Ġwanni Pawlu II f’Notre Dame, Pariġi

Print Friendly, PDF & Email

VISTA PASTORALI F’PARIĠI U LISIEUX. OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Notre Dame, Parigi, 30 ta’ Mejju 1980

1. “Tħobbni int”?

Domanda fundamentali, domanda komuni. Din hija d- domanda li tiftaħ il-qalb – u li tagħti lill-ħajja s-sinifikat tagħha. Din hija d- domanda li tiddeċiedi dwar il-vera dimensjoni tal-bniedem. Fiha l-bniedem kollu kemm hu huwa msejjaħ biex jesprimi ruħu, u wkoll, biex imur ‘il hemm minnu nnifsu.

“Inti tħobbni”?

Din il-mistoqsija saret ftit waqtiet ilu f’dan il-post. Dan huwa post storiku, post sagru. Hawn tiltaqà mal-ġenju ta’ Franza, il-ġenju li esprima ruħu fl-arkitettura ta’ dan it-tempju tminn sekli ilu u li għadu jagħti xhieda tal-bniedem. Il-bniedem, infatti, permezz tal-formuli kollha li bihom ifittex li jiddefenixxi ruħu, ma jistax jinsa li huwa wkoll huwa tempju li fih jgħammar l-Ispirtu Santu. Għal din ir-raġuni l-bniedem għolla dan it-tempju li ilu tminn sekli jirrendilu xhieda: Notre-Dame.

Hawn, f’dan il-post, fil-korsa tal-ewwel laqgħa tagħna, din il-mistoqsija kellha ssir: “Inti tħobbni?” Imma din għandha ssir kullimkien u dejjem. Din il-mistoqsija issir lill-bniedem minn Alla. Din il-mistoqsija l-bniedem għandu kontinwament jagħmilha lilu nnifsu.

2. Din il-istoqsija saret minn Kristu lil Pietru. Kristu għamelhielu tliet darbiet u għal tliet darbiet Pietru wieġbu. “Xmun bin Ġwanni, tħobbni? – Da żgur, Mulej, inti taf li jien inħobbok” (Ġw 21,15-17).

U Pietru kien diġa mpenja ruħu, b’din il-mistoqsija u b’din it-tweġiba, fil-mixja li kellha tkun l-iskop tiegħu sa tmiem ħajtu. Kulfejn kellu jsegwih id-djalogu meraviljuż li fih kien semà wkoll għal tliet darbiet l-istedina “Irgħa l-ħrief tiegħi”, “Irgħa n-nagħaġ tiegħi… “Iva ir-ragħaj ta’ din il-merħla li tagħha jien, jien stess, jiena l-bieb u r-ragħaj it-tajjeb” (cf. Ġw 10,7).

Għal dejjem, sa tmiem ħajtu, Pietru kellu javanza fil-mixja, akkumpanjat minn din id-domanda tripla. “Inti tħobbni?”  U kellu jkejjel l-attivitajiet kollha tiegħu fuq it-tweġiba li kien ta dakinhar. Meta kien imsejjaħ quddiem is-sinedriju. Meta sab ruħu fil-ħabs f’Ġerusalem, ħabs li minnu ma kellux joħroġ…u li minnu madankollu ħareġ. U meta, maħrub, tbiegħed minn Ġerusalem lejn it-Tramuntana, f’Antijokja, u mbagħad iktar ‘il bogħod, minn Antijokja għal Ruma. U meta f’Ruma ippersevera sa tmiem jiemu, għaraf il-qawwa ta’ dak il-kliem li skontu Ieħor kellu jmexxih fejn hu ma riedx… (cf. Ġw 21,18).

U kien jaf ukoll li, grazzi għall-qawwa ta’ dak il-kliem, il-Knisja kienet kostanti “fis-smigħ tat-tagħlim tal-Appostli u fl-għaqda fraterna, fil-qsim tal-jobż u fit-talb”…u li “il-Mulej kien kuljum iżid fil-komunità lil dawk li kienu jkunu salvati” (At 2,42.48).

Hekk kien f’Ġerusalem. Imbagħad f’Antijokja. Imbagħad f’Ruma. U imbagħad ukoll hawn, fil-Punent u fit-Tramuntana ‘l hemm mill-Alpi: f’Marsilja, Lyon u Pariġi.

3. Pietru ma setà qatt jinfired minn din il-mistoqsija: “Inti tħobbni?”

Huwa jġoirrha miegħu kulfejn imur. Jeħodha għal għonq is-sekli, għal għonq il-ġenerazzjonijiet. F’nofs popli ġodda u nazzjonijiet ġodda. Għal għonq lingwi u razez dejjem ġodda. Jeħodha huwa biss, u madankollu mhuwiex iktar waħdu. Oħrajn iġorruha miegħu: Pawlu, Ġwanni, Ġakbu, Indri, Irinew, Benedittu ta’ Norcia, Martin ta’ Tours, Bernard ta’ Chiaravalle, il-Fqajjar ta’ Assisi, Ġovanna D’Arco, Franġisku ta’ Sales, Ġovanna Francesca di Chantal, Vinċens ta’ Pawli, Ġovanni Marija Vianney, Teresa ta’ Lisieux.

F’din l-art li llum ingħata lili li nżur, hawn, f’din il-belt, u kienu, hawn ħafna rġiel u nisa li għarfu u għadhom illum jagħrfu li ħajjithom kollha għandha valur u sinifikat biss u esklussivament fil-kejl li fih hija tweġiba għall-istess domanda: Tħobb int? Inti tħobbni? Huma taw, u jagħtu t-tweġiba tagħhom b’mod totali u perfett – tweġiba erojka – jew kultant b’mod komuni, ordinarja. Imma f’kull każ huma jafu li ħajjithom, il-ħajja umana inġenerali, għandha valur u sinifikat fil-kejl li fih hija t-tweġiba għal din id-domanda: tħobb int? Grazzi biss għal din id-domanda il-ħajja ħaqqha li tingħex.

Jiena niġi hawn fuq il-passi tagħhom. Niġi biex inżur il-patrija terrena tagħhom. Għall-interċessjoni tagħhom nirrakkomanda lil Franza u Pariġi, lill-Knisja u lid-dinja. It-tweġiba li huma taw għal din id-domanda: “Tħobb int?” għandha sinifikat universali, valur li ma jgħaddix. Hija tibni fl-istorja tal-umanità d-dinja tat-tajjeb. L-imħabba biss tibni tali dinja. Hija tibniha bi tbatija. U jkollha tissielet biex ittiha forma: ikollha tissielet kontra l-qawwiet tal-ħażen, tad-dnub, tal-mibegħda, kontra l-konkupixxenza tal-ġisem, kontra l-konkupixxenza tal-għajnejn u kontra s-suppervja tal-ħajja (cf. 1Ġw 2,16).

Din il-ġlieda ma taqraha qatt, Hija qadima daqs l-istorja tal-bniedem. Fi żmienna, din il-ġlieda biex tagħti forma lid-dinja tagħna donnha li hi iktar kbira minn qatt qabel. U iktar minn darba nistaqsu nirtogħdu lilna nfusna jekk il-mibegħda hix se tirbaħ fuq l-imħabba, il-gwerra fuq il-paċi, il-qerda fuq il-kostruzzjoni.

Kemm hija straordinarja l-elokwenza ta’ din id-domanda magħmula minn Kristu: “Tħobb int?”! Hija hi fundamentali għal kull wieħed u waħda minna u għal kulħadd. Hija fundamentali għall-individwu u għas-soċjetà, għan-nazzjon u għall-istat. Hija fundamentali għal Pariġi u għal Franza: “Tħobb int?”

4. Kristu huwa l-ġebla tax-xewka ta’ din il-kostruzzjoni. Huwa hu l-ġebla tax-xewka ta’ din il-forma li d-dinja, id-dinja umana tagħna, tistà tieħu grazzi għall-imħabba.

Dan kien jafu Pietru, hu li lilu Kristu staqsa għal tliet darbiet: “Inti tħobbni?” Pietru dan kien jafu, hu li fis-siegħa tal-prova kien ċaħad lill-Imgħallem tiegħu tliet darbiet. U leħnu kien jirtogħod waqt li wieġeb: “Mulej, inti taf li jiena nħobbok” (Ġw 21,15). Bdanakollu, huwa ma weġibx: “Madankollu, Mulej, jien iddiżappuntajtek”, imma: “Mulej, inti taf li jien inħobbok”. Waqt li qal dan, huwa kien diġa jaf li Kristu huwa l-ġebla tax-xewka li fuqha minkejja kull dgħufija umana, setà jkabbar fih, Pietru, din il-kostruzzjoni li se jkollha l-forma tal-imħabba. Permezz tas-sitwazzjonijiet kollha u l-provi kollha. Sal-aħħar. Għal dan huwa jum wieħed jikteb, fl-ittra tiegħu li aħna għadna kemm qrajna, it-test fuq Ġesù Kristu, il-ġebla tax-xewka li fuqha “intom ukoll se tiġu mpjegati bħala ġebel ħaj għall-kostruzzjoni ta’ bini spiritwali, għal saċerdozju qaddis, biex toffru sagrifiċċji spiritwali li jogħġbu lil Alla, permezz ta’ Ġesù Kristu” (1Pt 2,5).

Dan kollu ma jfisser xejn iktar għajr li nwieġbu dejjem u b’mod kostanti, b’persistenza u b’mod konsegwenti għal din l-unika domanda: “Tħobb inti? Inti tħobbni? Int tħobbni iktar?

Din it-tweġiba, jew aħjar din l-imħabba, hija dik li tagħmel minna “il-linjaġġ magħżul, is-saċerdozju rjali, in-nazzjon qaddis, il-poplu li Alla akkwista…” (1Pt 2,9). Huwa dan li jippermettilna li nipproklamaw l-opri meraviljużi ta’ dak li “sejħilna mid-dlamijiet għad-dawl tal-għaġeb tiegħu” (1Pt 2,9).

Dan kollu Pietru kien jafu fiċ-ċertezza assoluta tal-fidi tiegħu. U dan kollu huwa jafu, u jkompli jistqarru wkoll fis-suċċessuri tiegħu. Huwa jaf, iva, u jistqarr li din il-ġebla tax-xewka, li tagħti lill-kostruzzjoni kollha tal-istorja umana l-forma tal-imħabba, tal-ġustizzja u tal-paċi, kienet, hija u se tkun, tassew, il-ġebla mwarrba mill-bnedmin… iva, mill-bnedmin, minn bosta minn dawk li huma l-bennejja tad-destin tad-dinja; u bdanakollu, minkejja dan, huwa tassew hu, Ġesù Kristu, dak li kien, li huwa u li se jkun il-ġebla tax-xewka tal-istorja umana. Huwa mingħandu, li minkejja l-konflitti kollha, l-oġġezzjonijiet u ċ-ċaħdiet, minkejja l-oskurità u s-sħab li qatt ma jonqos li jinġabar fuq ix-xefaq tal-istorja – u intom tafu kemm dawn huma ta’ theddida llum fi żminijietna! – huwa mingħandu li l-kostruzzjoni indistruġġibli tinbena, huwa fuqu li hi titlà, u huwa li titlaq minnu li se tiżviluppa. L-imħabba biss għandha l-qawwa li tagħmel dan. L-imħabba biss ma taf ebda waqgħa.

L-imħabba biss tibqà dejjem (cf. 1Kor 13,8). Hija biss tibni l-forma tal-eternità fid-dimensjonijiet terrestri u transitorji tal-istorja tal-bniedem fuq l-art.

5. Aħna ninsabu hawn f’post sagru: Notre Dame. Din il-kostruzzjoni splendida, teżor tal-arti gotika, l-antenati tagħkom ikkonsagrawha għal Omm Alla. Huma kkonsagrawha lil Dik li, fost l-esseri umani kollha, tat it-tweġiba l-iktar perfetta għal dik id-domanda, Tħobb int? Inti tħobbni? Tħobbni iktar?

Hajjitha kollha kienet infatti tweġiba perfetta, mingħajr ebda żball, għal din id-domanda.

Kien mela konvenjenti li jiena nibda f’post ikkonsagrat lil Marija il-laqgħa tiegħi ma’ Pariġi u ma’ Franza, laqgħa li għalija kont mistieden b’mod hekk kordjali mill-awtoritajiet tal-Istat u tal-belt, mill-Knisja u mir-rgħajja tagħha. Iż-żjara tiegħi ta’ nhar it-Tnejn fis-sede tal UNESCO ġewwa Pariġi takkwista b’dan il-mod il-kwadru sħiħ tagħha u d-dimensjoni li tixraq lill-missjoni tiegħi ta’ xhieda u ta’ servizz apostoliku.

Din l-istedina għandha valur kbir għalija. Napprezzaha bil-kbir. Nixtieq ukoll, skont il-possibiltajiet tiegħi u skont il-grazzja tal-istat li ingħatali, inwieġeb għal din l-istedina u nagħmel mod li din tilħaq l-iskop tagħha.

Għalhekk nifraħ li din l-ewwel laqgħa tagħna qirgħda ssir fil-preżenza ta’ Omm Alla, quddiem dik li hija t-tama tagħna. Nixtieq nafda lilha s-servizz li jien mistenni li nwettaq f’nofskom. Lilha wkoll nitlob, hekk bħal ma titolbu intom ilkoll, għeżież ħuti, li dan is-servizz ikun utli u fruttuż għall-Knisja fi Franza, għall-bniedem u għad-dinja kontemporanja.

6. Huma numerużi l-postijiet ta’ pajjiżkom li lejhom  spiss ħafna, jekk mhux kuljum, il-ħsieb tiegħi u qalbi jivvjaġġaw f’pellegrinaġġ: is-Santwarju tal-Verġni Immakulata f’Lourdes, Lisieux u Ars, fejn din id-darba ma nistax inmur, u Annecy, fejn ilni żmien li ġejt mistieden mingħajr ma nistà issa nwettaq ix-xewqa tiegħi.

Hekk hu li tippreżenta ruħha quddiem għajnejja Franza, omm il-qaddisin fil-korsa ta’ tant ġenerazzjonijiet u ta’ tant sekli. Oh, kemm nixtieq li dawn jerġgħu lura lkoll fis-seklu tagħna, u fil-ġenerazzjoni tagħna, skont id-daqs tal-bżonnijiet tagħha u tar-responsabiltajiet tagħha!

F’din l-ewwel laqgħa, nawgura lil kulħadd u lil kull wieħed u waħda li nifhmu fl-elokwenza kollha tagħha d-domanda li Kristu ndirizza darba waħda lil Pietru: Tħobb int? Tħobbni int? Jalla din id-domanda tidwi u ssib diwi profond f’kull wieħed u waħda minna!

Fuqha jiddependi l-ġejjieni tal-bniedem u tad-dinja: aħna se nisimgħu din id-domanda? Kif sejrin inwieġbu għaliha?

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading