Hawn jien! Omelija tal-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 25 ta’ Marzu 2021: Omelija tal-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Quddiesa tas-Solernnità tat-Tħabbira tal-Mulej. Parroċċa Balzan.

Hawn jien!                                                                       

Hi provvidenzjali li l-Festa, Solennità, li qed niċċelebraw illum ta’ Marija Annunzjata hija lejlet iċ-ċelebrazzjoni tal-Madonna tad-Duluri.

Għall-ewwel, meta tara ż-żewġ ġrajjiet li jirrappreżentaw, tgħid: hemm baħar jaqsam! Hemm differenza kbira bejn ġrajja u oħra.

Żewġ ġrajjiet f’kuntrast

Fil-fatt, fil-festa ta’ Marija Annunzjata aħna niċċelebraw il-bidu tal-ħajja, il-bidu tal-ħajja ta’ Ġesù proprju fil-mument tat-tnissil. Għalhekk hi ċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja. L-anġlu semmielha li kien se jitwieled Ġesù, imma hu proprju llum li aħna niċċelebraw il-bidu tal-ħajja għax, kif nafu, il-ħajja tibda mat-tnissil. Għalhekk hi ċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja. Għada mmorru fit-tarf, hu proprju l-mument tal-mewt: Marija qiegħda taħt is-salib meta Ġesù qed imut, proprju fl-aħħar mumenti meta se jmut.

Fil-festa tal-lum, aħna niċċelebraw it-tislima sabiħa li għamlilha l-anġlu Gabriel “Sliem, għalik” – ifraħ, għax din hi aħbar ta’ ferħ. Għada aħna niċċelebraw lil Marija fil-mument tad-dulur, tad-dispjaċir, tad-dwejjaq.

Illum aħna qegħdin niċċelebraw din il-ġrajja li tnissel ħafna paċi: paċi fid-dar ta’ Nażaret, u paċi fil-ġuf ta’ Marija fejn tnissel Ġesù. U għada, meta naraw lil Marija taħt is-salib, Marija Addolorata, dan kien il-mument ta’ ħafna insulti, il-mument ta’ ħafna nies li joħolqu dak kollu li hu kontra l-paċi.

Għalhekk, meta naraw din il-ġrajja mal-ġrajja ta’ għada, naraw kuntrast kbir, differenza kbira. Imma, fil-fatt, hemm ħaġa importanti li tgħaqqadhom flimkien. Din insibuha fil-kelmiet li hawn illum fl-Evanġelju, fis-Salm, u fl-Ittra lil-Lhud: il-kelmiet “hawn jien”.

Żewġ ġrajjiet magħquda flimkien

Illum aħna niċċelebraw il-mument meta Marija qalet “Hawn jiena l-qaddejja tal-Mulej…” U għada niċċelebraw il-mument meta Marija kienet qed tgħid “Hawn jien” taħt is-salib. Illum niċċelebraw il-mument meta Ġesù jitnissel fi ħdanha – “hawn jien”. U għada meta Ġesù jtemm dak li talab minnu l-Missier biex isalvana – “hawn jien”. Fil-fatt, hu dak li għedna fis-Salm u bi kliem jixtiebah fit-Tieni Qari, “Hawn jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek”; imbagħad Marija qalet: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek.”

L-“iva” ta’ Marija

Fil-kelmiet “hawn jien” hemm l-“iva” ta’ Marija. Il-Papa Franġisku għandu riflessjoni sabiħa fuq l-“iva” ta’ Marija, fl-Eżortazzjoni Appostolika liż-żgħażagħ Christus vivit (Kristu jgħix). Hu jgħid, proprju fuq il-ġrajja li qed niċċelebraw illum, li l-“iva” ta’ Marija “dejjem timpressjona”. Jgħid x’ma kinetx u x’inhi l-“iva” ta’ Marija.

Ma kinetx “iva” ta’ rassenjazzjoni passiva jew. Speċi, ħeqq x’tista’ tagħmel! Ma kinetx hekk.

Ma kinetx “iva” li tgħid: Iva, mbagħad naraw x’jiġri. Il-Papa Franġisku jgħid li f’Marija qatt ma hemm “imbagħad naraw x’jiġri”.

Ma kinetx “iva” għax Marija fehmet għal kollox dak li kienet dieħla għalih.

Ma kinetx “iva” għaliex Marija serrħet fuq il-kapaċità tagħha.

Imma kienet “iva”, jgħid il-Papa, determinata.

Kienet “iva” li hi tgħidha, avolja ma tistax tifhem dak kollu li dieħla għalih.

Kienet “iva” mhux mibnija fuq il-kapaċità tagħha, imma fuq il-grazzja ta’ Alla – dak li jgħidilha Gabriel “bil-grazzja mimlija”. Jiġifieri: dan don ta’ Alla li qed jagħtik; l-“iva” tiegħek hi li tiftaħ qalbek għalih. L-isem Gabriel, fil-fatt, ifisser “il-qawwa ta’ Alla” – jiġifieri din hi l-grazzja li qed jagħtik Alla bil-qawwa tiegħu; int tista’ twieġeb għaliha. Għalhekk l-“iva” ta’ Marija hija risposta bil-grazzja ta’ Alla.

Hija “iva” li sserraħ fuq il-kelma ta’ Alla, kollha fiduċja li l-kelma ta’ Alla hija vera. Anke meta ma tistax tara ċar, il-kelma ta’ Alla hi vera u għalhekk timxi magħha. Dak hu s-sens tal-kliem li qalet Marija:  “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek”.

“Hawn jien” ħajjitha kollha sa taħt is-salib

Dak li qalet dak inhar – fil-ġrajja li qed niċċelebraw illum – Marija kompliet tgħixu l-mumenti kollha tal-ħajja tagħha. “Hawn jien” li qalet dak inhar f’Nażaret hi kompliet tgħidha b’din il-fiduċja f’Alla fil-mumenti kollha tal-ħajja tagħha. Speċjalment, imbagħad, fil-mument taħt is-salib, meta qed tara lil Ġesù msallab, hemmhekk hi l-ikbar prova għaliha tal-“iva” li qalet dak inhar lill-anġlu Gabriel.

Għalhekk hemm rabta kbira bejn il-ġrajja tal-lum u l-ġrajja li niċċelebraw għada ta’ Marija Addolorata. Immaġinaw lil Marija taħt is-salib, hi li dejjem serrħet fuq il-kelma ta’ Alla. U tiftakar dak li l-anġlu Gabriel kien qalilha – smajnieh fl-Evanġelju llum – “Hu jkun kbir u jkun jissejjaħ Bin l-għoli; il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru; u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu.” U hi qed tħares lejn Ġesù fuq is-salib u qed tara, minn barra, eżatt il-kontra ta’ dak li qalilha l-anġlu. “Bin l-għoli” – fejn hu jekk imsallab? “Jagħtih it-tron ta’ David Missieru “ – it-tron hu s-salib bħalissa. “U jsaltan għal dejjem” meta tarah qed imut? Hi tkompli temmen, għax dik l-“iva” li qalet dak inhar f’Nażaret, fil-ġrajja tat-Tħabbira tal-Mulej, hi kompliet tgħidha, anke fil-mument tal-akbar tbatija, taħt is-salib. Għalhekk għexitha dik l-“iva” – “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek”. U ż-żmien ta raġun lil Marija. Dak li rat minn barra, fil-fatt, ma kienx it-tmiem tal-istorja. Għalhekk meta Ġesù qam mill-mewt, issiġilla l-fiduċja sħiħa ta’ Marija li ħarġet għall-ewwel darba fil-ġrajja ta’ Nażaret u li kompliet tgħixha ħajjitha kollha.

Omm li tgħidilna “hawn jien”

Hemm ħaġa interessanti ħafna għalina fir-rabta ta’ Marija llum u Marija taħt is-salib. Hawnhekk issir Omm Alla, meta tnissel Ġesù fiha; u taħt is-salib issir Ommna bil-kliem ta’ Ġesù. Għalhekk aħna għandna din l-omm li takkumpanjana, li timxi magħna l-mixja ta’ ħajjitna, li tgħidilna “hawn jien”, lilna issa. Dak li qalet lill-Mulej, tgħidu lilna: hawn jien biex nieħu ħsiebkom, hawn jien biex inħariskom. Hawn jien biex ngħinkom fil-ħajja, biex aħna lkoll inwieġbu bħalha: “Hawn jien…Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek”.

Għalhekk illum, waqt li nagħmlu din iċ-ċelebrazzjoni sabiħa fil-parroċċa tagħna, nitolbu lil Marija biex takkumpanjana bħala Omm, biex tgħinna ħalli bħalha aħna bħalha nwieġbu: “Hawn jien… ħa jsir minni skont kelmtek”. Tgħinna fil-mument ta’ tbatija, u nafu kemm hawn nies għaddejjin minn tbatija, anke familji – fil-parroċċa tagħna wkoll, f’pajjiżna u f’tant pajjiżi oħra fid-dinja, speċjalment f’din l-aħħar sena minħabba l-pandemija. Nafu kemm neħtieġu din l-għajnuna ta’ Marija, speċjalment biex aħna qatt ma nintelqu, qatt ma naqtgħu qalbna. Hi l-Omm li tagħtina t-tama, l-Omm li tmexxina ’l quddiem, hi l-Omm li rat ħafna tbatija, u għalhekk tifhimna fit-tbatijiet tagħna.

Għalhekk nitolbuha biex tieħu ħsieb lilna, il-familji tagħna, il-parroċċa tagħna ddedikata lilha – il-parroċċa ta’ Ħal Balzan – tieħu ħsieb il-Knisja f’Malta. Tieħu ħsieb lilna lkoll, ħalli aħna tassew nistgħu bħalha ngħixu bil-fiduċja sħiħa f’Alla, fil-grazzja tiegħu, bil-paċi li jagħtina hu, u bħalha f’ħajjitna nwieġbu wkoll: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek”.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading