuni d-demm u l-ġisem, huwa wkoll sar parteċipi, biex inaqqas għall-impotenza permezz tal-mewt lil dak li tal-mewt għandu l-poter, jiġifieri x-xitan, u hekk jeħles lil dawk li minħabba l-biżà tal-mewt kienu suġġetti għal skjavitù għal ħajjithom kollha” (Eb 2, 14-15). Bħala mejjet – u fl-istess ħin bħala ħaj “għal dejjem” – Kristu għandu “poter fuq il-mewt u fuq l-inferi” (cf. Ap 1, 17-18). F’dan timmanifesta u tirrejalizza ruħha l-qawwa feddejja tal-mewt sagrifikali ta’ Kristu, operatriċi ta’ fidwa fir-rigward tal-bnedmin kollha: ukoll ta’ dawk li kienu mietu qabel il-miġja tiegħu u tal-“inżul fl-inferi” tiegħu, imma li kienu milħuqa mill-grazzja ġustifikatriċi tiegħu.

  1. Fl-ewwel ittra ta’ San Pietru nerġgħu naqraw: “ . . . kienet imħabbra l-Bxara t-tajba wkoll lill-mejtin, għaliex minkejja li kienu ġarrbu, billi tilfu l-ħajja tal-ġisem, il-kundanna komuni għall-bnedmin kollha, jgħixu skont Alla fl-ispirtu” (1 Pt4, 6). Dan il-versett ukoll, minkejja li huwa ta’ nterpretazzjoni faċli, jtenni l-kunċett tal-“inżul fl-inferi” bħala l-aħħar fażi tal-missjoni tal-Messija: fażi “miġbura” fi ftit jiem mit-testi li jippruvaw jagħmlu preżentazzjoni aċċessibbli għal min huwa mdorri jirraġuna u jitkellem f’metafori temporali u spazjali, imma vasta mmens fis-sinifikat reali tagħha ta’ estensjoni tal-opra feddejja għall-bnedmin taż-żmenijiet kollha u tal-pajjiżi kollha, ukoll ta’ dawk li fil-jiem tal-mewt u tad-difna ta’ Kristu kienu jinsabu fis-“saltna tal-mejtin”. Il-Kelma tal-Vanġelu u tas-Salib tilħaq lil kulħadd, ukoll lil dawk li kienu jiffurmaw parti mill-ġenerazzjonijiet l-imgħoddija l-iktar ‘il bogħod, għaliex dawk kollha li salvaw saru parteċipi mill-fidwa, ukoll qabel ma seħħet il-ġrajja storika tas-sagrifiċċju ta’ Kristu fuq il-Golgota. Il-konċentrazzjoni tal-evanġelizzazzjoni u tal-Fidwa tagħhom fil-jiem tad-difna trid tenfasizza li fil-fatt storiku tal-mewt ta’ Kristu jiddeffes il-misteru super-storiku tal-każwalità feddejja tal-umanità ta’ Kristu, “strument” tad-divinità omnipossenti. Bid-dħul tar-ruħ ta’ Kristu fil-viżjoni bejatifika fi ħdan it-Trinità, issib il-punt ta’ riferiment u ta’ spjega il-“liberazzjoni mill-ħabs” tal-ġusti li qabel Kristu kienu niżlu fis-saltna tal-mewt. Għal Kristu u fi Kristu tinfetaħ quddiemhom il-libertà definittiva tal-ħajja tal-Ispirtu, bħala sehem fil-ħajja ta’ Alla (cf. S. Thomae, Summa Theologiae III, q. 52, a. 6). Din hija l-“verità” li nistgħu nisiltu mit-testi bibbliċi kkwotati u li ġiet espressa fl-artikolu tal-Kredu li jitkellem dwar l-“inżul fl-inferi”  (bil-Malti ngħidu niżel bejn l-imwiet) .
  2. Nistgħu mela ngħidu li l-verità espressa mis-Simbolu tal-appostli bil-kliem “niżel fl-inferi”. Waqt li tiġbor fiha konferma tar-realtà tal-mewt ta’ Kristu, fl-istess ħin ixxandar il-bidu tal-glorifikazzjoni tiegħu. U mhux biss tiegħu, imma ta’ dawk kollha li permezz tas-sagrifiċċju feddej tiegħu immaturaw fis-sehem tal-glorja tiegħu fil-ferħ tas-Saltna ta’ Alla.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.