Il-Paċi

Print Friendly, PDF & Email

Priedka tal-Milied

Qegħdin fi żmien il-Milied, żmien ta’ ferħ u ta’ paċi. lżda matul dawn il-jiem ma nieqfux nisimgħu minn ġrajjiet ta’ gwerer, mibegħda, u vjolenza li jnisslu dieqa.

Ejjew nixħtu ħarsitna fuq ix-xena tat-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu. L-anġli mis-sema kantaw dan il-messaġġ: “Paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba”. Jekk noqogħdu nirriflettu ftit naraw li dan il-messaġġ żgħir iżda qawwi għandu rabta qawwija mal-ġrajja tat-twelid ta’ Ġesù.

Ġesù ġie fid-dinja biex iħabbibna ma’ Alla u ma’ ħutna l-bnedmin. lżda biex il-messaġġ ta’ Ġesù jħalli frott irridu nkunu persuni ta’ rieda tajba. Darba pittur famuż għamel kwadru ta’ Ġesù qiegħed iħabbat bieb biex jidhol fih. Xi ħadd irrimarka lill-artist li għamlu li ma fih ċavetta. U dan dlonk wieġbu. “Meta Ġesù jħabbat fuq qlubna, aħna rridu niftħulu minn ġewwa.”

Għalxejn Ġesù jistedinna biex inġibu l-paċi jekk f’qalbna jkollna sentimenti ta’ għira, korla u mibegħda. Għaxejn Ġesù jrid jagħtina l-paċi jekk ma rridux naħfru, jew forsi agħar tiġini f’moħħna li npattu meta jkun il-waqt. Għalxejn Ġesù jridna nkunu bnedmin ta’ paċi jekk nikkundannaw il-gwerer iżda mbagħad fl-ambjent jew fil-parroċċa tagħna nġibu l-inkwiet.

Alla jagħti l-paċi lil dawk biss li huma ta’ rieda tajba u li jridu jimxu fuq il-passi ta’ Sidna Ġesù Kristu. Dun Ġorġ Preca kien iħobb jisħaq li l-Iskrittura tgħid li ma hemmx paċi għall-ħżiena.

Għalhekk ta’ tfajjel li jien sejjer nispjegalkom kif inkunu bnedmin ta’ paċi billi nkunu persuni ta’ rieda tajba. Dan jsir billi nkunu paċi ma’ Alla magħna nfusna u mal-proxxmu tagħna.

Il-bniedem jikseb il-paċi meta jkun ħabib ma’ Alla u jkun fil-grazzja tiegħu. Mill-esperjenza tagħna nfusna naraw li meta nqasna li nagħmlu dak li jrid Alla minna, il-kuxjenza niggżitna. Fl-Iskrittura naraw lis-Sultan Sawl li għaliex mexa ‘l bogħod mit-toroq tal-Mulej kien dejjem imdejjaq, tant li kien qiegħed ifittex lil David biex joqtlu. Naraw ukoll lill-Erodi, li biex jeħles mit-tfajjel Ġesù, wasal biex qatel lis-subien kollha ta’ Betlem li kienu minn sentejn l-isfel. Mill-banda l-oħra naraw li meta David, qatel lill-Urija biex jiżżewweġ lill-martu, meta nduna bi dnubu għamel penitenza u reġa kiseb il-paċi tal-qalb. Naraw ukoll li meta San Pietru ċaħad lil Kristu, infaqa, jibki u kiseb il-paċi.

Biex il-bniedem isib il-vera paċi jrid ikun sewwa miegħu nnifsu. Dan ifisser li jaċetta lilu nnifsu kif inhuwa bil-kwalitajiet u bid-difetti tiegħu. Ma jippruvax jilħaq miri li ma huwiex kapaċi għalihom filwaqt li jipprova jsib bilanċ bejn xogħol, mistrieħ u talb. Ma jinkedx meta jara lil ħaddieħor aħjar minnu. Jaċċetta l-passat tiegħu bħala pjan ta’ Alla u jara kollox bħala providenza. Dun Ġorġ Preca kien iħobb jgħid: “Kollox ħiereġ mis-Santwarju ta’ Alla jew bi kmand jew permess”. Hekk meta jimxi b’dan il-mod il-bniedem jgħum f’baħar ta’ paċi.

Jekk il-bniedem ikun f’paċi miegħu ma’ Alla, u miegħu nnifsu żgur li ser ikun paċi mal-proxxmu tiegħu. Jaċettaħ biex inhuwa u mhux kif jixtiequ filwaqt jissaporti d-difetti tiegħu. Fih jara xbieha ta’ Alla. Jekk jagħmillu xi ħaġa ħażina, ma jdumx ma jaħfirlu.

Aħna il-lejla miġbura hawn f’laqgħa ferrieħija f’gieħ Ġesù Bambin. lżda xħin immorru d-dar u niftħtu t-televiżjoni, naraw xeni ta’ qsim il-qalb u forsi ngħidu: Fejn hija l-paċi li ġabilna Ġesù? Ir-risposta għalkemm ma hijiex faċli, hija li hawn il-glied u l-gwerer għax bniedmin bħali u bħalek għadhom ma sabux il-paċi magħhom infushom.

Xi uħud ifittxu l-paċi fil-flus. Biex jiksbuhom jagħmlu kull ma jistgħu, jitħabbtu, jinsew il-familji tagħhom u jaslu anki biex jisirqu bil-pulit. Jaħsbu li l-ferħ u l-kuntentizza jinsab fil-ġid ta’ din l-art. Għalkemm jistgħanew, ma jkunux kuntenti.

Oħrajn ifittxu l-poter. Flok jarawh bħala servizz lill-komunità jaraw kemm ser jidhru importanti u dejjem tgħaddi ta’ rashom. U ħafna jfittxu l-pjaċiri ħżiena li flok jagħtu l-paċi jġbu skuntentezza kbira.

Inkunu niżbaljaw jekk nwaħħlu fl-inkwiet li hawn fid-dinja lill-kapijiet tad-dinja u mbagħad ma narawx jekk fl-ambjent tagħna aħniex persuni ta’ paċi. Nistaqsu. Fl-ambjent li fih qiegħed ngħix, tal-familja, tal-parroċċa u l-postijiet tal-mistrieħ qiegħed inkun ta’ paċi? Jew qiegħed nagħmel fuq skala żgħira dak li persuni oħra qegħdin jagħmlu fuq skala ikbar.

Il-lejla huwa lejlet il-Milied. Ma rridux nkunu pessimisti. Ejjew inħarsu lejn Ġesu Bambin, impoġġi fil-maxtura, donnu qiegħed ikellemna. Inkellmuh u nitolbuh l-grazzja tal-vera paċi.

Niftakru li ma nistgħux niżirgħu l-paċi jekk aħna nkunu għadna ma sibnihiex. U f’din il-mixja lejn il-paċi tal-qalb, ħadd ma jista’ jgħinna daqs Ġesù li ġie fid-dinja biex iġibilna l-vera paċi. Dan nistgħu narawh ċar mill-Vanġelu, fejn Ġesù għallem il-liġi ta’ l-imħabba.

Infatti Ġesu priedka l-imħabba b’mod perfett. Ma hijiex mibnija fuq l-antipatiji u s-simpatiji. Lanqas hija mibnija fuq kemm wieħed ser jikseb mill-ieħor. lżda wieħed għandu jħobb lill-proxxmu għax huwa xbieha ta’ Alla, jgħinu fil-bżonnijiet tiegħu u jaħfirlu dejjem.

Ta’ tfajjel li jien nażżarda ngħidilkom li jekk aħna ninbidlu b’xi mod id-dinja wkoll ser tinbidel. Il-paċi iġġib aktar kwiet filwaqt il-vjolenza u l-mibegħda jwasslu għall-abissi kbar.

Nispiċċa b’din it-talba: “O Ġesù Bambin, agħmel li nsibu l-paċi tal-qalb filwaqt li nagħtuha lid-dinja”.

Minn Angelo Xuereb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading