Ġwanni Pawlu II ma’ grupp ta’ pellegrini Irlandiżi

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA GĦAL GRUPP TA’ PELLEGRINI IRLANDIŻI

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II. Kappella Pawlina, 28 ta’ Mejju 1980

Għeżież ħuti tal-parroċċa ta’ Long Tower.

1. Jiena naf li għal żmien twil stennejtu fuq ix-xwiek iż-żjara tagħkom f’Ruma. Ftakartu kostantament id-destinazzjoni tagħkom, għamiltu proġetti ħafna bil-quddiem; ħejjejtu l-istess spiritwalità tagħkom għal dan il-pellegrinaġġ ta’ fidi. U issa t-tamiet u l-proġetti tagħkom saru realtà, u din ir-realtà ġġib ferħ lil qlubkom u wkoll lil tiegħi.

Barra minn hekk dan il-waqt preżenti huwa waqt ewlieni tal-ġurnata tagħkom, għaliex aħna qegħdin niċċelebraw flimkien is-sagrifiċċju ewkaristiku, li huwa – bħal ma jfakkarna l-Konċilju Vatikan II – “is-sors u l-quċċata tal-ħajja nisranija” (Lumen Gentium, 11).

2. Ġejtu bil-ferħ u n-niket tagħkom, waqt li fi qlubkom ġibtu l-intenzjonijiet tagħkom u ta’ dawk li intom tħobbu. Ġejtu biex tinvokaw l-interċessjoni tal-qaddisin appostli ta’ Ruma, Pietru u Pawlu, li mill-ħitan ta’ din il-kappella jiddirieġu l-ħarsiet tagħkom lejn il-Mulej. Fuq kollox, intom ġejtu tfittxu lil Ġesù Kristu fiċ-ċentru tal-Knisja tiegħu, u biex iġġeddu l-fidi tagħkom fih. Dan bħal donnkom smajtu u obdejtu l-kliem tal-awtur ispirat li jimbuttakom biex tmorru lejn Kristu: “Ħa nersqu mela b’qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja, biex naqilgħu ħniena u nsibu f’waqtha l-grazzja li neħtieġu” (Lh 4,16).

3. U llum l-istennija kollha tagħkom waslet fi twettieqha. Intom ersaqtu lejn Kristu u huwa għaqqadkom fl-adorazzjoni ewkaristika tiegħu tal-Missier, Huwa jagħtikom il-grazzja tiegħu u l-ħniena tiegħu, imħabbtu u l-paċi tiegħu.

4. Is-sens ta’ stennija li ġie qabel iż-żjara tagħkom tul dawn ix-xhur, saħansitra snin, minn mindu għall-ewwel darba għamiltu l-proġetti tagħko,m huwa s-simbolu ta’ stennija oħra – stennija li tagħmel parti mill-mod tal-għixien nisrani. It-talb fil-quddiesa jirreferi għal dan meta jiddikjara li: “Aħna nistennew b’tama ferrieħa il-miġja tas-salvatur tagħna Ġesù Kristu”.

Il-miġja tas-salvatur tagħna Ġesù Kristu fil-glorja hija l-ġrajja kbira li jmiss li tagħti dimensjoni ġdida sħiħa lill-ħajjiet tagħna. Aħna ċittadini ta’ belt terrena fejn it-tbatija u n-niket, fejn xogħol u sforz huma parti mill-materjal tal-eżistenza tagħna. Alla jrid il-kondizzjoni temporali tagħna daqskemm irid id-destin futur tagħna, imma huwa fid-dawl tal-futur li kull ħaġa fil-preżent timponi ruħha f’din il-prospettiva.  Fi kliem ieħor, il-milja tar-realtà se tkun rivelata biss meta Kristu jerġà jiġi biex jeħodna għandu – lilna lkoll li konna mifdija bid-demm prezzjuż tiegħu, “id-demm prezzjuż tal-ħaruf mingħajr difetti jew tebgħa” (1Pt 1,19).Il-miġja tiegħu għal kull wieħed u waħda minna f’waqt magħruf biss mill-Missier, u l-miġja finali tiegħu fil-glorja, tagħti dimensjoni ġdida lil mod tagħna ta’ kif nifhmu l-ħajja.

5. Jagħmel parti mir-responsabiltà temporali tagħna li naħdmu għall-progress tas-saltna ta’ Alla fuq l-art, li nippromwovu d-dinjità ta’ kull esseri uman, li nissieltu l-vjolenza, li nxerrdu l-ftehim u l-kompassjoni, u li nibnu l-bini tal-paċi fuq is-sisien sikuri tal-ġustizzja u tal-imħabba. Bħal Bin il-bniedem aħna ninsabu hawn “mhux biex inkunu moqdija imma biex naqdu”. Waqt li nagħmlu dan niskopru ferħ kbir u feliċità, u wkoll nifhmu li: “Dawk il-ħwejjeġ li għajn ma tara, linqas widna ma tismà, linqas li qatt ma daħlu f’qalb ita’ bniedem, dawn ħejja Alla għal dawk li jħobbuh” (1Kor 2,9).

6. L-element ta’ stennija huwa mela parti mill-vokazzjoni nisranija tagħna. Dan jikkorrispondi mal-pjan ta’ Alla. L-istennija tas-salvatur tagħna Ġesù Kristi, bogħod milli toffrilna skuża ta’ inattività jew ta’ nuqqas ta’ sensibiltà għall-bżonnijiet tad-dinja, tinkuraġġina biex “ngħixu b’moderazzjoni, ġustizzja u ħniena f’din id-dinja”  (Tt 2,12).

Għeżież: din hija x-xhieda li għandna nagħtu lid-dinja: li nuru permezz tal-azzjonijiet tagħna li tassew nemmnu li “Kristu se jerġà jiġi”. F’din l-istennija aħna niskopru l-valur immens tal-isforzi tagħna għal mod ta’ għixien nisrani. F’din l-istennija aħna niskopru ferħ profond għal ħajjietna.

U meta tergġħu lura lejn darkom, jiena nixtieq nitlobkom biex twasslu l-messaġġ tiegħi lill-membri kollha tal-parroċċa tagħkom, lill-poplu kollu tad-dijoċesi ta’ Derry. Għidu lil kulħadd li l-Papa jitlobkom li tgħixu f’tama ferrieħa, fil-konvinzjoni ferma tal-miġja tas-sebħ “tal-kbir u salvatur tagħna Ġesù Kristu” (Tt 2,13). Għidu lilhom kollha li l-Papa jiżżihom ħajr għall-fedeltà profonda tagħhom lejn Kristu u l-Vigarju tiegħu fuq din l-art. Lilkom hawn preżenti u lill-għeżież tagħkom id-dar b’qalbi kollha jiena nibgħatilhom il-barka apostolika tiegħi.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading