L-Imħabba tal-Proxxmu


Priedka tal-Milied

Ilum huwa lejlet il-Milied. Huwa żmien ta’ ferħ meta niftakru fit-twelid ta’ Ġesù tarbija fil-għar ta’ Betlem madwar elfejn sena ilu.

Il-Milied iġib ferħ lil kulħadd. Barra li huwa żmien li niftakru fit-twelid ta’ Ġesù tarbija, ħafna jiltaqgħu flimkien f’ikliet u parties. Fihom infushom huma tajbin. Iressqu bosta persuni lejn xulxin u jgħaqqdu l-familja flimkien. Il-ħażin huwa meta f’dawn l-affarijiet ma nfittxux lil Ġesù iżda naraw kif ser niddevertu biss. U proprju f’dawn il-jiem meta jintefqu daqshekk flus fir-rigali, ikliet u divertimenti għandna niftakru fl-imħabba lejn il-proxxmu.

Ġesù ġie fid-dinja għax iħobbna. U din l-imħabba bla tarf tiegħu wrieha matul ħajtu kollha permezz tat-tagħlim u tal-mirakli. Ma’ kull min kien jiltaqa’ kien jagħmillu l-ġid.

Għalhekk tkun ħaġa vera mingħajr sens jekk niċċelebraw il-Milied mingħajr ma nirriflettu ftit fuq il-vera mħabba lejn il-proxxmu. Forsi wieħed jistaqsi : Xi tfisser l-imħabba tal-proxxmu?

San Ġorġ Preca fil-kitbiet tiegħu jagħtina dan it-tagħlim fuq l-imħabba tal-proxxmu. Il-proxxmu huwa kull bniedem li għandu bżonn l-għajnuna tagħna kemm tar-ruħ u kemm tal-ġisem. Alla jridna li nħobbu l-proxxmu bħalna nfusna; jiġifieri li nagħmlu dak li rridu li jagħmlulna u ma nagħmlux dak li ma rridux lilna. Alla ser jimxi magħna kif nittrattaw il-proxxmu  tagħna.

L-imħabba lejn il-proxxmu għandu jkollha dawn il-kwalitijiet. Tkun diżinterressata jiġifieri bla ebda tama ta’ xi interess. Kemm bnedmin jagħmlu t-tajjeb iżda bit-tama li f’din id-dinja ser jimxu ’l quddiem jew jakkwistaw xi ħaġa materjali! Iżda Alla jitlob minna mħabba lejn il-proxxmu bla ebda interess. Għalhekk jikkmandana li nħobbu lill-għedewwa tagħna kollha mingħajr eċċezzjoni ta’ ħadd.

Forsi tajtkom ħafna ħsibijiet f’daqqa. Iżda ta’ tfajjel li jien nipprova nispjegalkom dak li jgħid San Ġorġ Preca ftit ftit.

Il-proxxmu tagħna huwa kull bniedem. Fid-dinja nsibu ħafna bnedmin li jagħmlu karitajiet iżda ma’ min jidhrilhom huma. Jistgħu jaħsbu li l-proxxmu tagħhom huma dawk in-nies fl-artijiet tal-missjoni u mbagħad jinsew lil dawk li huma fil-bżonn, li huma qrib tagħhom. Oħrajn jistgħu jitqarrqu u jaħsbu li dawk li huma ta’ kulur differenti minn tagħna mhumiex proxxmu tagħna. Dawn huma kollha ideat żbaljati. Il-proxxmu tagħna għandu jkun kull bniedem li hawn fid-dinja anki jekk ikun għadu tagħna.

Il-proxxmu huwa dak li għandu bżonn ta’ għajnuna kemm materjali u kemm spiritwali. Għalhekk irridu ngħinu mhux biss lil dawk li huma neqsin minn ħwejjeġ materjali iżda wkoll permezz ta’ xi kelma ta’ inkuraġġiment u ta’ ġid. Ikun tajjeb jekk nifhmu li l-proxxmu tagħna ma jeħtieġx biss flus u għajnuna materjali iżda kif għidna xi kelma ta’ inkuraġġiment, xi parir, u support meta jkun għaddej minn xi inkwiet. Kemm persuni jiżbaljaw f’dan ir-rigward. Flok ikunu ta’ għajnuna lill-proxxmu pjuttost itellfuh milli jikseb il-paċi.

L-imħabba lejn il-proxxmu  trid tkun sinċiera jiġifieri bil-verita’. Ikun fieragħ li ngħidu li nħobbu lill-proxxmu u mbagħad meta nkunu nistgħu ngħinu, ma nagħmlux dan. Meta nkunu ttentati biex ma ngħinux niftakru fil-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb, li għen lil wieħed Lhudi li kien verament fil-bżonn. Niftakru li l-Lhud u s-Samaritani kienu għedewwa ta’ xulxin.

Imbagħad mal-proxxmu għandna nużaw ir-regola tad-deheb li ġa semmejna. Din tikkonsisti filli nippruvaw nagħmlu mal-proxxmu tagħna dak kollu li nixtiequ li ħaddiehor jagħmel magħna u ma nagħmlux dak li ma nixtiqux jagħmlulna. Kemm hija regola sabiħa! Kieku din ir-regola titħaddem sewwa kieku ma hawnx dan l-inkwiet kollu li hawn. Ħafna persuni jridu li l-oħrajn jimxu magħhom bil-ħniena iżda huma mal-oħrajn jimxu b’mod iebes u bla qalb.

Alla ser jimxi magħna kif aħna nittrattaw mal-proxxmu tagħna. Jekk aħna nimxu bil-ħniena mal-proxxmu tagħna, Alla wkoll ser juri ħniena magħna. Ħafna drabi nippretendu l-ħniena mingħand Alla u mbagħad mal-proxxmu tagħna nuru nuqqas ta’ ħniena.

Forsi jkun hawn min jistaqsi. Imma Alla qiegħed jitlob minna ħafna? Irridu niftakru li meta Alla jrid minna xi ħaġa ma jridx I-impossibbli. Il-lejla qegħdin  niċċelebraw lejlet il-Milied. Ġesù tarbija huwa espost hawn quddiemna. Għalhekk ejjew nitolbu biex jagħtina I-għajnuna kollha li għandna bżonn. Ġesù żgur li jisma’ t-talba tagħna. Kien proprju li għalhekk ġie fid-dinja, biex ikun qrib tagħna I-bnedmin.

Dan I-ispirtu ta’ imħabba tal-proxxmu għandu jibdlilna r-rotta ta’ ħajjitna. Meta nġibu ruħna sewwa mal-proxxmu mhu ser nitilfu xejn. San Franġisk ta’ Assisi jgħidilna: “Meta aħna nagħtu, aħna naqilgħu, meta naħfru niġu maħfura”.

Fil-Milied ta’ spiss nisimgħu l-istorja ta’ Scrooge. Dan il-karattru fittiżju kien bniedem li ħsiebu kien biex iġemma u jaħżen il-flus. Iżda meta darba fil-Milied induna li għandu jkun ġeneruż neħħa l-miżerja tiegħu u beda ħajtu mill-ġdid. U ħareġ mid-dwejjaq li kellu u sar ferħan.

Forsi aħna m’aħniex bħal Scrooge. Iżda lkoll għandna I-egoiżmu tagħna. Dan itellifna milli nimxu bl-imħabba lejn il-proxxmu. Ħadd u xejn ma jista’ jfarrak l-egoiżmu tagħna għajr Sidna Ġesù Kristu, li l-lejla qegħdin niċċelebraw it-twelid tiegħu.

Għalhekk f’dan il-Milied ejjew nippruvaw naħsbu fuq kemm nistgħu ngħinu lill-proxxmu tagħna b’diversi modi kemm b’mod materjali kif ukoll b’mod spiritwali. Hekk inkunu nimxu fuq il-passi ta’ Kristu li qalilna li dak li nagħmlu mal-proxxmu nkunu qegħdin nagħmluh miegħu stess.

Minn Angelo Xuereb