Il-Qdusija tal-Knisja tiġi minn Kristu

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – Is-Sibt , 23 Ta’ Lulju 1988

58. Il-Qdusija tal-Knisja tiġi minn Kristu.

  1. “Ibqgħu fija u jiena fikom . . .” (Ġw15, 4). Dan il-kliem tal-parabbola tad-dielja u ż-żraġen jirraffigura dak li bir-rieda ta’ Kristu għandha tkun il-Knisja fl-istruttura nterna tagħha. Li “tibqà” fi Kristu jfisser rabta vitali miegħu bħala sors ta’ ħajja divina. Meta tqis li Kristu jsejjaħ għall-eżistenza l-Knisja, meta tqis li jikkonċedilha wkoll struttura ministerjali “esterna”, “mibnija” fuq l-appostli, mhemmx dubju li l-“ministerium” tal-appostli u tas-suċċessuri tagħhom, bħal fil-Knisja kollha, jeħtieġ jibqà għas-servizz tal-“mysterium”: u dan hu l-“mysterium” tal-ħajja, il-parteċipazzjoni fil-ħajja ta’ Alla li jagħmel mill-Knisja l-komunità tal-bnedmin ħajjin. Għal dan il-għan il-Knisja tirċievi minn Kristu l-“istruttura sagramentali”, li dwarha tkellimna fl-aħħar katekeżi. Is-sagramenti huma “sinjali” tal-azzjoni feddejja ta’ Kristu li għeleb il-qawwa tad-dnub u tal-mewt, waqt li naqax u saħħaħ fil-bnedmin il-qawwa tal-grazzja u tal-ħajja, li l-milja tagħha hija fi Kristu.
  2. Din il-milja ta’ grazzja (cf. Ġw1, 14), u din is-sovrabbundanza ta’ ħajja (cf. Ġw10, 10) jidentifikaw ruħhom bil-qdusija. Il-qdusija hija f’Alla, u Alla biss jistà jgħaddi fil-krejatura, b’mod partikolari fil-bniedem. Din hija verità li tinfluwenza l-patt il-qadim kollu: Alla huwa qaddis u jsejjaħ għall-qdusija. Huma memorabbli dawn l-eżortazzjonijiet tal-liġi możajka: “Kunu qaddisin għaliex jien, il-Mulej, Alla tagħkom, jien qaddis” (Lv 19, 2). “Osservaw il-liġijiet tiegħi u poġġuhom fil-prattika. Jiena jien il-Mulej li jrid jagħmilkom qaddisin” (Lv 20, 8). Ukoll jekk dawn il-kwotazzjonijiet ġejjin mil-Levitiku, li kien bħal kodiċi tal-kult f’Iżrael, il-qdusija ordnata u rakkomandata minn Alla mhix li tiftiehem biss f’sens ritwali imma wkoll f’sens morali: dan hu dak li jirrendi l-bniedem, fl-iktar mod essenzjali, simili għal Alla u dehen li joqrob lejn Alla fil-kult: il-ġustizzja u r-rifjut intern.
  3. Ġesù Kristu huwa l-inkarnazzjoni ħajja ta’ din il-qdusija. Huwa stess jippreżenta lilu nnifsu bħala “dak li l-Missier qaddes u bagħat fid-dinja” (Ġw10, 36). Dwaru l-messaġġier tat-twelid terren tiegħu jgħid lil Marija: “Dak li jitwieled ikun mela qaddis u jissejjaħ Bin Alla” (Lq1, 35). L-appostli huma x-xhieda ta’ din il-qdusija, bħal ma jipproklama f’isem kulħadd Pietru: “Aħna emmina u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla” (Ġw 6, 69).

Din hija qdusija li mmanifestat ruħha dejjem iktar f’ħajtu, tibda mis-snin tal-infanzja tiegħu (cf. Lq 2, 40. 52), biex tilħaq il-quċċata fis-sagrifiċċju offrut “għall-aħwa” skont l-istess kliem ta’ Ġesù: “Għalihom jiena nqaddes lili nnifsi, sabiex huma wkoll ikunu santifikati fil-verità” (Ġw 17, 19), f’armonija mad-dikjarazzjoni l-oħra tiegħu: “Ħadd m’għandu mħabba ikbar minn din: li tagħti ħajtek għal ħbiebek” (Ġw 15, 13).

  1. Il-qdusija ta’ Kristu trid issir il-wirt ħaj tal-Knisja. Dan huwa l-għan tal-opra feddejja ta’ Ġesù mħabbra minnu stess: “Biex huma wkoll ikunu mqaddsa fil-verità . . .” (Ġw17, 1-9). Dan fehmu San Pawl, li fl-ittra lill-Efesin jikteb li Kristu “ħabb lill-Knisja u ta lilu nnifsu għaliha, biex jirrendiha qaddisa” (Ef 5, 25-26), “qaddisa u mmakulata” (Ef 5, 27).

Ġesù għamel is-sejħa għall-qdusija diġa ndirizzatha minn Alla lill-poplu tiegħu tal-patt il-qadim: “Kunu qaddisin, għaliex jien, il-Mulej, jien qaddis”. Bil-qawwa kollha irripetiha bla ma qatà bil-kelma u bl-eżempju ta’ ħajtu. B’mod speċjali fid-diskors tal-muntanja ħalla lill-Knisja tiegħu il-kodiċi tal-qdusija nisranija. Propju f’dik il-paġna  naqraw li, wara li qal “li ma kienx ġie biex jabolixxi l-liġi jew il-profeti, imma biex iwettaqhom” (cf. Mt 5, 17), Ġesù iħeġġeġ lis-segwaċi tiegħu għal perfezzjoni fuq il-mudell ta’ Alla nnifsu: “Kunu mela intom perfetti bħal ma hu perfett Missierkom ċelesti” (Mt 5, 48). U billi l-Iben  jirrifletti fil-mod l-iktar sħiħ din il-perfezzjoni tal-Missier, Ġesù jistà jgħid f’okkażjoni oħra: “Min ra lili ra l-Missier” (Ġw 14, 9).

  1. Fid-dawl ta’ din l-eżortazzjoni ta’ Ġesù, wieħed jistà jifhem aħjar kif il-Konċilju Vatikan II ried jenfasizza s-sejħa universali għall-qdusija. Din hija kwestjoni li għaliha rridu nergġħu lura fil-waqt propizju, fiċ-ċiklu apposta ta’ Katekeżi dwar il-Knisja. Imma hawn issa ikun aħjar li niġbdu l-attenzjoni fuq il-punti essenzjali, fejn wieħed jara aħjar ir-rabta tas-sejħa għall-qdusija mal-missjoni ta’ Kristu, u speċjalment bl-eżempju tiegħu ħaj .

“Ilkoll fil-Knisja – jgħid il-Konċilju – . . . aħna msejħa għall-qdusija, skont l-għidut tal-Appostlu: «Żgur li din hija r-rieda ta’ Alla, li tqaddsu lilkom infuskom”  (1 Ts 4, 3; cf. Ef 1, 4) (Lumen Gentium, 39). Il-kliem tal-Appostlu huwa eku fidil tat-tagħlim ta’ Kristu mgħallem li, skont il-Konċilju, “bagħat lil kulħad l-Ispirtu Santu, li jqanqalhom internament biex iħobbu lil Alla b’qalbhom kollha, b’ruħhom kollha, b’moħħhom kollu, bil-qawwiet kollha tagħhom (cf. Mk 12, 30), u biex iħobbu lil xulxin bħal ma Kristu ħabb lilhom” (cf.Ġw 13, 34; 15, 12) (Lumen Gentium, 40).

  1. is-sejħa għall-qdusija mela tirrigwarda lil kulħadd, “kemm jekk jappartjenu lill-ġerarkija kif ukoll lil dawk immexxijin minnha” (Lumen Gentium, 39): “Il-fidili kollha ta’ kwalunkwè stat jew grad huma msejħin għall-milja tal-ħajja nisranija u għall-perfezzjoni tal-karità” (Lumen Gentium, 40).

Il-Konċilju  jiġbed ukoll l-attenzjoni li l-qdusija tal-insara toħroġ minn dik il-Knisja u timmanifestaha. Infatti jgħid li l-qdusija “tesprimi ruħha f’diversi forom fil-persuni singuli, li fil-gradi tagħhom ta’ ħajja  jippruvaw jilħqu l-pefezzjoni tal-karità u jibnu lill-oħrajn” (Lumen Gentium, 39).

F’din il-varjetà tirrejalizza ruħha l-unika qdusija min-naħa ta’ dawk li kienu mċaqilqin mill-Ispirtu ta’ Alla “u jsegwu lil Kristu fqir, umli u mgħobbi bis-salib biex jimmeritaw li jkunu parteċipi fil-glorja tiegħu” (Lumen Gentium, 41).

  1. Dawl li Ġesù ħeġġeġ “biex isegwuh” – nibdew mill-apposli – kienu disposti li jħallu kollox għalih, bħal ma pprotesta Pietru: “Hekk hu aħna ħallejna kollox u segwejniek” (Mt19, 27). “Kollox” ifisser f’dan il-każ mhux biss “il-ġid temporali”, (“id-dar . . . l-art”), imma wkoll il-persuni għeżież: “aħwa subien u bniet, missier, omm, ulied” (cf. Mt 19, 29) u allura l-familja.

Ġesù stess kien l-iktar mudell perfett ta’ tali ċaħda. Minħabba f’hekk setà jħeġġeġ lid-dixxipli tiegħu għal ċaħdiet simili, inkluża dik taċ-“ċelibat għas-saltna tas-smewwiet”  (cf. Mt 19, 12).

Il-programm ta’ qdusija ta’ Kristu, indirizzat kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa, li kienu wkoll isegwuh  (cf. per eżempju Lq 8, 1-3), jesprimi ruħu b’mod partikolari fil-pariri evanġeliċi. Bħal ma jfakkar il-Konċilju, “il-pariri evanġeliċi (tal-kastità kkonsagrata lil Alla, tal-faqar u tal-ubbidjenza) billi huma msejsa fuq il-kliem u fuq l-eżempji tal-Mulej . . . huma don divin, li l-Knisja rċeviet mingħand il-Mulej tagħha u bil-grazzja tiegħu  iżżomm dejjem” (Lumen Gentium, 43).

  1. Madankollu hemm bżonn li nżidu minnufih li l-vokazzjoni tal-qdusija fl-universalità tagħha tinkludi wkoll l-persuni li jgħixu fiż-żwieġ (kif ukoll ir-romol irġiel u nisa), u dawk li jikkonservaw il-pussess u l-amministrazzjoni ta’ ġidhom, jieħdu ħsieb in-negozju terren, iwettqu l-professjoni tagħhom, missjonijiet u snajja b’dispożizzjoni libera tagħhom, skont il-kuxjenza tagħhom u fil-libertà tagħhom. Ġesù indika t-triq tal-qdusija li, hija propja  tagħhom, diġa minħabba l-fatt li ta bidu għall-attività messjanika tiegħu bil-pateċipazzjoni fit-tieġ ta’ Kana (cf. Ġw 2, 1-11) u wara billi fakkar l-prinċipji eterni tal-liġijiet divini li jgħoddu għall-irġiel u n-nisa ta’ kull kondizzjoni u b’mod partikolari dawk tal-imħabba, tal-għaqda u tal-indissolubiltà taż-żwieġ (cf. Mk 10, 1-12; Mt 19, 1-9), u tal-kastità (cf. Mt 5, 28-30). Għalhekk ukoll il-Konċilju, waqt li jitkellem dwar l-vokazzjoni universali tal-qdusija, jiddedika post speċjali għall-persuni marbutin mis-sagrament taż-Żwieġ: “Il-miżżewġin u l-ġenituri nsara, waqt li jsegwu t-triq propja tagħhom, iridu b’imħabba kostanti jsostnu lil xulxin fil-grazzja għal ħajjithom kollha, u jedukaw fid-duttrina nisranija u fil-virtujiet evanġeliċi lil uliedhom, li b’imħabba aċċettaw mingħand Alla. Infatti huma joffru lil kulħadd l-eżempju ta’ mħabba nstankabbli u ġeneruża . . . ” (Lumen Gentium, 41).
  2. Fil-kmandamenti u fl-eżortazzjonijiet kollha ta’ Ġesù u tal-Knisja, toħroġ is-supremazija tal-karità. Infatti l-karità skont San Pawl, hija “r-rabta tal-perfezzjoni” (Kol3, 14). Ir-rieda ta’ Ġesù hija li “inħobbu lil xulxin, bħal ma ħabbna hu” (Ġw15, 12): mela b’imħabba li, bħal tiegħu, tibqà għaddejja sal-aħħar” (Ġw 13, 1). Dan huwa l-wirt ta’ qdusija mħollija minn Ġesù lill-Knisja tiegħu. Ilkoll aħna msejħin biex nieħdu sehem, u biex  niksbu b’tali mod il-milja ta’ grazzja u ta’ ħajja, li hemm fi Kristu. L-istorja tal-qdusija nisranija hija l-konferma li billi ngħixu fl-ispirtu tal-bejatitudni evanġeliċi, imxandra fid-diskors tal-muntanja  (cf.Mt 5, 3-12), nattwaw l-eżortazzjoni ta’ Kristu li hija fiċ-ċentru tal-parabbola dwar id-dielja u ż-żraġen: “Ibqgħu fija u jiena fikom. Min jibqà fija u jiena fih, jagħmel ħafna frott” (Ġw 15, 4. 5). Dan il-kliem jattwa ruħu, billi jilbes mill-ġdid b’forom multipli fil-ħajja tal-insara singuli, u billi hekk juri, tul is-sekli, l-għana u s-sbuħija multiformi tal-qdusija tal-Knisja, “bint is-Sultan” imżejna b’ilbiesi tal-għaġeb (cf. Sal 45 [44], 14).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading