Ġesù jeħlisna mill-jasar tad-dnub


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 27 ta’ Lulju 1988

59. Ġesù jeħlisna mill-jasar tad-dnub.

  1. “Iż-żmien wasal u s-saltna ta’ Alla hija fil-qrib; ikkonvertu u emmnu l-Vanġelu” (Mk1, 15): dan il-kliem miktub minn Marku fil-bidu tal-Vanġelu tiegħu, jiġbor fil-qosor u jiskolpixxu dak li qegħdin nispjegaw fiċ-ċiklu preżenti ta’ katekeżi kristoloġiċi dwar il-missjoni messjanika ta’ Ġesù Kristu. Skont tali kliem, Ġesù ta’ Nażzaret huwa dak li ħabbar “l-avviċinament tas-saltna ta’ Alla” għall-istorja terrena tal-bniedem. Hu huwa dak li fih is-saltna ta’ Alla daħlet b’mod definittiv u rrevokabbli fl-istorja tal-umanità, u testendi permezz ta’ din il-“milja taż-żmien” lejn it-twettiq eskatoloġiku fl-eternità ta’ Alla nnifsu.

Ġesù Kristu  “jittrażmetti” s-saltna ta’ Alla lill-appostli. Fuqhom qiegħed l-bini tal-Knisja tiegħu li, wara t-tluq tiegħu, trid tkompli l-missjoni tiegħu: “Bħal ma l-Missier bagħat lili, ukoll jien nibgħat lilkom . . . Irċievu l-Ispirtu Santu” (Ġw 20, 21. 22).

  1. F’dan il-kuntest jeħtieġ nikkonsidraw dak li huwa essenzjali għall-missjoni messjanika ta’ Ġesù. Is-Simbolo tal-fidi jesprimih bil-kliem li ġej: “Għalina l-bedmin u għall-fidwa tagħna niżel mis-sema” (“Symbolum Nissenum-Costantinopolitanum”). Il-ħaġa essenzjali fil-missjoni kollha ta’ Kristu hija l-opra tal-fidwa, li tiġi ndikata mill-istess isem “Ġesù” (“Ye-shûa’” = Alla jsalva). Dan ġie mogħti flimkien mal-aħbar tat-twelid tal-Iben ta’ Alla, meta l-anġlu qal lil Ġużeppi: “Hija (Marija) twelled iben u int issemmih Ġesù: hu infatti jslava l-poplu tiegħu minn dnubietu (Mt1, 21). B’dan il-kliem, mismugħ f’ħolma minn Ġużeppi, jiġi mtenni dak li Marija kienet semgħet fl-annunzjazzjoni: “Issemmih Ġesù” (Lq1, 31). Fis l-anġli ħabbru lir-rgħajja fil-qrib ta’ Betlem il-miġja fid-dinja tal-Messija (= Kristu) bħala salvatur: “Illum twieled għalikom fil-belt ta’ David feddej, li huwa Kristu l-Mulej” (Lq 2, 11): “. . . huwa filfatt isalva l-poplu tiegħu minn dnubietu” (Mt 1, 21).
  2. “Isalva” tfisser jeħles mill-ħażin. Ġesù Kristu huwa l-feddej tad-dinja, għaliex ġie biex jeħles lill-bniedem minn dak il-ħażin fundamentali, li invada l-intimu tal-bniedem tul il-korsa kollha tal-istorja tiegħu, wara l-ewwel ksur tal-patt mal-Ħallieq. Il-ħażin tad-dnub huwa propju dan il-ħażin fundamentali li jbiegħed mill-umanità ir-rejalizzazzjoni tas-saltna ta’ Alla. Ġesù ta’ Nażżaret, li sa mill-bidu tal-missjoni tiegħu jħabbar l-“avviċinament tas-saltna ta’ Alla”, jiġi bħala feddej. Huwa mhux biss iħabbar is-saltna ta’ Alla, imma jelimina l-ostaklu essenzjali għar-rejalizzazzjoni tagħha, li huwa d-dnub ingranat fil-bniedem skont il-liġi tal-wirt oriġinali, u li fih jitqanqlu d-dnubiet personali (“fomes peccati”). Ġesù Kristu huwa l-feddej f’dan is-sens fondamentali tal-kelma: jilħaq l-għerq tal-ħażin li hu fil-bniedem, l-għerq li jikkonsisti fli wieħed jagħti dahru lil Alla, waqt li jaċċetta d-dominju ta’ “missier il-gidba” (cf. Ġw 8, 44) li bħala “prinċep tad-dlamijiet” (cf. Kol 1, 13) sar permezz tad-dnub (u dejjem ikompli jsir hekk mill-ġdid) il-“prinċep ta’ din id-dinja” (Ġw 12, 31; 14, 30; 16, 11).
  3. Is-sinifikat l-iktar immedjat tal-opra tal-fidwa, diġa rrivelat bit-twelid ta’ Ġesù, jiġi espress minn Ġwanni l-Battista fil-Ġordan. Huwa infatti waqt li jindika lil Ġesù ta’ Nażżaret dak li “kellu jiġi”, jgħid: “Dan hu l-ħaruf ta’ Alla, dan hu dak li jneħħi d-dnubiet tad-dinja” (Ġw1, 29). F’dan il-kliem hemm miġbur riferiment ċar għax-xbiha ta’ Iżaija tal-qaddej batut tal-Mulej. Il-profeta jitkellem dwaru bħala l-“ħaruf” li jiġi meħud għall-qatla, u hu fis-skiet (bħal “nagħga muta”) (53, 7) jaċċetta l-mewt, permezz ta’ liema “jiġġustifika ħafna, jitgħabba bl-azzjonijiet ħżiena tagħhom” ( 53, 11). Hekk id-definizzjoni “ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja”, ingranata fit-Testment il-Qadim, tindika li l-opra tal-fidwa – jiġifieri l-ħelsien mid-dnubiet – jitwettaq bi prezz il-passjoni u l-mewt ta’ Kristu. Il-Feddej huwa fl-istess ħin ir-Redentur tal-bniedem (Redemptor Hominis). Iwettaq il-fidwa bil-prezz tas-sagrifiċċju feddej tiegħu nnifsu.
  4. Dan kollu, qabel jergà t-twettiq tiegħu fil-ġrajjiet tal-Għid f’Ġerusalem, isib espressjoni, pass wara pass, fil-predikazzjoni kollha ta’ Ġesù ta’ Nażżaret, bħal ma naqraw fil-Vanġeli: “Bin il-bniedem ġie biex ifittex u jsalva dak li kien mitluf” (Lq19, 10). “Bin il-bniedem . . . ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi u jagħti ħajtu b’rahan għal bosta” (Mk10, 45; Mt 20, 28). Hawn jiskopri ruħu b’mod faċli r-riferiment għax-xbiha  iżraeljana tal-qaddej ta’ Jahwè. U jekk Bin il-bniedem, fil-mod ta’ aġir kollu tiegħu, jgħarraf lilu nnifsu bħala “ħabib tal-pubblikani u tal-midimbin” (Mt 11, 19), ma jagħmilx b’dan għajr li jenfasizza l-karatteristika fondamentali tal-missjoni feddejja tiegħu. “Alla ma bagħatx lill-Iben fid-dinja biex jiġġudika d-dinja, imma sabiex id-dinja ssalva permezz tiegħu” (Ġw 3, 17).
  5. Dan il-kliem tal-Vanġelu ta’ Ġwanni, miktub l-aħħar wieħed, jirrifletti kemm jidher f’kollox l-iżvolġiment tal-missjoni ta’ Ġesù li jsib konferma fl-aħħar fil-passjoni, il-mewt u l-qawmien mill-imwiet tiegħu. L-Awturi tat-Testment il-Ġdid jaraw b’mod akut, mill-piżma ta’ din il-ġrajja definittiva – il-misteru Paskwali – il-verità ta Kristu, li opera l-ħelsien tal-bniedem mill-ħażen ewlieni, id-dnub, permezz tal-fidwa. Dak li ġie biex “isalva l-poplu tiegħu” (cf. Mt 1, 21), il-bniedem Kristu Ġesù . . . ta lilu nnifsu bħala rahan għall-kulħadd” (1 Tm 2, 5-6). “Alla bagħat – fil-milja taż-żmien – lil Ibnu . . . biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi, sabiex jirċievu l-addozzjoni ta’ wlied” (cf. Gal 4, 4-5). Fih “għandna l-fidwa permezz ta’ demmu, il-maħfra tad-dnubiet” (Ef 1, 7).

Din ix-xhieda ta’ Pawlu titkompla bil-kliem tal-ittra lil-Lhud: “Kristu . . . permezz ta’ demmu daħal darba għal dejjem fit-tempju, wara li kisbilna fidwa eterna. . .”; “bi Spirtu etern offra lilu nnifsu mingħajr tebgħa lil Alla” (Eb 9, 11. 12. 14).

  1. L-ittri ta’ Pietru huma daqstant ieħor inekwivoki bħall-“corpus paulinum”: “Mhux bi prezz ta’ ħwejjeġ korruttibbli, bħall-fidda u d-deheb, kontu meħlusin . . . imma bid-demm prezzjuż ta’ Kristu, bħal ta’ ħaruf mingħajr difetti u mingħajr tebgħa” (1 Pt1, 18-19). “Huwa ġarr dnubietna f’ġismu fuq l-għuda tas-salib, sabiex waqt li ma ngħixux iktar għad-dnub, ngħixu għall-ġustizzja: mill-pjagi tiegħu kontu mfejqa” (1 Pt2, 24-25).

Il-“fidwa għal kulħadd” – il-“prezz” infinit tad-demm tal-ħaruf – il-“fidwa eterna”: din is-sekwenza ta’ kunċetti, miġbura fil-kitbiet tat-Testment il-Ġdid, jgħinuna niskopru sa mill-għeruq tagħha l-verità dwar Ġesù (= Alla jsalva), li bħala Kristu (=Messija, Midluk) jeħles l-umanità mill-ħażen tad-dnub, ingranat b’mod ereditarju fil-bniedem u dejjem kommess mill-ġdid. Kristu-Ħellies: dak li jeħles quddiem Alla. U l-opra tal-fidwa hija wkoll il-“ġustifikazzjoni” mwettqa minn Bin il-bniedem, bħala “medjatur bejn Alla u l-bnedmin  ” (1 Tm 2, 5) bis-sagrifiċċju tiegħu nnifsu, f’isem il-bnemin kollha.

  1. Ix-xhieda tat-testment il-ġdid hija qawwija b’mod partikolari. Hemm fiha mhux biss xbiha ċara tal-verità rivelata dwar il-“ħelsien feddej”, imma tmur lura għas-sors tagħha l-iktar għoli li jinsab f’Alla nnifsu. Ismu huwa mħabba.

Hawn hu dak li jgħid Ġwanni: “F’dan tinsab l-imħabba: ma konniex aħna li ħabbejna lil Alla, imma huwa hu li ħabbna u bagħat lil Ibnu bħala vittma ta’ tpattija għal dnubietna” (1 Ġw 4, 10). Billi . . . “id-demm ta’ Ġesù, Ibnu, jippurifikana minn kull dnub” (1 Ġw 1, 7). “. . . Huwa hu vittma ta’ tpattija għal dnubietna; mhux biss għal tagħna, imma wkoll għal dawk tad-dinja kollha” (1 Ġw 2, 2). “. . . Huwa deher biex ineħħi d-dnubiet u . . . fih mhemmx dnub” (1Ġw 3,5). Propju f’dan hija miġbura r-rivelazzjoni l-iktar sħiħa tal-imħabba, li biha Alla ħabb lill-bniedem: din ir-rivelazzjoni twettqet fi Kristu u permezz tiegħu. “Minn dan għarafna l-imħabba: huwa ta ħajtu għalina . . .” (1 Ġw 3, 16).

  1. F’dan kollu nsibu koerenza sorprendenti, kważi “loġika” profonda, li tgħaqqad bejniethom iż-żewġ Testmenti – minn Iżaija sal-predikazzjoni ta’ Ġwanni fil-Ġordan – u taslilna permezz tal-Vanġeli u x-xhieda tal-ittri apostoliċi. L-appostlu Pawlu jesprimi bil-mod tiegħu l-istess ħwejjeġ miġbura fl-ittri ta’ Ġwanni. Wara li osserva li “bilkemm hemm min hu dispost imut għal wieħed ġust”, hu jiddikjara: “Alla, iżda juri mħabbtu lejna għaliex, waqt li konna għadna midimbin, Kristu miet għalina” (Rm5, 7-8).

Mela l-fidwa hija r-rigal ta’ mħabba min-naħa ta’ Alla fi Kristu. L-Appostlu jaf sewwa li “ħajtu fil-ġisem” hija l-ħajja “fil-fidi tal-Iben ta’ Alla, li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija” (Gal 2, 20). Fl-istess sens l-awtur tal-Apokalissi jara  l-folol tal-Ġerusalem futura bhala dawk li waqt li ġew mit-“tbatija l-kbira” ħaslu libsithom u għamluhom bojod bid-demm tal-Ħaruf” (Ap 7, 14).

  1. Id-“demm tal-Ħaruf” minn dan ir-rigal ta’ mħabba ta’ Alla fi Kristu, ħieles għal kollox minn kull ħlas, jibda l-opra tal-fidwa jiġifieri l-ħelsien mill-ħażen tad-dnub, li fih s-saltna ta’ Alla “qorbot” b’mod definittiv, sabet bażi ġdida, tat bidu għar-rejalizzazzjoni tagħha fl-istorja tal-bniedem.

Hekk l-inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla għandha l-frott tagħha fil-fidwa. Fil-lejl ta’ Betlem “twieled” tassew is-“Salvatur” tad-dinja (Lq 2, 11).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb