Ġesù huwa l-Fundatur tal-istruttura Sagramentali fil-ħajja tal-Knisja

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 13 ta’ Lulju 1988

57. Ġesù huwa l-Fundatur tal-istruttura Sagramentali fil-ħajja tal-Knisja.

  1. “Hekk hu, jiena magħkom il-jiem kollha, sa tmiem id-dinja” (Mt28, 20). Dan il-kliem ippronunzjat minn Kristu rxoxt meta bagħat lill-appostli fid-dinja kollha, jixhed li l-Iben ta’ Alla, li, meta ġie fid-dinja, ta bidu għas-Saltna ta’ Alla fl-istorja tal-umanità, għaddieha lill-appostli f’rabta stretta mal-kontinwazzjoni tal-missjoni messjanika tiegħu “jiena ngħaddilkom Saltna, bħal ma l-Missier għaddieha lili” (Lq22, 29). Għat-twettiq ta’ din is-Saltna u t-twettiq tal-missjoni stess tiegħu, huwa waqqaf fil-Knisja struttura viżibbli “ministerjali”, li kellha tibqà “sal-aħħar tad-dinja”, skont il-prinċipju ta’ trażmissjoni fis-suċċessuri tal-appostli ssuġġerit minn dan l-istess kliem ta’ Ġesù rxoxt. Dan huwa “ministerium” marbut mal-“mysterium”, li għalih l-appostli kellhom iqisu ruħhom u jridu jkunu meqjusa “ministri ta’ Kristu u amministraturi tal-misteri ta’ Alla”, bħal ma jgħid San Pawl (1 Kor 4, 1). L-istruttura ministerjali tal-Knisja  tassumi u tinkludi struttura sagramentali u hija “ta’ servizz” fir-rigward tagħhom (“ministerium” = servizz).
  2. Dan ir-rapport bejn “ministerium” u “mysterium” ifakkar verità tejoloġika fundamentali: Kristu wiegħed mhux biss li jkun “mal”-appostli, jiġifieri “mal”-Knisja, sal-aħħar tad-dinja, imma li jkun hu stess “fil”-Knisja, bħala sors u bidu ta’ ħajja divina: ta’ dik “il-ħajja eterna” li tappartjeni lil dak li kkonferma, permezz tal-misteru paskwali, il-qawwa tiegħu rebbieħa fuq id-dnub u fuq il-mewt. Permezz tas-servizz apostoliku tal-Knisja, Kristu jixtieq jittrażmetti lill-bnedmin din il-ħajja divina, sabiex ikunu jistgħu “jibqgħu fih u hu fihom”, bħal ma jesprimi hu fil-parabbola tad-dielja u taż-żraġen li tagħmel parti mid-diskors tat-tluq tiegħu, irrappurtat fil-Vanġelu ta’ Ġwanni: “Jiena d-dielja, intom iż-żraġen. Min jibqà fija u jiena fih, jagħmel ħafna frott, għaliex mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw15, 5).
  3. Għalhekk, bħala istituzzjoni ta’ Kristu, il-Knisja tippossiedi mhux biss struttura ministerjali, viżibbli u “esterna”, imma fl-istess ħin (u speċjalment) kapaċità “nterna”, li tappartjeni għal sfera inviżibbli, iżda reali, fejn is-sors ta’ kull donazzjoni tal-ħajja divina, tal-parteċipazzjoni fil-ħajja trinitarja ta’ Alla: ta’ dik il-ħajja, li hija fi Kristu u li jagħti Kristu, permezz tal-azzjoni tal-Ispirtu Santu, tiġi mgħoddija lill-bnedmin għat-twettiq tal-pjan feddej ta’ Alla. Is-sagramenti, mwaqqfa minn Kristu, huma s-sinjali viżibbli ta’ din il-kapaċità li tittrażmetti l-ħajja l-ġdida, id-don il-ġdid tiegħu nnifsu li Alla jagħmel lill-bniedem – jiġifieri tal-grazzja. Dawn ifissruha u fl-istess ħin jikkomunikawha. Ukoll għas-sagramenti tal-Knisja se niddediaw wara ċiklu apposta ta’ Katekeżi. Dak li issa jippressana huwa li niġbdu l-attenzjoni b’mod speċjali għall-unjoni essenzjali tas-sagramenti mal-missjoni ta’ Kristu, li meta waqqaf il-Knisja, saħħaħha bi struttura sagramentali. Bħala sinjali, is-sagramenti jappartjenu għall-ordni viżibbli tal-Knisja; fl-istess ħin, dak li huma jfissru u jikkomunikaw – il-ħajja divina – jappartjeni għall-“mysterium” inviżibblili li minnu oħroġ il-vitalità soprannaturali tal-poplu ta’ Alla fil-Knisja.  Din hija d-dimensjoni nviżibbli tal-ħajja tal-Knisja, li fil-parteċipazzjoni għall-misteru ta’ Kristu  tikseb din il-ħajja minnu, bħal minn sors li ma jgħejja qatt u ma jintemm qatt, u li jidentifika ruħu dejjem iktar għalih bħala l-unika “dielja” (cf. Ġw 15, 1).
  4. F’dan il-punt imissna talinqas naċċennaw għall-inseriment speċifiku tas-sagramenti fl-istruttura ministerjali tal-Knisja.

Nafu li waqt l-attività pubblika tiegħu, Ġesù “kien jagħmel sinjali” (cf. ex. gr.,Ġw 2, 23; 6, 2 ss). Kull wieħed minnhom kien jikkostitwixxi l-manifestazzjoni tal-qawwa feddejja (omnipotenza) ta’ Alla, bil-ħelsien tal-bnedmin mill-ħażin fiżiku. Imma fl-istess ħin dawn is-sinjali, jiġifieri l-mirakli, appuntu bħala “sinjali” kienu jindikaw ir-rebħa fuq il-ħażin morali, it-trasformazzjoni u t-tiġdid tal-bniedem fl-Ispirtu Santu. Is-sinjali sagramentali li bihom Kristu għanna l-Knisja tiegħu, għandhom iservu għall-istess skop. Dan jirriżulta mill-Vanġelu.

  1. L-ewwelnett għal dak li jirrigwarda l-Magħmudija. Dan is-sinjal tal-purifikazzjoni spiritwali kien użat diġa minn Ġwanni l-Battista, li mingħandu Ġesù wkoll irċieva “il-Magħmudija ta’ penitenza” fil-Ġordan (cf.Mk1, 9). Imma l-istess Ġwanni kien jiddistingwi b’mod ċar il-Magħmudija amministratha minnu, minn dik li kellha tkun amministratha minn Kristu: “Dak li jiġi warajja . . . jgħammidkom bl-Ispirtu Santu” (Mt 3,11). Barra minn dan fir-rabà Vanġelu nsibu aċċenn interessanti għall-“Magħmudija” li kienet amministratha minn Ġesù, u b’mod iktar preċiż mid-dixxipli tiegħu, “fir-reġġjun tal-Ġudea”, b’mod distint minn Ġwanni (cf. Ġw 3, 22. 26; 4, 2).

Darb’oħra Ġesù jitkellem dwar il-Magħmudija li hu stess kellu jirċievi, waqt li b’dan il-kliem indika il-passjoni futura u l-mewt tiegħu fuq is-salib: “Hemm Magħmudija li jeħtieġ nirċievi; u kemm jien imħawwad sakemm din isseħħ!” (Lq 12, 50). U liż-żewġt aħwa, Ġwanni u Ġakbu, jistaqsi: “Tistgħu intom tixorbu l-kalċi li nixrob jien, jew tirċievu l-Magħmudija li biha jien mgħammed?” (Mk 10, 38).

  1. Jekk iriidu nirreferu b’mod propju għas-sagrament li se jiġi trasmess lill-Knisja, dan insibuh indikat b’mod speċjali fil-kliem ta’ Ġesù lil Nikodemu: “Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidlek, jekk wieħed ma jitwelidx minn ilma u minn Sprtu, ma jistax jidħol fis-saltna ta’ Alla” (Ġw3, 5).

Waqt li bagħat l-appostli biex jippridkaw il-Vanġelu fid-dinja kollha, Ġesù amarilhom biex jamministraw propju din il-Magħmudija: il-Magħmudija “fl-isem tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu Santu” (Mt 28, 19). U ppreċiża: “Min jemmen u jkun mgħammed isalva” (Mk 16, 16). L-“isalva”, id-“dħul fis-Saltna ta’ Alla”, ifisser li jkollok il-ħajja divina, li Kristu jirregala bħala “d-dielja u ż-żraġen”, (Ġw 15, 1) bl-opra ta’ din il-“Magħmudija” li biha huwa nnifsu kien “mgħammed” fil-misteru paskwali tal-mewt u l-qawmien mill-imwiet tiegħu. San Pawl jippreżenta b’mod manifiku l-Magħmudija nisranija bħala “l-immersjoni fil-mewt ta’ Kristu” biex nibqgħu magħqudin  miegħu fil-qawmien mill-imwiet u ngħixu ħajja ġdida (cf. Rm 6, 3-11). Il-Magħmudija tikkostitwixxi l-bidu sagramentali ta’ din il-ħajja fil-bniedem.

L-importanza fondamentali tal-Magħmudija għall-parteċipazzjoni fil-ħajja divina tiġi enfasizzata mill-kliem, li bih Kristu jibgħat lill-appostli biex jippridkaw il-Vanġelu fid-dinja kollha (cf. Mt 28,19).

  1. L-istess appostli – f’għaqda stretta mal-Għid ta’ Kristu – kienu ġew imsaħħa mill-awtorità li jaħfru d-dnubiet. Kristu wkoll naturalment kien jippossiedi din l-awtorità: “Bin il-bniedem għandu l-qawwa fl-art li jaħfer id-dnubiet” (cf.Mt9, 6). L-istess qawwa huwa għaddiha lill-appostli wara l-qawmien mill-imwiet, meta nefaħ fuqhom u qal: “Irċievu l-Isprtu Santu; lil min taħfru d-dnubiet ikunu maħfura u lil min ma taħfruhomx jibqgħu mhux maħfura” (Ġw 20, 22-23). “Taħfer id-dnubiet” ifisser, fil-pożittiv, tagħti lura lill-bniedem il-parteċipazzjoni fil-ħajja li hemm fi Kristu. Is-sagrament tal-Qrar (jew rikonċiljazzjoni) huwa mela marbut mal-misteru tad-“dielja u ż-żraġen”.
  2. Madankollu l-espressjoni sħiħa ta’ din l-għaqda ta’ ħajja ma’ Kristu hija l-Ewkaristija. Ġesù waqqaf dan is-Sagrament il-jum ta’ qabel mewtu feddejja fuq is-salib, waqt l-aħħar ċena (iċ-ċena paskwali) fiċ-ċenaklu ta’ Ġerusalem (cf.Mk14, 22-24; Mt26, 26-30; Lq 22, 19-20 e 1 Kor 11, 23-26). Is-sagrament jikkostitwixxi is-sinjal dejjiemi tal-preżenza ta’ ġismu mogħti lill-mewt u ta’ demmu mxerred “għall-maħfra tad-dnubiet”, u, fl-istess ħin, kull darba li jiġi ċċelebrat, jirrendi preżenti is-sagrifiċċju feddej tar-Redentur tad-dinja. Dan kollu jseħħ taħt is-sinjal sagramentali tal-ħobż u tal-imbid, u allura tal-festin paskwali, marbut minn Ġesù stess mal-misteru tas-salib, bħal ma jfakkarna l-kliem istituttiv, imtenni fil-formula sagramentali: “Dan huwa ġismi, offrut b’sagrifiċċju għalikom: dan huwa l-kalċi ta’ demmi . . . imxerred għalikom u għal kulħadd, għall-maħfra tad-dnubiet”.
  3. L-ikel u x-xorb, li fl-ordni temporali jservu bħala manteniment tal-ħajja umana, fis-sinifikat tagħhom sagramentali jindikaw u jipproduċu l-parteċipazzjoni għall-ħajja divina, li hija fi Kristu, “id-dielja”. Hu bi prezz tas-sagrifiċċju feddej tiegħu, jittrasmetti din il-ħajja liż-“żraġen”: l-appostli u s-segwaċi tiegħu. Dan jenfasizzah il-kliem tat-tħabbira ewkaristika ppronunzjatha fis-sinagoga ta’ Kafarnaw: “Jiena l-ħobż ħaj, li niżel mis-sema. Jekk wieħed jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem u l-ħobż li jien se nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja” (Ġw6, 51). “Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem u jien inqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum” (Ġw 6, 54).
  4. L-Ewkaristija bħala sinjal tal-festin fratern hija marbuta b’mod strett mal-promulgazzjoni tal-kmandament tal-imħabba reċiproka (cf.Ġw13, 34; 15, 12).

Skont it-tagħlim Pawlin din l-imħabba tgħaqqad b’mod intimu l-komponenti kollha tal-komunità fil-Knisja: “Billi hemm ħobż wieħed, aħna, minkejja li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed” (1 Kor 10, 17). F’din l-għaqda, frott tal-imħabba fraterna, tirrifletti ruħha b’xi mod l-għaqda trinitarja, iffurmatha mill-Iben mal-Missier, bħal ma jirriżulta mit-talba ta’ Ġesù: “Għaliex aħna lkoll aħna ħaġa waħda biss. Bħal ma int, Missier, inti fija u jiena fik . . .” (Ġw 17, 21). U hija l-Ewkaristija li tagħmilna parteċipi tal-għaqda tal-ħajja ta’ Alla skont il-kliem ta’ Ġesù stess: “Bħal ma l-Missier, li għandu l-ħajja, bagħat lili u jien ngħix għall-Missier, hekk ukoll dak li jiekol minni jgħix għalija” (Ġw 6, 57).

Proprio per questo l’Eucaristia è il sacramento che in modo particolarissimo “edifica la Chiesa” come comunità della partecipazione alla vita di Dio mediante Cristo, unica “Vite”.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading