It-Tlugħ ta’ Kristu fis-Sema huwa misteru li tħabbar minn qabel


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 5 ta’ April 1989

83. It-Tlugħ ta’ Kristu fis-Sema huwa misteru li tħabbar minn qabel

  1. Is-simboli ta’ fidi l-iktar antiki wara l-artikolu tal-Qawmien mill-imwiet ta’ Kristu jġibu dak tat-Tlugħ tiegħu fis-sema. F’dan ir-rigward, it-testi evanġeliċi jirreferu li Ġesù rxoxt, wara li dam hawn erbgħin jum mad-dixxipli tiegħu b’iktar dehriet u f’diversi postijiet, inqatà għal kollox u b’mod definittiv mil-liġijiet taż-żmien u tal-ispazju, biex jitlà fis-sema, biex hekk iwettaq ir-“ritorn għand il-Missier” diġa mibdi permezz tal-Qawmien mill-imwiet.

Fil-katekeżi preżenti se naraw kif Ġesù iħabbar minn qabel it-Tlugħ fis-Sema (jew ir-ritorn għand il-Missier) waqt li jitkellem mal-Maddalena u mad-dixxipli fil-jiem paskwali u pripaskwali.

  1. Meta ltaqà mal-Maddalena wara l-Qawmien mill-imwiet, Ġesù jgħidilha: “La żżomnix, għax għadni ma tlajtx għand il-Missier, imma mur għand ħuti u għidilhom: «Jiena nitlà għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom »” (Ġw20, 17).

Din l-istess aħbar Ġesù tenniha iktar minn darba lid-dixxipli tul il-perijodu paskwali. Dan għamlu b’mod speċjali waqt l-aħħar ċena, “billi kien jaf li kienet waslet is-siegħa li jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier . . ., billi kien jaf li l-Missier kien tah kollox f’idejh u li kien ġie mingħand Alla u għand Alla kellu jirritorna” (Ġw 13, 1-3). Ġesù żgur li kellu f’moħħu mewtu issa qrib, u madankollu hu kien iħares ‘il hemm minn dan u kien qal dak il-kliem fil-prospettiva tat-tluq tiegħu li kien imiss, tar-ritorn tiegħu għand il-Missier permezz tat-Tlugħ fis-sema: “Se nmur għand dak li bagħatni” (Ġw 16, 5); “Se nmur għand il-Missier u ma tarawnix iktar” (Ġw 16, 10). Id-dixxipli ma fehmux sewwa, allura, x’kellu sewwa f’moħħu Ġesù wisq iktar li hu kien jitkellem b’mod misterjuż: “Se nmur u nerġà niġi għandkom” – u anzi kien żied: “Jekk tħobbuni tifirħu li jien se nmur għand il-Missier, għaliex il-Missier huwa ikbar minni” (Ġw 14, 28). Wara l-Qawmien mill-imwiet dak il-kliem sar iktar jiftiehem u trasparenti għad-dixxipli, bħall-aħbar minn qabel tat-Tlugħ fis-Sema.

  1. Jekk irridu fil-qosor neżaminaw il-kontenut tal-aħbarijiet rapportati, nistgħu qabel xejn ninnutaw li t-Tlugħ fis-sema jikkostitwixxi l-istadju finali tal-peregrinazzjoni terrena ta’ Kristu, l-Iben ta’ Alla, konsustanzjali mal-Missier, li sar bniedem għall-fidwa tagħna. Imma dan l-aħħar stadju jibqà b’mod strett marbut mal-ewwel wieħed, jiġifieri ma l-“inżul mis-sema”, li seħħ fl-Inkarnazzjoni. Kristu “ li ħareġ mingħand il-Missier” (Ġw16, 28) u li ġie fid-dinja permezz tal-Inkarnazzjoni, issa, wara l-konklużjoni tal-missjoni tiegħu, “iħalli id-dinja u jmur għand il-Missier” (cf.Ġw 16, 28). Dan huwa mod uniku ta’ “tlugħ”, bħal ta’ “nżul”. Dak biss li ħareġ mingħand il-Missier bil-mod ta’ Kristu jistà jerġà lura għand il-Missier bil-mod ta’ Kristu. Dan jiddikjarah l-istess Ġesù fid-djalogu ma’ Nikodemu: “Ħadd qatt ma telà fis-sema, għajr Bin il-bniedem li niżel mis-sema” (Ġw 3, 13). Hu biss jippossiedi l-enerġija divina u d-dritt li “jitlà fis-sema”, ħadd iktar. L-umanità merħija weħedha għall-qawwiet naturali tagħha, m’għandhiex aċċess  għal dik id-“dar tal-Missier” (Ġw 14, 2), għas-sehem fil-ħajja u fil-kuntentizza ta’ Alla. Kristu biss jistà jiftaħ għall-bniedem dan l-aċċess: hu, l_iben li “niżel mis-sema”, li “ħareġ mingħand il-Missier” propju għalhekk.

U dan hu l-ewwel riżultat tal-analiżi tagħna: It-Tlugħ fis-sema jintegra ruħu fil-misteru tal-Inkarnazzjoni, li tiegħu huwa l-waqt konklussiv.

  1. It-Tlugħ fis-sema huwa mela marbut b’mod strett mal-“ekonomija tal-fidwa”, li tesprimi ruħha fil-misteru tal-Inkarnazzjoni u b’mod speċjali fil-mewt feddejja ta’ Kristu fuq is-Salib. Propju fid-djalogu diġa kkwotat ma’ Nikodemu, Ġesù stess, waqt li jirreferi għal fatt simboliku u figurattiv riferut mill-ktieb tan-Numri (Nm21, 4-9), jiddikjara: “Bħal ma Mosè għolla s-serpent fid-deżert, hekk hemm bżonn li jkun mgħolli (jew aħjar imsallab) Bin il-bniedem, sabiex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw3, 14).

U lejn tmiem il-ministeru tiegħu, qrib l-Għid, Ġesù jirrepeti b’mod ċar li huwa hu li jiftaħ lill-umanità l-aċċess għad-“dar tal-Missier” permezz ta’ Salibu: “Jien meta nkun mgħolli mill-art, niġbed lil kulħadd lejja” (Ġw 12, 32). It-“tgħollija” fuq is-Salib hija s-sinjal partikolari u l-aħbar definittiva tat-“tgħollija” l-oħra, li sseħħ permezz tat-Tlugħ fis-sema. Il-Vanġelu ta’ Ġwanni, jara din l-“eżaltazzjoni” tal-Feddej diġa fuq il-Golgota. Is-Salib huwa l-bidu tat-Tlugħ fis-sema.

  1. Nerġgħu nsibu l-istess verità fl-ittra lil-Lhud, fejn naqraw li Ġesù Kristu, l-uniku saċerdot tal-patt il-ġdid u etern, “ma daħalx f’santwarju magħmul minn idejn il-bniedem . . . imma fl-istess sema, bl-iskop li issa jippreżenta ruħu quddiem Alla favur tagħna” (Eb9, 24).U daħal “b’demmu stess, wara li kien kisbilna fidwa eterna”: “daħal darba għal dejjem” (Eb9, 12). Daħal bħala Iben “li huwa radjazzjoni tal-glorja (tal-Missier) u timbru tas-sustanza tiegħu u jsostni kollox bil-qawwa ta’ kelmtu, wara li wettaq il-purifikazzjoni tad-dnubiet, qagħad fuq il-lemin tal-majjestà tal-għoli tas-smewwiet” (Eb 1, 3).

Dan it-test mill-ittra lil-Lhud u dak tad-djalogu ma’ Nikodemu (Ġw 3, 13), jaqblu fil-kontenut sustanzjali, jew aħjar fl-asserzjoni tal-valur feddej tat-Tlugħ fis-sema fil-quċċata tal-ekonomija tal-fidwa, b’rabta mal-prinċipju fundamentali diġa mqanqal minn Ġesù: “Ħadd ma qatt telà fis-sema, għajr Bin il-bniedem li niżel mis-sema” (Ġw 3, 13).

  1. Kliem ieħor ta’ Ġesù ppronunzjat fiċ-Ċenaklu, jirreferi għal mewtu, imma fi prospettiva tat-Tlugħ fis-sema: “Uliedi, għal ftit ieħor se nkun magħkom, intom tfittxuni imma . . . fejn se nmur jien intom (issa) ma tistgħux tiġu” (Ġw13, 33). Wara iżda huwa jgħid: “F’dar Missieri hemm ħafna postijiet. Kieku le, ma kontx ngħidilkom. Jien se nmur biex inħejjilkom post” (Ġw 14, 2).

Dan huwa diskors indirizzat lill-appostli, imma li jiġi estiż sewwa ‘l hemm miċ-ċirku tagħhom. Ġesù Kristu se jmur għand il-Missier – f’dar il-Missier – biex “jintroduċi” l-bnedmin, li mingħajru ma jistgħux “jidħlu”. Huwa biss jistà jiftaħ l-aċċess għal kulħadd: hu li “niżel mis-sema” (Ġw 3, 13), li “ħareġ mingħand il-Missier” (Ġw 16, 28) u issa se jmur lura għand il-Missier “bid-demm tiegħu stess, wara li kiseb għalina fidwa eterna” (Eb 9, 12). Huwa stess jiddikjara: “Jiena t-triq . . . Ħadd ma jiġi għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi” (Ġw 14, 6).

  1. Għal din ir-raġuni Ġesù jżid ukoll, fl-istess lejla tal-vġili tal-Passjoni: “Huwa tajjeb għalikom li jien inmur”. Iva. Huwa tajjeb, u meħtieġ, huwa ndispensabbli mill-punt di vista tal-ekonomija feddejja eterna. Ġesù dan jispjegah sal-aħħarnett lill-appostli: “Huwa tajjeb għalikom li jien inmur, għaliex jekk ma nmurx, ma jiġix għandkom li-Konsulatur, imma meta nmur, jiena nibgħatulkom” (Ġw16, 7). Iva. Kristu hemm bżonn li jtemm il-preżenza terrena tiegħu, il-preżenza terrena viżibbli tiegħu, il-preżenza viżibbli tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem fid-dinja għaliex huwa jistà jbqà b’’mod inviżibbli, bil-qawwa tal-Ispirtu tal-verità, tal-konsulatur paraklitu. U allura jwiegħed b’mod ripetut: “Se nmur u nerġà niġi għandkom” (Ġw14, 1-3. 28).

Hawn ninsabu quddiem misteru doppju: dak tad-dispożizzjoni u l-predestinazzjoni eterna, li jiffissa l-modi, iż-żmenijiet u r-ritmi tal-istorja tas-salvazzjoni bi pjan tal-għaġeb, imma għalina li ma nistgħux nifhmuh;  u dak tal-preżenza ta’ Kristu fid-dinja umana permezz tal-Ispirtu Santu, santifikatur u ħaj: kif l-umanità tal-Iben taġixxi permezz tal-Ispirtu Santu fl-erwieħ u fil-Knisja – verità mgħallma b’mod ċar minn Ġesù – jibqà moħbi fiċ-ċpar transluminuż tal-misteru trinitarju u Kristoloġiku, u jitlob l-att umli u għaref ta’ fidi tagħna.

  1. Il-preżenza inviżibbli ta’ Kristu tattwa ruħha fil-Knisja wkoll b’mod sagramentali. Fiċ-ċentru tal-Knisja tinsab l-Ewkaristija. Meta Ġesù għall-ewwel darba ħabbar l-istituzzjoni tagħha, bosta “skandalizzaw ruħhom” (cf.Ġw6, 61) minħabba li tkellem dwar “li jieklu Ġismu u li jixorbu Demmu”. Imma kien hemm li Ġesù irribatta: “Dan jiskandalizzakom? U jekk taraw lil Bin il-bniedem jitlà hemm fejn kien qabel? Huwa l-Ispirtu li jagħti l-ħajja, il-ġisem ma jiswa għalxejn” (Ġw 6, 62-63).

Ġesù hawn jitkellem dwar it-Tlugħ fis-sema tiegħu: meta ġismu terren jiġi kundannat għall-mewt fuq is-Salib, huwa jimmanifesta l-Ispirtu “li jagħti l-ħajja”. Kristu se jitlà għand il-Missier, sabiex ikun jistà jiġi l-Ispirtu. U, f’jum il-Għid, l-Ispirtu jigglorifika il-ġisem ta’ Kristu fil-Qawmien mill-imwiet. F’jum Għid il-Ħamsin(Pentekoste) l-Ispirtu jinżel fuq l-appostli u fuq il-Knisja sabiex, waqt li jġedded fl-Ewkaristija il-memorjal tal-mewt ta’ Kristu, inkunu nistgħu nieħdu sehem fil-ħajja l-ġdida ta’ ġismu gglorifikat mill-Ispirtu – u b’dan il-mod iħejjijna biex nidħlu fl-“abitazzjonijiet eterni”, fejn il-Feddej tagħna mar qabilna biex iħejjilna post f’”dar il-Missier” (Ġw 14, 2).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb