Milied ta’ Pasturi

Print Friendly, PDF & Email

Kitba ta’ Glen Mercieca

Fi żmien il-Milied naraw diversi presepji, ta’ kull xorta għamla u daqs. Xi wħud jixgħelu u oħrajn le. Issib presepji kbar u oħrajn żgħar. Imma xi ħaġa komuni f’kull presepju żgur li huma l-pasturi. Imma dawn il-personaġġi min kienu eżatt? X’sinifikat għandhom għalina llum? Matul din in-novena qed naqsam magħkom disa’ personaġġi bil-lenti li narhom jien.

Novena #1 – Ir-Ragħaj

Persuna sempliċi, normalment mimli rwejjaħ tal-annimali u aktarx liebes bċejjeċ tal-ixkora ħalli jżomm sħun mal-lejl. Mhux bniedem “ta’ skola” jew “ta’ klassi” (kif noqgħodu nikklassifikaw illum). Bniedem sempliċi li l-unika responsabbiltà li għandu hi ta’ kif il-bhejjem tiegħu se jkunu siguri. X’ġara? Titwieled l-iktar tarbija mportanti li qatt rat id-Dinja f’kull żmien, u l-ewwel persuna (barranija) li tintagħżel biex tara din it-tarbija, ikun propju dan ir-ragħaj!

Padre Pio kien jgħid: “Con Dio non ci sono combinazioni, c’è sempre qualcuno che combina le combinazioni” – u anke f’dan il-każ, ma kinitx kunbinazzjoni li r-ragħaj ikun l-ewwel wieħed li jżur l-għar. Alla hekk dehrlu, li l-ewwel ma jagħrraf b’din il-miġja jkun l-iktar bniedem sempliċi fis-soċjetà ta’ dak iż-żmien. Għax Alla hekk jaħdem – eżatt bil-maqlub ta’ kif kultant naħsbu aħna.

L-akkademja, il-flus, ix-xogħol, il-kariga… kollha mportanti f’ħajjitna; imma Alla ma jħarisx lejhom. Alla jħares lejn dak li hemm fuq ġewwa. Il-kliem ħelu li ngħidu, l-għajnuna li nagħtu u fuq kollox il-ħajja sempliċi, li bħar-ragħaj mistednin li ngħixu.

Għal għada… ✨

Novena #2 – L-Għaġeb

Kultant tagħmel għall-ġid u jiswielek deni! L-intenzjoni tkun tajba u sabiħa, imma mhux kulħadd japrezza dak li qed tagħmel. Hekk ġralu dan; ħa fama żbaljata. Mhux darba u tnejn tisma’ l-espressjoni “Qisek l-għaġeb tal-presepju” – speċi kelma oħra minflok “Qisek l-iċċassat”. Imma ġusta li applikajna din l-espressjoni (negattiva) ma’ dan il-personaġġ?

Luqa u Mattew (iż-żewġ Evanġelisti li jirrakuntaw il-ġrajjiet tat-twelid), isemmu diversi personaġġi li nafu fiċ-ċert li kienu hemm.. ngħidu aħna r-rgħajja, l-maġi, l-lukandier, eċċ. Imma hemm personaġġi oħra li daħlu bit-tradizzjoni, għax nafu jew nassumu li ‘setgħu’ kienu hemm. Dan wieħed minnhom.

Seta’ kien ragħaj jew xi ħaddiem tal-id. Seta’ kellu lukanda fil-qrib jew xi pellegrin li mar għaċ-ċensiment. Kien x’kien żgur li ma kienx “għaġeb” kif nifhmu aħna. Maż-żmien donnu tħawwadna fil-kliem. Għax hemm differenza bejn “għaġeb” u “tistagħġeb”! Dan il-personaġġ kien dak li qed jistagħġeb b’dak kollu li qed jara quddiemu. Forsi kien qed jistagħġeb sempliċiment għax ma basarx li mara kellha tiled f’dak l-ambjent, jew forsi kien qed jistagħġeb għax Alla tah dehen ieħor! Id-dehen li jagħraf li dik iċ-ċkejkna tarbija kienet propju Alla nnifsu! Minn jaf!

Kien x’kien, hemm dan l-istagħġib. Stagħġib li ħafna minna tlifna; anke f’dak li hu sempliċi.

> Għax jekk illum m’għadniex nistagħġbu b’żerriegħa li tikber fi pjanta sabiħa u tifjorixxi; kif se nistagħġbu b’żerriegħa tal-fidi li tikber f’persuna?

> U jekk illum m’għadniex nistagħġbu bil-miraklu ta’ twelid ġdid ta’ tarbija li ġiet mix-xejn; kif se nistagħġbu bil-miraklu ta’ ftit ħobż u nbid li jsiru ġisem u demm?

Għaqli l-kliem tal-Kardinal Mario Grech ftit tal-ġranet ilu, li b’referenza għal presepju qal: “Din l-immaġini lili tfixkilni!”.

U lilna… għadha tfixkilna u tagħġġibna bħall-għaġeb tal-presepju? Jew drajnieha wkoll?

Għal għada… ✨

Novena #3 – Ir-Rieqed

Il-Malti jgħid li: “Min jorqod ma jaqbadx ħut”.. u hekk ġralu dan miskin. Nifthiemu, l-irqad fih innifsu ma fih xejn ħażin; imma bħalma ngħidu, kollox f’ħinu u f’waqtu!

Kif nafu ġo Betlhem f’dawk il-ġranet kien hemm bosta nies. Mhux biss dawk li joqgħodu hemm, anzi, ħafna minnhom kienu ġew minn artijiet imbiegħda biex jinkitbu fiċ-ċensiment. Forsi dan kien għadu kif ħa xi mixja twila u n-nagħas agħmel bih? Jista’ jkun. Jew forsi ġralu bħal Ġużeppi, ma sabx post fil-lukanda u raqad x’imkien qrib l-għar fejn twieled Ġesù? Jista jkun. Kollox jista’ jkun. Ma nistgħux niġġudikawh għax raqad – imma l-fatt jibqa’ li ġralu eżatt kif jgħid il-Malti – raqad u ma qabadx ħut!

  • Raqad u ma ndunax bl-anġli jkantaw.
  • Raqad u ma ndunax bid-dija tal-kewkba.
  • Raqad u ma semax il-passi tar-ragħajja.
  • Raqad u ma semax il-biki ħelu ta’ tarbija Alla!

Forsi kieku kien jaf x’se jitlef, kien jagħmel ftit sforz u jiġġieled in-nagħas. Forsi kien imqar jagħti titwila żgħira qabel jerġa’ jintelaq f’benniena ta’ ħolm li aljenatu minn dik ir-realtà.

Minn jaf aħna kemm il-darba jiġrilna bħalu.

➖ Ħolm ta’ flus li jtellawna fuq pedestall u jaljenawna mill-fqir.

➖ Ħolm ta’ xogħol li jnessina l-ħin u jaljenana mill-għeżież tagħna.

  • Ħolm ta’ xalar bla rażan biex naljenaw ruħna mir-realtà.

Sabiħ il-ħolm, għax jieħdok fejn tixtieq – anke jekk mhux dejjem possibli. Il-problema tkun meta jiġrilek bħal dan ir-Rieqed tal-presepju… tinsa’ tqum, tibqa’ toħlom… u tinsa’ tgħix is-sabiħ tar-realtà!

Għal għada… ✨

Novena #4 – Ix-Xabbatur

Dan differenti minn tal-bieraħ… altru li ma raqadx! Anzi, għamel minn kollox biex isegwi din il-ġrajja mportanti.

Jien u naħseb fuq dan il-personaġġ, moħħi jmur dritt għal episodju ieħor fl-Evanġelju – dak ta’ Żakkew! Dak ukoll ixxabbat ma’ siġra biex isegwi l-Ġesù mill-qrib, u ngħiduha kif inhi.. mar tajjeb! Ġesù nnifsu ċċertifika dan meta qal: “Illum f’din id-dar daħlet is-salvazzjoni” (Lq19:9). l-istess għamel dan tletin sena qabel… ried jagħmel minn kollox biex jara lil Ġesù mill-qrib. Ried imur hu jfittex “Is-Salvazzjoni”. Ma naħsibx li kienet faċli tixxabbat mal-blat kiesaħ tal-lejl… u minn jaf kemm nies rawh u għaddewh biż-żmien. Imma ma jimpurtax.. għax bħal Żakkew dan ukoll “Kellu xewqa li jara min kien Ġesù” (Lq19:3).

Aħna rridu nammettu li qed ngħixu f’pajjiż (li għalkemm qed isir dejjem aktar sekulari), imma sikur għalina li nemmnu. Ħadd ma jiġi jheddek li joqtlok jekk tmur il-Quddies. Ħadd ma jgaralek ġebel għax trodd salib fil-pubbliku. Ħadd ma jobżoqlok għax minflok tidgħi, tgħid kliem ta’ tifħir lil Alla. Imma donnu xorta waħda nibżgħu!

  • Nibżgħu li nitilfu l-popolarità ma sħabna jekk nuru li qed nemmnu.
  • Nibżgħu li jkollna ħafna regoli ta’ x’għandna nagħmlu jew le.
  • Nibżgħu imqar inroddu Salib f’ristorant qabel l-ikel, ma jmurx jaħsbuna qed ngħixu “fi żmien in-nanniet”!

J’Alla bħax-Xabbatur, inkunu kapaċi nagħmlu s-sagrifiċċji u l-almu tagħna kollu biex nagħmlu dak li hu tajjeb

Irrelevanti x’jaħsbu ta’ madwari.

Irrelevanti x’jaħsbu l-maġġoranza.

Irrelevanti x’nagħmel, ngħix u naħdem.

Għax kif darba qal xi ħadd: “What is popular is not always right, and what is right is not always popular.”

Għal għada… ✨

Novena #5 – Il-Lukandier

Kultant tiġi opportunità, li tinduna kemm kienet tajba wara li titlifa.

Hekk ġralu l-personaġġ tal-lum: “Il-Lukandier”, ġietu opportunità tad-deheb u tilifa. U probabbli aħna bħalu konna nagħmlu. Immaġina.. jiġi raġel mifxul (ippanikjat), iżomm ħmara marbuta b’ħabel u mara tqila fuqha. Jitolbok biex jorqod hemm għal-lejl, imma il-lukanda tiegħek mimlija sa’ ruh ommha. Xi trid tagħmel.. mhux tibgħatu l’hemm u l-problema solvuta… għalik! Iss’erħilha li dik li kienet fuq il-ħmara kienet qed iġġor tarbija.. “Uuu ħabib, mhux kulħadd b’xi skuża biex jidħol.. ħu paċenzja, jien mimli”. Mur għidlu min kienu dawk it-tlieta. Mur għidlu li kienu l-aktar tlett persuni li baqgħu jissemmew fl-istorja tad-Dinja. Anke l-ħmara.. saret l-iktar ħmara mportanti fl-istorja tad-dinja! Forsi jikkompetilha biss dak il-felu li rikeb Ġesù tlieta w’tletin sena wara, biex daħal Ġerusalemm. Minn jaf illum kemm jiddispjeċih li ma daħħalhomx.. imqar biex jibqa’ jissemma’ daqs dik il-ħmara!

U jien qed nagħmel l-istess fiċ-ċirkostanzi li jinqalgħu? Meta ngħin lil xi ħadd jew ngħid kelma “ta’ ġid”, inkun qed ngħidha għax verament nixtieq il-ġid lil dak li jkun… jew biex nidher sabiħ jew nakkwista xi ħaġa?

Kultant anke ċertu frażijiet li issa drajna u jidhru sbieħ, mhux bilfors huma korretti moralment. Ngħidu aħna waqt xi ġabra fuq ix-xandir kontinwament tisma’: “Agħti donazzjoni għax għada tista’ tiġi bżonn int”! Tajba wkoll… mela nvestiment qed nagħmel mhux karità! Jidhirli li għandna nagħtu mingħajr ma nippretendu xejn lura. Għandna nagħtu għax dak hu dmirna li ngħinu lil ħaddieħor… mhux għax xi darba jista’ jkun li niġi bżonn jien.

Mentalità. …. Mentalità ta’ ‘nagħti’ u ‘ngħin’ skont x’se nieħu lura jew skont ‘min int’.

Fi tfuliti kelli sehem f’mima ħelwa, fejn skarpan anzjan ikollu ħolma li ġej Ġesù jżuru nhar il-Milied. Ibakkar kmieni u jlesti, ħalli x’ħin jiġi jsibu lest. Jagħddi ftit ħin u jara mara b’tifel magħha jtertru bil-bard.. daħħalhom ġewwa, offrielhom gverta, xarba sħuna u reġgħu telqu. U baqa’ jistenna… Ftit wara jara raġel fqir bil-ġuħ. Għajjatlu, temgħu, ħallih jistrieħ ftit u mbagħad telaq ukoll. Kompla jistenna… Iktar tard ħabbtulu l-bieb tnejn li kienu qed jiġbru għal tfal orfni.. daħħal idu fil-but u tahom li kellu. Xtaqilhom il-Milied it-tajjeb… huma telqu u hu baqa jistenna. Dalam, ħadu n-nagħas u reġa’ ħolom. Hekk kif fil-ħolma lemaħ lil Ġesù qallu: “Ma kellekx tiġi żżurni sinjur?”. Qallu Ġesù: “Ġejt ħabib. Ġejt tlett darbiet. L-ewwel darba tajtni gverta u xarba sħuna… it-tieni darba tajtni niekol u ħallejtni nistrieh… U filgħaxija ġejt niġbor għal tfal orfni, u tajtni kull ma kellek. Grazzi!”

Qawl Ċiniż jgħid: “Tlett affarijiet ma jiġux lura: Vleġġa li tgara, kelma li tgħid u okkażjoni tajba!”. Jiġu okkażjonijiet oħra tajba, imma li għaddiet tkun tlifta. Ħsiebek hemm!

Għal għada… ✨

M’hemmx bżonn ta’ ħafna dettalji fuq dan; kulħadd jaf min hu. Esseri.. ħolqien ta’ Alla ‘l fuq mill-intellett u n-natura tal-bniedem, li qed igawdi l-Alla fin-natura kollha tiegħu. Issib min hu xettiku fuq dan jew jaħseb li l-Anġlu hu biss karattru għat-tfal.. u dik hi tentazzjoni komuni tax-Xitan (li hu wkoll kien xi darba Anġlu jgawdi ‘l Alla), li jdaħħlilna d-dubju tal-eżistenza ta’ din il-kreatura… bħalma jagħmel f’kollox.. imma msomma, dak argument ieħor.. forsi għal darb’oħra.

L-Anġli fil-Bibbja nsibuhom diversi drabi – l-aktar bħala messaġġiera ta’ Alla. U propju dan hu li għandu jinteressana l-iktar.. mhux tant “x’hinu” l-Anġlu jew fejn jinsab.. imma x’jagħmel. Il-missjoni tiegħu. Xi jrid jgħidilna.

Dakinhar tal-ewwel Milied mhux Anġlu wieħed kien hemm.. aktar.. ħafna aktar. Luqa jiddeskrivi x-xena: “…għadd kbir ta’ qtajja tas-sema” (Lq2:13). U allura nistaqsi: ‘X’ġiegħel lil dawn biex iħallu s-sema u jinżlu fuq l-art dakinhar?’.

Żgur li kienet l-imħabba kbira li għandhom għal Alla. Kienet l-esperjenza tagħhom stess li ġew iwasslu b’ferħ kbir li dak Alla niżel fid-dinja.. u li kull min imqar jara ‘l wiċċu se jħoss ma’ ġismu degħxa bard u emozzjonijiet diversi. Min aktar mill-Anġli seta’ jgħid lir-ragħajja x’ferħ kbir kien se jġib Ġesù fid-dinja – huma li kienu jafu xi jfisser dak il-ferħ… huma li kienu jħarsu lejn il-wiċċ ta’ Alla kuljum sa’ minn meta nħalqu?

Xejn ma niskanta kif imlew is-sema kollha dija, jittajjru minn naħa għall-oħra waqt li jkantaw: “Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet” (Lq2:14). U xejn ma niskanta kif ir-ragħajja mill-ewwel emmnu dak li qalulhom u marru jħaffu lejn il-grotta. Għax il-ħeġġa tal-Anġli saret il-ħeġġa tar-ragħajja! Għax meta tkun qed twassal aħbar ta’ ferħ mhux hekk tagħmel int ukoll? Mhux ikollok seba’ mitt sena sa’ ma’ taqsamha ma’ xi ħadd ħalli jifraħ hu wkoll?

Dan kien ix-xogħol tal-Anġli dakinhar… u dan hu xogħolna llum – ftit iktar minn elfejn sena wara. Li nwasslu l-aħbar it-tajba. Mhux biss dik tal-Evanġelju…. imma anke:

> Xi kumpliment fejn mistħoqq.

> Xi kelma ta’ nkoraġġiment għal min għandu bżonnha.

> Xi kelma ta’ ġid lil xi ħadd (anke jekk se jarak f’lenti kerha).

Din hi l-aħbar it-tajba li rridu nwasslu llum. U dan mhux jien qed ngħidu, imma Ġesù nnifsu meta qalilna: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek” (Mt22:39).

Iebsa… imma mhux impossibli! Forsi ma tafx kif tisma’ min jgħidlek: “Int l-Anġlu tiegħi!”

Għal għada… ✨

Novena #7Il-Ħmara

Illum tieħu għalik jekk xi ħadd jgħidlek “Ħmar”, mhux bħal dak iż-żmien. Dak iż-żmien il-ħmara kienet għodda mportanti ħafna għar-raħħala. Anke sa’ ftit żmien ilu, f’Malta, il-ħmara kienet tintuża biex tinħarat xi għalqa jew biex minn karrettun miġbud minnha, jinbiegħ il-ħaxix. Imma donnu mal-mhedda taż-żmien il-ħmara ftit li xejn baqa’ l-użu tagħha, u għalhekk forsi ma tantx wieħed jieħu gost jekk issejjaħlu hekk. Anke għax għandha l-konnotazzjoni mal-injoranza! Povra ħmara… hi kellha x-xorti li ġġorr magħha dan it-timbru.

Intant, f’kull presepju ma jistax jonqos li nsibu din il-famuża ‘ħmara’… normalment rasha ma’ ras Ġesù tarbija.. biswit il-baqra – jew xi bhejjem oħra li seta’ kien hemm fl-għar. Imma din ma kinitx ħmara kwalunkwe, jew residenti f’dak l-għar. Din il-ħmara donnu li kellha sehem importanti ħafna fil-pjan tas-salvazzjoni!

> Kienet il-ħmara li fuqha rikbet Marija, tqila b’Ġesù.

> Kienet ħmara bastun għal Ġużeppi, li seta’ jistrieħ magħha fil-mixja twila minn Nażaret sa’ Betlem.

> Kienet il-ħmara li wennset lil Marija fid-dlam tal-lejl, sakemm Ġużeppi kien qed jiġri minn Lukanda għall-oħra jfittex post.

> Kienet il-ħmara li bin-nifs tagħha saħħnet lil Ġesù tarbija sabiex ittaffilu ftit mir-reżħa tal-lejl.

> U ftit żmien wara, kienet ukoll il-ħmara li fuqha ġarret lil Ġesù minn Betlem sal-Eġittu, meta kienu mġegħlin jaħarbu minħabba Erodi.

Annimal sempliċi. Xipli. Doċli. Kalm… imma li r-relevanza tiegħu kienet kbira għall-familja ta’ Ġesù – u allura parti mill-pjan ta’ Alla. Dan il-pjan ta’ Alla li sar bniedem kien jinvolvi ħafna ġrajjiet, postijiet, personaġġi u annimali. Fosthom din il-Ħmara.

Qatt tgħid: “Għax jien ma niswa għal xejn”… jew .. “Jien x’nista’ nagħmel”. Meta jiġuk dawn il-mistoqsijiet ħares lejn din ‘Il-Ħmara’ – u ħalliha tgħallmek.

Għal għada… ✨

Novena #8 – Ġużeppi

Ippruvajt li iktar ma joqrob il-Milied, iktar inkunu qed nidħlu l-ġewwa.. fl-atmosfera tal-grotta f’Betlem… sakemm wasalna hawn, ma’ Ġużeppi.

Dan Ġużeppi ftit jissemma’ fil-Kotba Mqaddsa, imma dak il-ftit kien biżżejjed biex nifhmu x’raġel kien. San Mattew jgħid: “..kien raġel ġust” (Mt1:19). Fi kliem ieħor raġel tajjeb (fit-termini ta’ dak iż-żmien), imma mhux biss tajjeb kif nifhmu llum.. “Ġust”.. raġel rett.. raġel ħanin u jipprova jimxi mal-liġi t’Alla u tal-bniedem. U meta tkun raġel ġust ma tistax tħalli l-ħaddieħor ibati. Kien għalhekk li ħaseb biex lil Marija “Jibgħatha bil-moħbi tan-nies” (Mt1:19), għax kien jaf li jekk Marija kien se jkollha wild fi żmien l-għerusija tagħhom kienet se tbati. Kien l-Anġlu tal-Mulej fil-ħolm li dawwarlu fehmtu. Ġużeppi fehem. Aċċetta dak li Alla kien talbu biex jagħmel.. imma bata.. fiżikament u mentalment!

– Bata b’ilsien in-nies għax ma fehmux.

– Bata meta ra l-Marija titħabat mat-tqala f’għar.

– Bata meta ħaseb li se joqtlu l-ibnu tarbija u kellu jaħrab lejn l-Eġittu.

Imma dak hu l-prezz li jħallas il-bniedem “Ġust”. Mhux biss dak iż-żmien, imma anke llum.

Mhux faċli tkun ġust f’dinja mimlija nġustizzji. Mhux faċli jkollok għażla quddiemek u taf li jekk se tagħżel it-tajjeb se tbati u taqla fuq wiċċek. Minn jaf kemm nies ħaduha kontra l-abort jew favur l-immigranti – u batew. Qalgħu fuq wiċċom, ħarqulhom il-karozzi, kissruhom u għajjruhom… sempliċiment għax xtaqu jkunu ġusti. Għax xtaqu li ma jħallux lil ħaddieħor ibati u jsemmgħu leħinhom. Imma dan għamluh bi prezz.

Jien lest li nħallsu dan il-prezz? Jew se nibqa’ nħalli l-folla tkaxkarni mar-riħ, l-aqwa li nidher sabiħ?

Għal għada… Fl-aħħar jum se niltaqgħu ma’ tnejn! ✨

Novena #9 – Marija u Ġesù

Matul dawn id-disat ijiem ta’ qabel il-Milied iltqajna ma’ diversi pasturi li jiffurmaw il-presepju. Ir-Ragħaj, l-għaġeb, ir-Rieqed, ix-Xabbatur, il-Lukandier, l-Anġlu, il-Ħmara u Ġużeppi. Imma dawn ma kienx ikollhom post fil-grotta li kieku ma kienx għal dawn tallum. U taħsbux li din xi ħaġa ovvja. Għal ħafna m’hijiex.

> Għal ħafna ċ-ċentru tal-Milied m’għadhomx Ġesù u Marija.

> Għal ħafna l-Milied ifisser xogħol u flus.

> Għal ħafna l-Milied sar biss festa oħra ta’ rigali, xiri u xalar.

Jekk din is-sena mill-pandemija ma ħadna xejn tajjeb, forsi serviet biex nifhmu ftit aktar x’hinu l-Milied. Nidħlu ftit iktar fl-ispirtu veru tal-ġrajja ta’ Betlem. Għax għal ħafna, dan il-Milied kien Milied sieket iktar mis-soltu. Kien Milied kalm iktar mis-soltu. Kien Milied b’inqas nies madwarna. Kien Milied nieqes minn ħafna affarijiet…. … Kos.. Eżatt bħall-ewwel Milied!

Imma jekk għalina kien Milied differenti, għal oħrajn ma kienx. Madwarna għandna nies li KULL MILIED ikunu waħidhom. Li KULL MILIED ikunu muġugħa. Li KULL MILIED ikun nieqsa minn ħafna affarijiet. . . . Imma aħna ma nindunawx bihom, għax inkunu wisq għaljenati fuq ‘kif se nqattgħu il-Milied tagħna’.

Għeżież… kull personaġġ fil-grotta għandu x’jagħllimna.

Hemm bżonn li:

– Nibqgħu umli u noffru x-xejn tagħna, bħar-RAGĦAJ.

– Nibqgħu nitgħaġġbu quddiem il-kobor t’Alla, bħall-GĦAĠEB.

– Niftħu għajnejna għal weġgħat ta’ ħaddieħor, mhux bħar-RIEQED.

– Nixxenqu għal dak li hu sabiħ u tajjeb, bħax-XABBATUR.

– Inkunu disponibbli għal kulħadd, mhux bħall-LUKANDIER.

– Inkunu messaġġiera tal-aħbar it-tajba, bħall-ANĠLU.

– Inkunu doċli u bastun għall-oħrajn, bħall-ĦMARA.

– Inkunu għajnejna miftuħa għal dak li jixtieq minna Alla, bħal ĠUŻEPPI.

U dan kollu nistgħu nagħmluh biss, jekk inħallu lil Marija twasslilna lil Ġesù ġo qalbna! Mhux biss fil-Milied… imma matul il-ġrajjiet kollha ta’ ħajjitna.

(Milied 2020)

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading