Iż-żewġ ommijiet li jitkellmu bl-istess lingwaġġ


It-Tlieta, 22 ta’ Diċembru 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Kappella tal-Madonna ta’ Manresa fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

F’dawn il-ġranet qegħdin naqraw silta wara l-oħra mir-rakkont li jagħti San Luqa fuq it-twelid tal-Messija imma wkoll it-twelid ta’ Ġwanni l-Battista, il-prekursur. Kellna t-tħabbira lil Żakkarija u mbagħad it-tħabbira lil Marija. Illum għandna din l-għanja ta’ gratitudni u ta’ ferħ li Marija tkanta fid-dar ta’ Eliżabetta f’Għajn Karim.

Illum għandna wkoll ’l omm Samwel. Fl-ewwel qari smajnieha tirringrazzja ’l Alla, toffri t-tarbija li ngħatatilha wara li talbet ħafna lill-Mulej għaliex l-Mulej sema’ l-għajta tagħha u t-tifel għalhekk semmietu Samwel: Alla jisma’. Nistgħu ngħidu li dawn iż-żewġ innijiet — l-għanja ta’ omm Samwel li qrajna fis-Salm Responsorjali llum, hija l-kontinwazzjoni tal-Ewwel Qari li mbagħad il-Knisja tadatta bħala Salm Responsorjali u l-għanja tal-mama ta’ Ġesù — jixxiebhu ħafna. Jekk wieħed jaqra b’attenzjoni, iż-żewġ ommijiet jitkellmu bl-istess lingwaġġ.

It-tnejn iħarsu lejn il-Mulej. Omm Samwel tgħid: “Ferħet qalbi bil-Mulej” (1 Sam 2:1) u l-Madonna x’tgħid? “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej” (Lq 1:46). U nistgħu nkomplu nqabblu dawn iż-żewġ għanjiet. Imma x’inhu l-ħsieb forsi prinċipali f’dawn iż-żewġ għanjiet?

Omm Samwel ma setax ikollha tfal, talbet lill-Mulej u fl-għaqda tal-imħabba mar-raġel tagħha, welldet lil dan it-tifel li mbaghad semmietu Samwel u tagħtu lill-Mulej. Samwel imbagħad meta jikber isir profeta kbir u hu dak li jidlek lil David sultan.

Mentri hawnhekk, omm Ġesu, li tnissel mingħajr il-koperazzjoni ta’ raġel, tnissel bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. In-nisel ta’ Marija huwa wkoll nisel li huwa frott kemm sema’ l-għajta tal-poplu tiegħu l-Mulej. Nistgħu ngħidu li anke fil-Mulej Ġesù , fit-tarbija li waqt li qed tkanta dan l-innu, il-Madonna ġġorr fil-ġuf tagħha, din it-tarbija hija wkoll frott ta’ kemm il-Mulej jisma’ t-talb tagħna. Hija tirrealizza, bħalma rrealizzat omm Samwel, li l-wild li qed iġġorr fil-ġuf u li se twelled huwa frott l-inizjattiva ta’ Alla.

Huwa dan li aħna għandna bżonn niċċelebraw f’dan il-Milied aħna u nħossu l-bżonn ta’ Alla. Dan il-Milied ikkumplikat iżjed minn tas-soltu, ejjew induru lejn Alla u ngħidulu: Sinjur Alla, aħna għandna bżonnok, aħna għandna bżonn l-intervent tiegħek.

Ningħaqdu ma’ dawn iż-żewġ ommijiet, omm Samwel u omm Ġesù , biex infaħħru lil Alla u nfakkru lilna nfusna ħaġa sabiħa li tgħid il-Madonna: “Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu” (Lq 1:50). X’jiġifieri tibża’ minnu? Li tixxennaq għalih bħala Alla li ġej biex isalvak għax hu juri “l-qawwa ta’ driegħu meta jħenn għalina” (Lq 1:51).

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 1 Sam 1, 24-28
Salm: 1 Sam 2, 1.4-5.6-7.8abċd
Evanġelju: Lq 1, 46-55

Sors: www.knisja.mt

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.