Il-valur redentiv tas-Sagrifiċċju ta’ Kristu


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 26 ta’Ottubru 1988

69. Il-valur redentiv tas-Sagrifiċċju ta’ Kristu

  1. Nerġgħu naqbdu xi kunċetti, li t-tradizzjoni tal-Missirijiet ħadet mis-sorsi bibbliċi fit-tentattiv li tispjega ir-“rikkezzi bla qies” (Ef 3, 8) tal-fidwa.

Diġa aċċennajna fl-aħħar katekeżi, imma jixirqilhom li jkunu murija b’mod iktar partikolareġġjat minħabba l-importanza tejoloġika u spiritwali tagħhom.

  1. Meta Ġesù jgħid: “Bin il-bniedem . . . ma ġiex biex ikun moqdi, imam biex jaqdi u jagħti ħajtu bħala rahan għall-kotra” (Mc10, 45), jiġbor fil-qosor f’dan il-kliem l-oġġettiv essenzjali tal-missjoni messjanika tiegħu: “jagħti ħajtu b’rahan”. Din hija missjoni feddejja. Hija għall-umanità kollha, għaliex li tgħid “rahan għall-kotra”, skont il-mod semitiku ta’ kif jiġu espressi il-ħsibijiet, ma jeskludi lil ħadd. Fid-dawl ta’ tali valur feddej kienet diġa murija l-passjoni tal-Messija fil-ktieb tal-profeta Iżaija u b’mod partikolari fil-“kantiċi tal-qaddej ta’ Jaħwè”: “Huwa tgħabba bit-tbatijiet tagħna, ħa fuqu n-niket tagħna u aħna qisnieh ikkastigat, imsawwat minn Alla u umiljat. Huwa ġie minfud minħabba d-delitti tagħna, mgħaffeġ minħabba l-inikwitajiet tagħna. Il-kastig li jagħtina l-fidwa waqà kollu kemm hu fuqu, permezz tal-pjagi tiegħu aħna fiqna” ( 53, 4-5).
  2. Dan il-kliem profetiku jgħinna nifhmu aħjar xi jrid jgħid Ġesù meta jitkellem dwar Bin il-bniedem li ġie “biex jagħti ħajtu għall-kotra”. Huwa jrid jgħid li ta’ ħajtu “f’isem” u minflok l-umanità kollha biex jeħlisna lkoll mid-dnub. Din “is-sostituzzjoni” teskludi kwalunkwè parteċipazzjoni fid-dnub minn naħa tal-Fedej. Huwa kien innoċenti u qaddis b’mod assolut. “Tu solus sanctus”! Li tgħid li persuna ġarrbet kastig minflok oħra jimplika b’mod evidenti li hi ma għamlitx il-ħtija. Fis-sostituzzjoni feddejja tiegħu (“substitutio”) Kristu propju minħabba l-innoċenza u l-qdusija tiegħu “jiswa bla dubju daqs kulħadd” bħal ma jikteb San Ċirillu Ta’ Lixandra (S. Cyrilli Alexandrini “In Isaiam” 5, 1: PG 70, 1176; “In 2 Cor” 5, 21: PG 74, 945). Propju għaliex kien dak li “ma wettaq ebda dnub” (1 Pt2, 22), huwa setà jieħu fuqu dak li huwa effett tad-dnub, jiġifieri t-tbatija u l-mewt, billi jagħti għas-sagrifiċċju ħajtu stess valur reali u sinifikat feddej perfett.
  3. Dak li jagħti lis-sostituzzjoni l-valur feddej tagħha mhuwiex il-fatt materjali li wieħed innoċenti ġarrab il-kastig li jixraq lill-ħatjin u hekk b’xi mod il-ġustizzja ġiet imwettqa (fir-realtà, f’tali każ irridu pjuttost nitkellmu dwar inġustizzja gravi), Il-valur feddej jiġi għall-kuntrarju mill-fatt li Ġesù innoċenti għamel dan purament għall-imħabba, solidali mal-ħatjin u hekk biddel, minn ġewwa, s-sitwazzjoni tagħhom. Infatti, meta sitwazzjoni katastrofika bħal dik imqanqla mid-dnub tiġi meħuda favur il-midimbin minħabba l-imħabba, allura din is-sitwazzjoni ma tibqax taħt is-sinjal tal-oppożizzjoni għal Alla, imma, għall-kuntrarju, taħt dak tal-ħlewwa tal-imħabba li tiġi mingħand Alla (cf.Gal 1, 4), u allura ssir sors ta’ barka (Gal 3, 13-14). Kristu, waqt li offra lilu nnifsu “b’rahan għall-kotra”, wettaq sal-aħħar is-solidarjetà tiegħu mal-bniedm, ma’ kull bniedem, ma’ kull midneb. Dan jurih l-Appostlu meta jikteb: “L-imħabba ta’ Kristu timbuttana, għall-ħsieb li wieħed miet għal kullħadd” (2 Kor 5, 14). Kristu mela sar solidali ma’ kull bniedem fil-mewt li hija effett tad-dnub. Imma din is-solidarjetà ma kienet fih bl-ebda mod effett tad-dnub: għall-kuntrarju kienet att liberu ta’ mħabba purissima. L-imħabba “wasslet” lil Kristu li “jagħti ħajtu”, billi jaċċetta l-mewt fuq is-salib. Is-solidarjetà tiegħu mal-bniedem fil-mewt tikonsisti, mela, fil-fatt li  huwa mhux  biss miet hekk bħal ma jmut il-bniedem – hekk bħal ma jmut kull bniedem – imma miet għal kull bniedem. F’tali mod  din is-“sostituzzjoni” tfisser is-“sovrabbondanza” tal-imħabba, li tippermetti li tissupera l-“iskarsezzi” jew l-insuffiċjenzi  tal-imħabba umana, iċ-ċaħdiet u l-provokazzjonijiet marbutin mad-dnub tal-bniedem f’kull dimensjoni interna u storika – li biha dan id-dnub  għabba fuq ir-rapport bejn il-bniedem u Alla  .
  4. Madankoll f’dan il-punt inmorru ‘l hemm mill-kejl uman tar-“rahan” li Kristu offra “għal kulħadd”. Ebda bniedem, jekk kien ukoll l-iktar qaddis, ma kien kapaċi li jitgħabba bid-dnubiet tal-bnedmin kollha u joffri lilu nnifsu f’sagrifiċċju “għal kulħad”. Ġesù Kristu biss kien kapaċi, għaliex, minkejja li kien bniedem, kien Alla-Iben, tal-istess sustanza tal-Missier. Is-sagrifiċċju ta’ ħajtu umana kellu minħabba f’hekk valur infinit. L-eżistenza fi Kristu tal-persuna divina tal-Iben, li tissupera u fl-istess ħin tħaddan l-persuni umani kollha, tirrendi possibbli s-sagrifiċċju tiegħu feddej “għal kulħadd”. “Ġesù Cristu kien jiswa daqsna lkoll” jikteb San Ċirillu ta’ Lixandra (cf. S. Cyrilli Alexandrini “In Isaiam” 5, 1: PG 70, 1176). It-traxxendenza divina tal-persuna ta’ Kristu tagħmel iva li huwa jistà “jirrapreżenta” quddiem il-Missier lill-bnedmin kollha. F’dan is-sens jistà jiġi spjegat il-karattru “sostituttiv” tal-fidwa mwettqa minn Kristu: f’isem kulħadd u għal kulħad. “Sua sanctissima passione in ligno crucis nobis iustificationem meruit”, jgħallem il-Konċilju ta’ Trentu (Conc. Trid. Decretum “De Iustificatione”, cap. 7: Denz.-Schönm. 1529), waqt li jenfasizza l-valur meritorju tas-sagrifiċċju ta’ Kristu.
  5. Hawn ta’ min jinnota li dan il-mertu huwa universali, jiġifieri jiswà għall-bnedmin kollha u għal kull bniedem, għaliex huwa msejjes fuq rappteżentattiva universali, imqiegħda fid-dawl tat-testi li rajna dwar is-sostituzzjoni ta’ Kristu għal bnedmin l-oħra kollha fis-sagrifiċċju. Hu li “kien jiswa daqsna lkoll” bħal ma qal San Ċirillu ta’ Lixandra, setà waħdu biss ibati għalina lkoll (cf. S. Cyrilli Alexandrini “In Isaiam” 5, 1: PG 70, 1176; “In 2 Cor” 5,21: PG 74, 945). Dan kollu kien inkluż fil-pjan feddej ta’ Alla u fil-vokazzjoni messjanika ta’ Kristu.
  6. Din hija verità ta’ fidi, imsejsa fuq kliem ċar u inekwivokabbli ta’ Ġesù minnu ripetut ukoll waqt il-mument tat-twaqqif tal-Ewkaristija. Jittrasmettiha San Pawl f’test li jiġi meqjus bħala l-iktar qadim dwar dan il-punt: “Dan huwa ġismi, li ngħata għalikom . . . Dan il-kalċi huwa l-patt il-ġdid f’demmi” (1Kor 11,23). Ma’ dan i-test inqabblu lis-sinottiċi li jitkellmu dwar il-ġisem li “ngħata” u dwar id-demm li se jkun “imxerred . . . għall-maħfra tad-dnubiet” (cf.Mak 14, 22-24; Mt 26, 26-28; Lq 22, 19-20). Ukoll fit-talba saċerdotali tal-aħħar ċena, Ġesù jgħid: “Għalihom jien nikkonsagra lili nnifsi, sabiex huma wkoll ikunu kkonsagrati fil-verità” (Ġw 17, 19). L-eku u f’ċertu mod il-preċiżjoni tas-sinifikat ta’ dan il-kliem ta’ Ġesù jinstab fl-ewwel ittra ta’ San Ġwann: “Huwa hu vittma ta’ tpattija għal dnubietna, mhux biss għal dnubietna imam wkoll għal dawk tad-dinja kollha” (1 Ġw 2, 2). Kif wieħed jistà jara San Ġwann joffrilna nterpretazzjoni awtentika tat-testi l-oħra dwar il-valur sostituttiv tas-sagrifiċċju ta’ Kristu, fis-sens tal-universalità tal-fidwa.
  7. Din il-verità tal-fidi tagħna ma teskludix, imma tesiġi l-parteċipazzjoni tal-bniedem, ta’ kull bniedem, fis-sagrifiċċju ta’ Kristu, il-kollaborazzjoni mal-feddej. Jekk, bħal ma għidna hawn fuq, ebda bniedem ma setà jwettaq il-fidwa billi joffri sagrifiċċju sostituttiv “għad-dnubiet tad-dinja” (cf.1 Ġw2, 2), daqstant ieħor huwa veru li kull wieħed minna huwa msejjaħ biex jieħu sehem fis-sagrifiċċju ta’ Kristu, biex jikkollabora, miegħu fl-opra tal-fidwa minnu mwettqa. Dan jgħidu b’mod speċifiku l-appostlu Pawlu meta jikteb lill-Kolossin: “Jien issa nifraħ bit-tbatijiet tiegħi minħabba fikom, għaliex bihom jiena ntemm f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta Kristu għall-ġisem tiegħu li hija l-Knisja” (Kol 1, 24). L-istess Appostlu jikteb ukoll: “Jien issallabt ma’ Kristu” (Gal 2, 20). Dawn l-istqarrijiet ma joħorġux biss minn esperjenza u minn interpretazzjoni personali ta’ Pawlu, imma jesprimu l-verità dwar il-bniedem, mifdi bla dubju ta’ xejn bi prezz tas-salib ta’ Kristu, avolja kontempoanjament imsejjaħ biex “itemm dak li jonqos f’ġismu” mat-tbatijiet tiegħu għall-fidwa tad-dinja. Dan kollu jalloka ruħu fil-loġika tal-patt bejn Alla u l-bniedem u jassumi f’dan tal-aħħar il-fidi bħala triq fundamentali tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-fidwa  li tirriżulta mis-sagrifiċċju ta’ Ġesù fuq is-salib.
  8. Kristu stess sejjaħ u jsejjaħ b’mod kostanti lid-dixxipli tiegħu għal din il-parteċipazzjoni: “Jekk xiħadd irid jimxi warajja jiċħad lilu nnifsu, jerfà salibu u jsegwini” (Mk8, 34). Iktar minn darba hu jitkellem ukoll dwar il-persekuzzjonijiet li hemm jistennew lid-dixxipli tiegħu: “Qaddej mhux ikbar minn sidu. Jekk ippersegwitaw lili jippersegwitaw ukoll lilkom” (Ġw 15, 20). “Intom għad tibku u ssewdu qlubkom, imma d-dinja tifraħ. Intom għad tkunu miżerabbli imma l-miżerja tagħkom tinbidel f’ferħ” (Ġw 16, 20). Dawn u testi oħra tat-testment il-ġdid ġustament sejsu t-Tradizzjoni tejoloġika, spiritwali, axxetika li sa miż-żminijiet l-iktar antiki sostnew il-bżonn u wrew it-toroq tas-sekwenza ta’ Kristu fil-passjoni, mhux biss bħala imitazzjoni tal-virtujiet tiegħu, imma wkoll bħala koperazzjoni mal-fidwa universali bil-partiċipazzjoni fis-sagrifiċċju tiegħu.
  9. Din hija waħda mill-ġebel tax-xewka tal-ispiritwalità speċifika kristjana li aħna msejħin biex nirrijattivaw f’ħajjitna bis-saħħa tal-istess Magħmudija li,skont ma jgħid San Pawl (cf.Rm 6, 3-4),tattwa b’mod sagramentali il-mewt u d-difna tagħna billi tgħaddasna fis-sagrifiċċju feddej ta’ Kristu: la darba Kristu feda l-umanità, billi aċċetta s-salib u l-mewt “għal kulħadd”, din is-solidarjetà ta’ Kristu ma’ kull bniedem tiġbor fiha s-sejħa għall-koperazzjoni solidali miegħu fl-opra tal-fidwa. Tali hija l-elokwenza tal-Vanġelu. Tali hija speċjalment l-elokwenza tas-salib. Tali hija l-importanza tal-Magħmudija, li, bħal ma se naraw meta jasal il-waqt, diġa tattwa fiha l-parteċipazzjoni tal-bniedem, ta’ kull bniedem, fl-opra feddejja, li fiha huwa assoċjat ma’ Kristu minn l-istess vokazzjoni divina.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb