Kristu huwa l-Fundatur tal-istruttura ministerjali tal-Knisja

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 22 ta’ Ġunju 1988

56. Kristu huwa l-Fundatur tal-istruttura ministerjali tal-Knisja

  1. Għidna fil-katekeżi preċedenti li l-missjoni kollha ta’ Ġesù ta’ Nażżaret, it-tagħlim tiegħu, is-sinjali li kien jagħmel, sa dak suprem: il-qawmien mill-imwiet (“is-sinjal tal-profeta Ġona”), kienu ndirizzati biex “jiġbru” l-bnedmin. Din l-“assemblea” tal-Poplu l-ġdid ta’ Alla tikkostitwixxi l-ewwel abozz tal-Knisja, li fiha, b’rieda u istituzzjoni ta’ Kristu, trid isseħħ u tippersisti fl-istorja tal-bniedem is-Saltna ta’ Alla mibdija bil-miġja u bil-missjoni messjanika ta’ Kristu. Ġesù ta’ Nażżaret ħabbar il-Vanġelu lil dawk kollha li kienu jmorru warajh biex jisimgħuh, imma fl-istess ħin huwa sejjaħ xi wħud b’mod partikolari biex jimxu warajh sabiex iħejjihom għal missjoni futura. Din hija per eżempju l-vokazzjoni ta’ Filippu (Ġw1, 43), ta’ Xmun (Lq 5, 10), u wkoll ta’ Levi, il-pubblikan: ukoll lejh Kristu jindirizza l-“imxi warajja” tiegħu (cf. Lq 5, 27-25).
  2. Ta’ sinifikat partikolari huwa mbagħad il-fatt, li minn fost id-dixxipli tiegħu Ġesù għażel it-Tnax: għażla li kellha wkoll l-karattru ta’ “istituzzjoni”. Il-Vanġelu ta’ Marku (Mk3, 14) juża f’dan ir-rigward l-espressjoni “stabilixxa”, verb li fit-test Grieg tas-Sebgħin huwa wżat ukoll għall-opra tal-ħolqien: għal dan it-test Ebrajk oriġinali juża l-kelma “bara”, li m’għandhiex korrispondent preċiż fil-Grieg: “bara” tgħid dak li “jagħmel” biss Alla nnifsu, waqt li joħloq mix-xejn. Kien x’kien ukoll l-espressjoni Griega hija elokwenti biżżejjed fir-rigward tat-Tnax.

Titkellem dwar l-istituzzjoni tagħhom bħala azzjoni deċiżiva ta’ Kristu li pproduċa realtà ġdida. Il-funzjonijiet – id-dmirijiet – li t-Tnax jirċievu huma konsegwenza ta’ dak li huma saru minħabba l-istituzzjoni min-naħa ta’ Kristu (istitwixxa = għamel).

  1. Huwa sintomatiku wkoll il-mod li bih Ġesù opera l-għażla tat-Tnax. “. . . Ġesù mar fuq il-muntanja biex jitlob u għadda l-lejl jitlob lil Alla. Meta sebaħ, sejjaħ madwaru lid-dixxipli tiegħu u għażel tnax, li sejħilhom appostli” (Lq6, 12-13). Hawn isegwu l-ismijiet tal-magħżulin, Xmun, li Ġesù tah l-isem ta’ Pietru, Ġakbu u Ġwanni (Marku jippreċiża li kienu wlied Żebbedew u li lilhom Ġesù laqqamhom “Boanerghes”, li tfisser “ulied ir-ragħad”), Filippu, Bartilmew, Mattew, Tumas, Ġakbu, bin Alfew, Xmun msejjaħ Żelota, Ġuda ta’ Ġakbu u Ġuda Iskarjota, “li kien it-traditur” (Lq 6, 16). Fost il-listi tat-Tnax li jinsabu fit-tliet Vanġeli Sinottiċi u fl-Atti tal-Appostli hemm qbil, minkejja xi differenzi żgħar  .
  2. Ġesù stess jitkellem jum wieħed dwar l-elezzjoni tat-Tnax, waqt li jenfasizza dak li kien qanqlu biex jagħmilha: “Mhux intom għażiltu lili, iżda jien għażilt lilkom . . .” (Ġw15, 16); u jżid: “Li kieku kontu tad-dinja, id-dinja kienet tħobb dak li hu tagħha; imma billi għall-kuntrarju intom m’intomx tad-dinja, imma jien għażiltkom mid-dinja, minħabba dan id-dinja tobgħodkom” (Ġw 15, 19).

Ġesù mela kien ħatar lit-Tnax “biex jibqgħu miegħu”, biex ikun jistà “jibgħathom jippridkaw u sabiex ikollhom is-setgħa li jkeċċu x-xjaten” (Mk 3, 14-15). Mela kienu magħżula u “maħtura” għal missjoni preċiża. Kienu mibgħutin (= “appostli”).

Fit-test ta’ Ġwanni nerġgħu naqraw: “Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom u ħtartkom sabiex tmorru u ġġorru l-frott u l-frott tagħkom jibqà” (Ġw 15, 16).

Dan il-“frott” f’post ieħor jiġi ffissat bix-xbiha tas-“sajda”, meta Ġesù, wara s-sajda mirakoluża fuq il-Lag ta’ Ġenażzaret, jgħid lil Pietru mimli emozzjoni għal dak il-għaġeb: “La tibżax; minn issa ‘l hemm tkun sajjied tal-bnedmin” (Lq 5, 10).

  1. Ġesù jpoġġi l-missjoni tal-appostli fejn tirrigwarda l-kontinwità mal-missjoni propja, meta fit-talba (saċerdotali) tal-aħħar ċena jgħid lill-Missier: “Bħal ma inti bgħattni fid-dinja ukoll jien nibgħathom fid-dinja” (Ġw17, 18). F’dan il-kuntest isir komprensibbli mill-ġdid kliem ieħor ta’ Ġesù: “. . . jiena nagħtikom Saltna, bħal ma l-Missier taha lili” (Lq22, 29). Ġesù ma jgħidx sempliċement lill-appostli: “Lilkom hija afdatha s-Saltna ta’ Alla” (Mk 4, 11), bħallikieku kienet “mogħtija” biss b’mod konoxxittiv – imma “jittrażmetti” lill-appostli s-Saltna li huwa stess beda bil-missjoni messjanika tiegħu fuq l-art. Din is-Saltna “mogħtija” lill-Iben mill-Missier hija t-twettiq tal-wegħdiet diġa mogħtija fil-patt il-qadim. In-numru stess ta’ “tnax-il” appostlu jikkorrispondi mal-kliem ta’ Kristu lit-“tnax-il tribù ta’ Iżrael”: “. . . intom li segwejtuni, fil-ħolqien il-ġdid, meta Bin il-bniedem ikun bilqiegħda fuq it-tron tal-glorja tiegħu, toqogħdu wkoll intom fuq tnax-il tron biex tiġgudikaw it-tnax-il tribù ta’ Iżrael (Mt 19, 28; ukoll Lq 22, 30). L-appostli – “it-Tnax” – bħala l-bidu tal-Iżrael il-ġdid, huma fl-istess ħin “imwiegħda” fil-prospettiva eskatoloġika tal-vokazzjoni tal-Poplu kollu ta’ Alla.
  2. Wara l-qawmien mill-imwiet, Kristu, qabel ma bagħat b’mod definittiv lill-appostli fid-dinja kollha, jorbot mas-servizz tagħhom l-amministrazzjoni tas-sagramenti tal-Magħmudija (cf.Mt28, 18-20), tal-Ewkaristija (cf. Mk 14, 22-24 et par) u tal-Qrar u Rikonċiljazzjoni (cf. Ġw20, 22-23), minnu mwaqqfin bħala sinjali feddejja ta’ grazzja. L-appostli jiġu mela ddotati b’awtorità saċerdotali u pastorali fil-Knisja.

Dwar l-istituzzjoni tal-istruttura sagramentali tal-Knisja se nitkellmu fil-katekeżi li jmiss. Hawn irridu niġbdu l-attenzjoni dwar l-istituzzjoni tal-istruttura ministerjali, marbuta mal-appostli u wara għas-suċċessjoni apostolika fil-Knisja. F’dan ir-rigward jeħtieġ ukoll infakkru l-kliem li bih Ġesù ddeskriva u mbagħad stabilixxa il-“ministerium” partikolari ta’ Pietru: “U jiena ngħidlek: inti Pietru u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi u l-bibien tal-infern ma jegħlbuhiex. Lilek nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-smewwiet, u dak kollu li inti torbot fl-art ikun marbut fis-sema, u dak kollu li inti tħoll fl-art ikun maħlul fis-sema” (Mt 16, 18-19). Kollha similitudnijiet li jirriflettu u jġegħlu jħossu l-idea tal-Knisja-saltna ta’ Alla mogħnija bi struttura ministerjali li kienet fil-ħsieb ta’ Ġesù.

  1. Il-kwestjonijiet tal-“ministerium” u fl-istess ħin tas-sistema ġerarkika tal-Knisja jiġu mogħtija iktar attenzjoni b’mod iktar partikoloreġġjat fiċ-ċiklu suċċessiv ta’ katekeżi eskatoloġiċi. Hawn huwa opportun li niġbdu l-attenzjoni biss għal partikular sinifikattiv rigward l-esperjenza doloruża tal-passjoni u tal-mewt fuq is-salib ta’ Kristu. Fl-antiċipazzjoni taċ-ċaħda ta’ Pietru, Ġesù jgħid lill-appostlu: “. . . imma jien tlabt għalik, li ma titlifx il-fidi; u inti ġaladarba tiġi f’tiegħek, wettaq lill ħutek” (Lq22, 32). Iktar tard – wara l-qawmien mill-imwiet miksuba l-qrara tripla ta’ mħabba min-naħa ta’ Pietru (“Mulej, inti taf li jien inħobbok”), Ġesù jikkonferma b’mod definittiv il-missjoni pastorali universali tiegħu: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi . . .” (cf. Ġw 21, 15-17).
  2. Nistgħu mela ngħidu li l-passi evanġeliċi rispettivi jindikaw b’mod ċar li Ġesù Kristu jittrrażmetti lill-appostli “is-saltna” u l-“missjoni” li hu stess jirċievi mingħand il-Missier, u fl-istess ħin jistitwixxi l-istruttura fondamentali tal-Knisja tiegħu, li fiha din is-Saltna ta’ Alla, permezz tal-kontinwazzjoni tal-missjoni messjanika ta’ Kristu, trid tirrejalizza ruħha fost in-nazzjonijiet kollha tad-dinja bħala twettiq messjaniku u eskatoloġiku tal-wegħdiet eterni ta’ Alla. L-aħħar kliem indirizzat minn Ġesù lill-appostli qabel ir-ritorn tiegħu għand il-Missier, jesprimi b’mod definittiv r-realtà u d-dimensjoni ta’ dik l-istituzzjoni: “Ingħatali kull poter fis-sema u fl-art. Morru mela u għallmu lin-nazzjonijiet kollha waqt li tgħammduhom fl-isem tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu Santu, billi tgħallmuhom josservaw dak kollu li amartilkom. Hekk hu, jiena magħkom il-jiem kollha, sa tmiem id-dinja” (Mt28, 18-20); ukollMk16, 15-18 u Lq 24, 47-48).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading