55. Kristu huwa l-Fundatur tal-Knisja Tiegħu


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 15 ta’ Ġunju 1988

55. Kristu huwa l-Fundatur tal-Knisja Tiegħu

  1. “Iż-żmien wasal u s-Saltna ta’ Alla hi fil-qrib, ikkonvertu u emmnu l-Vanġelu” (Mk1, 15). Dan il-kliem, sa mill-bidu tal-Vanġelu ta’ Marku, jiġi rrappurtat kważi biex jiġbor fil-qosor il-missjoni ta’ Ġesù ta’ Nażżaret, dak li “ġie biex iħabbar il-bxara t-tajba”. Fiċ-ċentru tat-tħabbira tiegħu tinsab ir-rivelazzjoni tas-Saltna ta’ Alla, li qorbot anzi li daħlet fl-istorja tal-bniedem (“Iż-żmien wasal).
  2. Waqt li xandar il-verità dwar is-Saltna ta’ Alla, Ġesù jħabbar fl-istess ħin it-twettiq tal-wegħdiet miġbura fit-Testment il-Qadim. Infatti dwar is-Saltna ta’ Alla jitkellmu spiss il-versetti tas-salmi (cf.Sal103 [102], 19; Sal 93 [92], 1). Is-salm 145 (144) jkanta l-glorja u l-majjestà ta’ din is-saltna  u jindika fl-istess ħin iż-żmien etern tagħha: “Is-Saltna tiegħek hija saltna tas-sekoli kollha, id-dominju tiegħek jinfirex fuq il-ġenerazzjonijiet kollha” (Sal 145 [144], 13). Il-kotba suċċessivi tat-Testment il-Qadim jerġgħu jaqbdu din it-tema. B’mod partikulari wieħed jistà jfakkar it-tħabbir profetiku, partikolarment elokwenti, tal-ktieb ta’ Danjel: “. . . L-Alla tas-sema iqajjem saltna li qatt ma tkun meqruda (u ma tkunx mgħoddija lill-poplu ieħor):jeqred u jġib fix-xejn is-saltniet l-oħra, waqt li hi tibqà għal dejjem” (Dn 2, 44).
  3. Waqt li jirreferi għal tali aħbarijiet u wegħdiet tat-Testment il-Qadim, il-Konċilju Vatikan II josserva u jiddikjara: “Din is-Saltna timmanifesta ruħha fil-kliem u fl-opri u fil-preżenza ta’ Kristu” . . . (Lumen Gentium, 5) “Kristu, biex iwettaq ir-rieda tal-Missier, inawgura fid-dinja s-Saltna tas-Smewwiet” (Lumen Gentium, 3). Fl-istess ħin il-Konċilju jinnota li “waqt li jippriedka l-bxara t-tajba, jiġifieri l-wasla tas-Saltna ta’ Alla minn sekoli mwiegħda fl-Iskrittura . . . il-Mulej Ġesù ta’ bidu għall-Knisja tiegħu” (Lumen Gentium, 5). Il-bidu tal-Knisja, l-istituzzjoni tagħha da parti ta’ Kristu, tinkiteb fil-Vanġelu tas-Saltna ta’ Alla fit-tħabbira tal-wasla tagħha u tal-preżenza tagħha fost il-bnedmin. Jekk is-Saltna ta’ Alla sabet ruħha preżenti fost il-bnedmin grazzi għall-miġja ta’ Kristu, għal kliemu u għall-opri tiegħu, huwa wkoll minnu li bir-rieda espresssa tiegħu, “is-saltna ta’ Alla hija preżenti diġa issa f’misteru fil-Knisja, li bis-saħħa ta’ Alla tikber b’mod viżibbli fid-dinja” (Lumen Gentium, 3).
  4. Ġesù għarraf b’modi varji lis-semmiegħa tiegħu il-wasla tas-saltna ta’ Alla. Huwa sintomatiku l-kliem minnu mxandar fir-rigward tat-“tkeċċija tax-xitan” mill-bnedmin u mid-dinja: “ “Jekk . . . jien inkeċċi x-xjaten bis-setgħa ta’ Alla, dan huwa għaliex waslitilkom s-saltna ta’ Alla” (cf.Lq11, 20). Is-saltna ta’ Alla tfisser, infatti, ir-rebħa fuq il-qawwa tal-ħażen li hawn fid-dinja u ta’ dak li li huwa l-awtur ewlieni oskur. Dan huwa l-ispirtu tad-dlamijiet, patrun ta’ din id-dinja; dan hu kull dnub, li jitnissel fil-bniedem minħabba r-rieda ħażina tiegħu  u taħt l-influss ta’ dik il-preżenza misterjuża u ħażina. Ġesù, li ġie biex jaħfer id-dnubiet, ukoll meta jfejjaq mid-diversi mardiet  iwissi li l-ħelsien mill-mard fiżiku huwa s-sinjal tal-ħelsien mill-mard ferm iktar gravi li jingombra r-ruħ tal-bniedem. Dan kien spjegat b’mod iktar wiesà fil-katekeżi preċedenti.
  5. Id-diversi sinjali tal-qawwa feddejja ta’ Alla offruti minn Ġesù bil-mirakli, marbuta ma’ kelmtu, jiftħu t-triq għall-fehim tal-verità dwar is-saltna ta’ Alla f’nofs il-bnedmin. Huwa jispjega din il-veirtà billi jinqeda b’mod speċjali bil-parabboli, li fosthom hemm dik taż-żerriegħ u taż-żerriegħa miżrugħa. Iż-żerriegħa hija l-kelma ta’ Alla li tistà tkun milqugħa b’mod kif tixħet għeruqha fl-art tal-erwieħ umani jew inkella, minħabba diversi mottivi, jew ma tkunx mismugħa jew b’tali mod li tkun tistà timmatura u tagħti frott fiż-żmien opportun (cf.Mc4, 14-20). Imma, hawn hi parabbola oħra li tpoġġina quddiem il-misteru tal-iżvilupp taż-żerriegħa permezz ta’ Alla: “Is-saltna ta’ Alla hija bħal bniedem li jitfà ż-żerriegħa fl-art; jorqod jew jgħasses, billejl jew binhar, iż-żerriegħa tnibbet u tikber: kif, hu nnifsu linqas jaf. Ġaladarba l-art tipproduċi b’mod spontanju, l-ewwel iz-zokk, imbagħad  iż-żbula, imbagħad il-qamħa mimlija fiż-żbula” (cf. Mk 4, 26-28). Din hija l-qawwa ta’ Alla li “tkabbar” jgħid San Pawl (1 Cor 3, 6 s) u anzi, bħal ma jikteb l-appostlu, huwa hu li jagħti “ir-rieda u t-twettiq”! (Fil 2, 13).
  6. Is-saltna ta’ Alla jew “saltna tas-smewwiet”, bħal ma jgħid Mattew (cf.Mt3, 2 etc), daħlet fl-istorja tal-bniedem fid-dinja permezz ta’ Kristu, li wkoll waqt il-passjoni tiegħu u fl-imminenza tal-mewt fuq is-salib, jitkellem dwaru bħala sultan u fl-istess ħin jispjega il-karattru tas-Saltna, li huwa ġie biex jinawgura fid-dinja. It-tweġibiet tiegħu lil Pilatu, miktuba fir-rabà Vanġelu (Ġw 18, 33 ss), iservu bħala test muftieħ għall-fehim ta’ dan il-punt. Ġesù jsib ruħu quddiem il-gvernatur Ruman, li lilu ġie mgħoddi mis-Sinedriju taħt l-akkuża li ried jagħmel lilu nnifsu “sultan tal-Lhud”. Meta Pilatu jesponilu dan il-fatt, Ġesù jwieġeb: “Is-Saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja : li kieku s-saltna tiegħi kienet ta’ din id-dinja, is-sudditi tiegħi kienu jissieltu sabiex jien ma ningħatax f’idejn il-Lhud” (Ġw 18, 36). Madankollu l-fatt li Kristu mhux sultan fis-sens terren tal-kelma ma jħassarx is-sens l-ieħor tas-Saltna tiegħu, li huwa jispjega fit-tweġiba għal mistoqsija ġdida tal-imħallef tiegħu : “Mela allura inti sultan?”, jistaqsi Pilatu. “Inti qed tgħidu: jiena sultan. Għal dan jien twelidt u ġejt fid-dinja: biex nagħti xhieda għall-verità. Kull min hu mill-verità, jismà leħni” (Ġw 18, 37). Din hija l-iktar proklamazzjoni nadifa u inekwivokabbli tar-regalità tiegħu, imma wkoll tal-karattru  traxxendenti tiegħu, li jikkonferma il-valur l-iktar profond tal-ispirtu uman u l-bażi ewlenija tar-rapporti umani “il-verità”.
  7. Is-Saltna li Ġesù, bħala l-Iben ta’ Alla inkarnat, inawgura fl-istorja tal-bniedem, billi hija ta’ Alla, tistabilixxi ruħha u tikber fl-ispirtu uman bil-qawwa tal-verità u tal-grazzja li jiġu mingħand Alla, bħal donnhom iriduna nifhmu l-parabboli taż-żerriegħ u taż-żerriegħa li rrakkuntajna fil-qosor. Kristu huwa ż-żerriegħ ta’ din il-verità. Imma fl-aħħar minn l-aħħar ikun permezz tas-salib li huwa jikseb r-regalità tiegħu u jwettaq l-opra ttiegħu tal-fidwa fl-istorja tal-umanità: “Jien, meta nkun merfugħ mill-art, niġbed lil kulħadd lejja” (Ġw12, 32).
  8. Dan kollu jifdher ukoll fit-tagħlim ta’ Ġesù dwar ir-ragħaj it-tajjeb, li “joffri ħajtu għan-nagħaġ” (Ġw10, 11). Din ix-xbiha tar-ragħaj hija marbuta b’mod strett ma’ dik tal-maqjel u tan-nagħaġ li jisimgħu l-leħen tar-ragħaj. Ġesù jgħid li hu r-ragħaj it-tajjeb li “jagħraf in-nagħaġ tiegħu u huma jagħrfu lilu” (cf. Ġw 10, 14). Bħala ragħaj tajjeb, ifittex in-nagħġa l-mitlufa (cf. Mt 18, 12; Lq 15, 4), u jaħseb ukoll għan-“nagħaġ l-oħra li mhumiex minn ta’ dan il-maqjel”; ukoll dawk hu “jeħtieġ li jmexxi”, għaliex “. . . huma se jisimgħu leħnu u se jsiru merħla waħda u ragħaj wieħed” (Ġw 10, 16). Din mela hi regalità waħda universali,  imħarrġa b’ruħ u b’metodu ta’ ragħaj, biex iwassal lil kulħadd ħalli jgħix fil-verità ta’ Alla.
  9. Bħal ma wieħed jistà jara, il-predikazzjoni kollha ta’ Kristu, il-missjoni messjanika kollha hija kollha mdawra biex “tiġbor” il-merħla. Din ma tirrigwardax biss tant semmiegħa, segwaċi, imitaturi singuli. Din tirrigwarda “assemblea”, li fl-Aramajk iddoqq “kehala”, u fl-Ebrajk “qahal”, korrispondenti għall-Griega “ekklesia”. Il-kelma Griega ġejja minn verb li jfisser “issejjaħ” (“sejħa” bil-Grieg, infatti ngħidu, “klesis”) u din id-derivazzjoni etimoloġika sservi biex tgħinna nifhmu li, bħal ma fil-Patt il-qadim Alla kien “sejjaħ” lill-poplu tiegħu Iżrael, hekk Kristu jsejjaħ lill-Poplu l-ġdid ta’ Alla, billi jagħżel u jfittex il-membri minn fost il-bnedmin. Huwa jiġbidhom lejh u jlaqqagħhom madwar il-persuna propja permezz tal-kelma tal-Vanġelu u bil-qawwa feddejja tal-misteru paskwali. Din il-qawwa divina, immanifestatha b’mod definittiv fil-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, tikkonferma s-sens tal-kliem darba migħud lil San Pietru: “Fuq din il-blata nibni l-Knisja tiegħi” (Mt16, 18), jew aħjar l-assemblea l-ġdida tas-Saltna ta’ Alla.
  10. Il-Knisja-ecclesia-assemblea tirċievi mingħand Kristu l-kmandament il-ġdid. “Nagħtikom kmandament ġdid; li tħobbu lil xulxin, bħal ma ħabbejtkom jien . . . Minn dan kulħadd jagħrafkom li intom dixxipli tiegħi . . .” (Ġw13, 34; cf.Ġw 15, 12). Hija ħaġa ċerta li l-“assemblea-Knisja” tirċievi mingħand Kristu wkoll l-istruttura esterna tagħha (li dwarha nitkellmu darb’oħra): imma l-valur essenzjali huwa l-komunjoni ma’ Kristu nnifsu: huwa hu li “jlaqqà” l-Knisja, huwa hu li “jibniha” b’mod kostanti bħala ġismu (cf. Ef4, 12), bħala Saltna ta’ Alla  b’firxa universali. “Jiġu mil-Lvant u mill-Punent u joqogħdu mal-mejda (ma’ Abraham. Iżakk u Ġakobb) fis-Saltna ta’ Alla” (cf. Lq 13, 28-29).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb