Mill-Qabar vojt għal-Laqgħa ma’ Kristu Rxoxt


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 1° ta’ Frar 1989

78. Mill-Qabar vojt għal-Laqgħa ma’ Kristu Rxoxt

  1. Il-professjoni ta’ fidi, li nagħmlu fil-Kredu meta nipproklamaw li Ġesù Kristu “fit-tielet jum irxoxta mill-imwiet”, hija msejsa fuq it-testi evanġeliċi li, min-naħa tagħhom, jittrażmettuha lilna u jgħarrfu l-ewwel predikazzjoni tal-appostli. Minn dawn is-sorsi jirriżulta li l-fidi fil-Qawmien mill-Imwiet hija, sa mill-bidu, konvinzjoni bbażata fuq fatt, fuq ġrajja reali, u mhux ħrafa jew “idea”, idea vvintata mill-appostli jew prodotta mill-komunità post-paskwali miġbura madwar l-appostli f’Ġerusalem, biex flimkien magħhom jissuperaw is-sens ta’ delużjoni, konsegwenti għall-mewt ta’ Kristu fuq is-Salib. Mit-testi jirriżulta kollox bil-maqlub, u għalhekk, bħal ma għidt, l-ipotesi vvintata hija wkoll kritikament u storikament insostenibbli. L-appostli u d-dixxipli ma vvintawx il-Qawmien mill-Imwiet ( u huwa faċli tifhem li kienu għal kollox inkapaċi ta’ operazzjoni simili). Mhemm ebda ħjiel ta’ eżaltazzjoni personali tagħhom jew tal-grupp, li wasslithom biex jispekulaw dwar ġrajja mixtieqa u mistennija u biex jipprojettawha fl-opinjoni u fit-twemmin komuni bħala reali, kważi b’kuntrast u bħala kumpens tad-delużjoni mġarrba. Mhemm ebda ħjiel ta’ proċess krejattiv ta’ ordni prikoloġiku-soċjoloġiku-letterarju linqas fil-komunità primittiva jew fl-awturi tal-ewwel sekoli. L-appostli kienu ewlenin li emmnu, mhux mingħajr reżistenzi qawwija li huwa kien ħaj mill-ġdid, tul dawk l-erbgħin jum. Il-ġenerazzjonijiet insara suċċessivi aċċettaw dik ix-xhieda, b’fiduċja fl-appostli u fid-dixxipli bħala xhieda kredibbli. Il-fidi nisranija fil-Qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu hija, mela, marbuta ma’ fatt, li għandu dimensjoni storika preċiża.
  2. U madankollu l-Qawmien mill-mwiet huwa verità li fid-dimensjoni l-iktar profonda tagħha, tappartjeni għar-Rivelazzjoni divina: hija infatti kienet ippronunzjata b’mod gradat minn Kristu fil-kors tal-attività messjanika tiegħu waqt il-perijodu pre-paskwali. Ħafna drabi Ġesù b’mod espliċitu ħabbar li, wara li jkun bata ħafna u jkun maqtul, kellu jqum mill-imwiet. Hekk fil-Vanġelu ta’ Marku, jingħad li wara l-proklamazzjoni ta’ Pietru fil-viċinanzi ta’ Ċesarea ta’ Filippu, Ġesù “beda jgħallimhom li Bin il-bniedem kellu jbati ħafna, kellu jiġi iddizapprovat mix-xjuħ u mill-qassissin il-kbar u mill-iskribi, imbagħad kellu jiġi maqtul u, wara tlett ijiem kellu jirxoxta. Ġesù kien għamel dan id-diskors b’mod miftuħ” (Mk 8, 31-32). Dejjem skont Marku, wara t-trasfigurazzjoni “waqt li kienu neżlin mill-muntanja, ordnalhom li ma jirrakkuntaw lil ħadd dak li kienu raw, jekk mhux wara li Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet” (Mk 9,9). Id-dixxipli baqgħu mistagħġbin bis-sinifikat ta’ dak il-“Qawmien mill-Imwiet” u dawru l-kwestjoni, diġa mqanqla fid-dinja ġudajka, dwar ir-ritorn ta’ Elija (Mk 9, 11): Iżda Ġesù kkonferma l-idea li Bin il-bniedem kellu “jbati ħafna u jkun iddisprezzat” (Mk 9, 12). Wara l-fejqan tal-epilettiku mxajtan, fit-triq tal-Galilea li għaddew minnha kważi b’mod klandestin, Ġesù reġà qabad jgħallimhom: “Bin il-bniedem se jkun mogħti f’idejn il-bnedmin u se joqtluh; imma ladarba jinqatel, wara tlett ijiem, jerġà jqum”. Huma iżda ma fehmux dan il-kliem u kienu beżgħu jitolbuh spjega” (Mk 9, 31-32). Din hija t-tieni tħabbira tal-Passjoni u l-Qawmien mill-Imwiet, warajha tiġi t-tielet, meta diġa kienu fi triqthom lejn Ġerusalem: “Hekk hu, aħna se nitilgħu Ġerusalem, u Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-qssissin il-kbar u l-iskribi : jikkundannawh għall-mewt, jagħtuh f’idejn il-pagani,  jiżżufjettaw bih, jobżqulu, jifflaġellawh u joqtluh: imma wara tlett ijiem jerġà jqum” (Mk 10, 33-34).
  3. Ninsabu hawn quddiem previżjoni u tħabbira profetika tal-ġrajjiet, li fihom Ġesù eżerċita l-funzjoni tiegħu ta’ rivelatur, billi poġġa f’relazzjoni l-mewt u l-Qawmien mill-Imwiet magħqudin fil-finalità feddejja, u waqt li rrefera għall-pjan divin, skont liema dak kollu li huwa jipprevedi u jħabbar “għandu” jseħħ. Ġesù mela jgħarraf lid-dixxipli mistagħgba u saħansitra mgħaġġba xi ħaġa mill-misteru tejoloġiku li huwa suġġett għall-ġrajjiet li kien imiss, kif mill-bqija għall-ħajtu kollha. Xintilli oħra ta’ dan il-misteru jinsabu fl-allużjoni għas-“sinjal ta’ Ġona” (cf.Mt 12, 40), li Ġesù jagħmlu propju u japplika għall-jiem ta’ mewtu u tal-Qawmien mill-Imwiet, u fl-isfida lill-Ġudej dwar “ir-rikostruzzjoni fi tlett ijiem tat-tempju li kellu jitwaqqà” (cf. Ġw 2, 19). Ġwanni  jinnota li Ġesù kien qed jitkellem dwar it-tempju ta’ ġismu. Meta mbagħad kien qam mill-imwiet, id-dixxipli tiegħu ftakru li kien qal dan, u emmnu fl-Iskrittura u fil-Kelma migħuda minn Ġesù” (Ġw 2, 20-21). Mill-ġdid għal darb’oħra nsibu ruħna quddiem ir-rapport bejn il-Qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu u Kelmtu, quddiem it-tħabbir tiegħu marbut “mal-Iskritturi”.
  4. Imma barra l-kliem ta’ Ġesù, ukoll l-attività messjania minnu mwettqa fil-perijodu prepaskwali juri il-poter fuq il-ħajja u l-mewt, li minnhom huwa jiddisponi, u l-għarfien ta’ dan il-poter, bħall-qawmien mill-mewt tat-tifla ta’ Ġajru (Mk5, 39-42), il-qawmien mill-imwiet taż-żagħżugħ ta’ Nain (Lq7, 12-15), u specjalment il-qawmien mill-imwiet ta’ Lażżru (Ġw 11, 42-44), li fir-rabà Vanġelu huwa ppreżentat bħala tħabbira u prefigurazzjoni tal-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù. Fil-kliem indirizzat lil Marta waqt dan l-aħħar episodju hemm il-manifestazzjoni ċara tal-awtokoxjenza ta’ Ġesù dwar l-identità tiegħu ta’ Mulej tal-ħajja u tal-mewt u ta’ sid tal-imfietaħ tal-misteru tal-qawmien mill-imwiet: “Jiena jien l-qawmien u l-ħajja: min jemmen fija, ukoll jekk imut, igħix; kullmin jgħix u jemmen fija ma jmut qatt” (Ġw 11, 25-26).

Dawn huma kliem u grajjiet li jiġbru fihom b’diversi modi r-rivelazzjoni tal-verità dwar il-Qawmien mill-Imwiet fil-perijodu prepaskwali.

  1. Fil-qasam tal-ġrajjiet paskwali, l-ewwel element li nsibu ruħna quddiemu huwa il-“qabar vojt”. Bla ebda dubju ta’ xejn mhuwiex minnu nfih prova diretta. In-nuqqas tal-ġisem ta’ Kristu mill-qabar fejn kienu difnuh jistà jispjega ruħu b’modi differenti, bħal ma għall-waqt wieħed ħasbet Marija ta’ Magdala meta sabet ruħha quddiem qabar vojt, ħasbet li xi ħadd kien ħa l-ġisem ta’ Ġesù (cf.Ġw20, 13). Is-sinedriju ipprova anzi jferrex l-għidut li, waqt li s-suldati kienu reqdin il-ġisem kien insteraq mid-dixxipli. “”Hekk dan l-għidut – jinnota Mattew – infirex fost il-Ġudej sallum” (Mt 28, 12-15).

Madankollu l-“qabar vojt” ikkostitwixxa għal kulħadd, ħbieb u għedewwa, sinjal impressjonanti. Għall-persuni ta’ rieda tajba l-iskopertsa tiegħu kienet l-ewwel pass lejn  l-għarfien tal-“fatt tal-Qawmien mill-Imwiet bħala verità li ma setgħex tkun miċħuda.

  1. Hekk kien qabel xejn għan-nisa, li fil-għodu mas-sebħ kienu marru ħdejn il-qabar biex jidilku l-ġisem ta’ Kristu. Kienu l-ewwel li ħadu l-aħbar: “Qam, mhux hawn . . . Issa morru, għidu lid-dixxipli tiegħu u lil Pietru . . .” (Mk16, 7-8). “Ftakru x’kien qalilkom meta kien għadu fil-Galilea, meta kien qal li Bin il-bniedem kellu jingħata f’idejn il-midimbin, li kellu jiġi msallab u li jqum mat-tielet jum. U huma ftakru dak il-kliem tiegħu” (Lq24, 6-8).

Bla dubju li n-nisa kienu mħawda u mbeżżgħà (cf. Mk 16, 8; Lq 24, 5). Lanqas ma kienu disposti li jċedu faċilment għal fatt li, għalkemm imħabbar minn Ġesù, kien effettivament ‘il fuq minn kull possibiltà ta’ immaġinazzjoni u invenzjoni. Imma fis-sensibiltà  u l-finezza ntwittiva tagħhom huma, u b’mod speċjali Marija ta’ Magdala, ħatfu r-realtà u ġrew għand l-appostli biex iwasslulhom l-bxara t-tajba.

Il-Vanġelu ta’ Mattew (Mt 28, 8-10) jinfurmana li tul it-triq Ġesù stess mar jiltaqà magħhom, sellmilhom u ġeddilhom l-amar li jwasslu l-aħbar lill-aħwa (28, 10). Hekk in-nisa kienu l-ewwel messaġġiera tal-Qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu, u kienu hekk għall-appostli nfushom (Lk 24, 10). Fatt elokwenti dwar l-importanza tan-nisa  diġa fil-jiem tal-ġrajja paskwali!

  1. Fost dawk li rċivew l-aħbar ta’ Marija ta’ Magdala kien hemm Pietru u Ġwanni (cf.Ġw20, 3-8). Huma marru ħdejn il-qabar mhux mingħajr qtigħ il-qalb, iktar u iktar li Marija kienet tkellmet dwar teħid tal-ġisem ta’ Ġesù mill-qabar (cf. Gv 20, 2). Meta waslu fejn il-qabar, huma wkoll sabuh vojt. Spiċċaw biex emmnu, wara li kienu ttitubaw mhux ftit, għaliex, jgħid Ġwanni, “ ma kinux għadhom fehmu l-Iskrittura, li hu kellu jqum mill-imwiet” (Gv 20, 9).

Ngħidu s-sewwa: il-fatt kien tal-għaġeb għal dawk il-bnedmin li kienu sabu ruħhom quddiem affarijiet ferm ikbar minnhom. L-istess diffikultà li t-tradizzjonijiet tal-ġrajja juru fl-għoti ta’ relazzjoni pjenament  konsistenti, tikkonferma l-istraordinarjetà tagħha u l-impatt skonvilġenti li hija kellha fuq il-moħħ tax-xhieda ffortunati. Ir-riferenza “għall-Iskrittura” hija l-prova tal-perċezzjoni oskura li huma kellhom li jsibu lilhom infushom quddiem misteru, li fuqu r-Rivelazzjoni biss setgħet titfà dawl.

  1. Hekk hu però punt ieħor ta’ min jikkonsidrah sewwa; jekk il-“qabar vojt” mal-ewwel daqqa t’għajn kien iħallik mistagħġeb u setà saħansitra jiġġenera ċertu suspett, l-għarfien gradat ta’ dan il-fatt inizjali, bħal ma jiġi nnutat fil-Vanġeli, spiċċa biex iwassal għall-iskoperta tal-verità dwar il-Qawmien mill-Imwiet.

Fil-fatt jingħad lilna li n-nisa, u suċċessivament l-appostli, sabu ruħhom quddiem “sinjal” partikolari: is-sinjal tar-rebħa fuq il-mewt. Jekk il-qabar innifsu, magħluq b’ġebla kbira, kien jixhed il-mewt, il-qabar vojt u l-ġebla mgerrba kienu jagħtu l-ewwel aħbar li hemm kienet mirbuħa l-mewt.

Ma tistax ma timpressjonaniex il-konsiderazzjoni tal-istat tal-moħh tat-tliet nisa li, fi triqthom lejn il-qabar, ma’ tlugħ ix-xemx, kienu qed jgħidu lil xulxin: “Min se jgerbilna il-ġebla tad-dħul fil-qabar?” (Mk 16, 3), u li mbagħad, mal-wasla ħdejn il-qabar, innutaw b’għageb kbir tagħhom li “il-ġebla kienet diġa mgerrba, minkejja li kienet kbira ħafna” (Mk 16, 4). Skont il- Vanġelu ta’ Marku huma sabu fil-qabar lil xi ħadd li tahom l-aħbar tal-Qawmien mill-Imwiet  (cf. Mk 16, 5): imma huma beżgħu u, minkejja l-assikurazzjonijiet taż-żagħżugħ liebes l-abjad, “ħarbu minn ħdejn il-qabar għaliex kienu mimlija biżà u twerwir”,  (Mk 16, 8). Kif ma tifhimhomx? U madankollu l-konfront mat-testi paralleli tal-evanġelisti l-oħra jippermetti li   jiddikjara li, għalkemm imbeżżgħin, in-nisa wasslu l-aħbar tal-qawmien mill-imwiet, li tagħha l-“qabar vojt” bil-ġebla mgerrba, kien l-ewwel sinjal.

  1. Għan-nisa u għall-appostli t-triq miftuħa mis-“sinjal” tintemm permezz tal-laqgħa mal-Irxoxt; allura l-percezzjoni li kienet għadha timida u nċerta ssir konvinzjoni u anzi fidi f’dak li “tassew huwa rxuxtat”. Hekk għan-nisa, malli raw lil Ġesù fi triqthom u malli semgħuh isellmilhom, jintefgħu f’riġlejh u jadurawh (cf.Mt28, 9). Hekk, għal Marija ta’ Magdala,li, meta semgħet lilha nfisha tissejjaħ b’isimha minn Ġesù, dlonk weġbitu bl-isem tas-soltu: “Rabbuni, Mgħallem!” (Ġw 20, 16) u meta minnu kienet imdawla dwar il-misteru paskwali, ġriet b’għajnejha jibbru biex twassal il-messaġġ lid-dixxipli: “Rajt il-Mulej!” (Ġw20, 18). L-istess għad-dixxipli miġburin fiċ-Ċenaklu, li fil-għaxija ta’ dak l-“ewwel jum wara s-Sibt”, meta fl-aħħar raw f’nofshom lil Ġesù, ħassewhom kuntenti għaċ-ċarezza l-ġdida li kienet daħlet f’qalbhom: “Ferħu hekk kif raw lill-Mulej” (cf. Ġw 20, 19-20).

Il-kuntatt dirett ma’ Kristu jillibera x-xrara li tkebbes il-Fidi!

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.