Nitlob, imma ma naqlax.

Print Friendly, PDF & Email

Ta’ spiss nisma’ lil xi ħadd jgħid din il-frażi.  Kurjuża din meta tqis li Ġesu qalilna: “Min jitlob, jaqla’” u “Ejjew intom ilkoll li tinsabu mtaqqlin u mħabbtin u jien inserraħkom.”

Hemm diversi modi ta’ talb.  L-isbaħ u l-akbar talba hija s-sagrifiċċju tal-Quddiesa, fejn Ġesu li hu wieħed, jiġi fina li aħna ħafna.  U aħna li aħna ħafna insiru ħaġa waħda fiH (Communion=union of the community).  Hemm modi oħra ta’ talb bħal meditazzjoni u kontemplazzjoni.  Imbagħad hemm it-talb ta’ interċessjoni fejn nitolbu xi grazzja partikulari għar-ruħ jew għall-ġisem.  Dan it-talb nagħmluh ukoll waqt il-quddiesa fit-talbiet tal-fidili.

Dan it-talb għandu jsir b’intenzjoni retta billi  nispiċċaw ngħidu, “mhux kif irrid jien imma kif trid Int.” Dan jiżgura li jekk dak li nitlob mhux se jkun ta’ ġid għalija, Alla se jtini ħwejjeġ oħra minn floku.  Fil-fatt Alla jtina xita ta’ grazzji, imma billi jagħtihomna kuljum, ħafna minna l-anqas biss nagħtu każhom, jew neħduhom ‘for granted.’

“Imma anki meta nitlob xi ħaġa spiritwali, għaliex ma naqlax talba bħal din?” Mela ejjew nieħdu eżempju: nobdi lil Ġesu u nitlob għall-vokazzjonijiet; u s-seminarju m’hemmx li jimtela daqs bajda. Għaliex?  Żgur li, anki jekk ħadd ma jitolbu, Alla xorta waħda kuljum isejjaħ żgħażagħ (u oħrajn) għas-saċerdozju, il-ħajja reliġjuża u għas-sagrament taż-żwieġ.  Mela għalfejn Ġesu qalilna nitolbu għal dan il-għan?  Għax suppost li, waqt li jien qed nitlob b’ċertu ġabra, galbu u bla għaġla, nagħmel sforz biex nifhem x’għandu f’moħħu Alla għalija f’dan ir-rigward.  Mela, jekk jien żagħżugħ li qed nippjana l-karriera tiegħi, żgur li Alla qed jitlob minni li almenu nagħti importanza ugwali għas-sejħa ta’ xi vokazzjoni daqs kwalunkwe karriera oħra.  Imbagħad, bit-talb u bil-pariri tal-gwidi li għandi, nagħżel dak li l-aktar se jgħinni ngħix il-fidi tiegħi.  Jekk jien ġenitur jew nannu, insaqsi lil nnifsi x’atmosfera Nisranija qed noħloq fid-dar biex l-ulied (u n-neputijiet) jieħdu dejjem eżempji tajba. Niftakru li ż-żerriegħa ta’ kull vokazzjoni tinbet fil-familja. Saħansitra l-Kommunita’ Nisranija u ċivili għandhom id-dmir li joħolqu klima biex, fejn tinbet vokazzjoni, tkun tista’ tixxettel u tikber b’saħħitha.

Nieħdu eżempju ieħor. “Nitlob biex jinqered il-ġuħ fid-dinja.” Min jaħseb li Alla huwa xi superman jew magician, ifaqqa’ subajgħ u jeqred il-ġuħ, għandu ideja żbaljata ta’ Alla ta’ Abraham, Iżakk u Ġakobb.  Alla jipprovdi ikel abbundanti għal kulħadd. Imma 1% tal-popolazzjoni tad-dinja qed jikkapparaw 99% tal-ġid tad-dinja.  Dan imħabba abbuż ta’ poter u regħba li jikkawżaw gwerer u faqar. Dan żgur mhuwiex il-pjan t’Alla.  Id-dinja tal-Punent qed tarmi b’750 miljardi ta’ Ewro f’ikel.  Dan jitma’ l-fqar tad-dinja kollha għal erba’ darbiet. Mela,  kull min jitlob għat-tmiem tal-faqar fid-dinja jiħtieġ isaqsi lilu nnifsu: (1) Il-ġid kollu li għandi huwa tiegħi  jew misluf biss lili minn Alla?  (2) X’qed jitlob Alla mill-ġid li jifdalli wara li nkun qdejt il-ħtiġijiet bażiċi tiegħi u ta’ familti?  (3) Kemm qed nixtri bl-addoċċ u mbagħad ikolli naħli u narmi? (4) Biżżejjed nagħti ftit ewro darba fis-sena fil-Ġurnata Missjunarja?  B’hekk se nnaqqas il-ġuħ fid-dinja? (5) Min jaf kieku nagħmel bħal ħafna Nsara Maltin ħuti, u kull xahar mill-paga (jew penzjoni) nagħti xi ħaġa sostanzjali għal dan il-għan?  Kieku l-Insara tad-dinja kollha jagħmlu hekk, kieku l-faqar jispiċċa f’qasir żmien.   Għal dan il-miraklu għandna nitolbu, miraklu li Alla jridu jseħħ permezz tal-ġenerożita’ tagħna.

L-istess meta nitlob għall-fejqan ta’ xi marda qerrieda.  Qabel xejn irridu niftakru li Alla qatt ma ħalaq mard: dan ġabu l-bniedem fuqu nnifsu bid-dnub tan-nisel. Fil-ħniena tiegħu Alla kull tant ifejjaq b’mod mirakoluż bl-interċessjoni tal-Madonna jew xi qaddis.  Imma, fil-ħajja normali ta’ kuljum,  jispira lil min jitlob x’għandu jagħmel biex ifieq jew fejn ifittex l-għajnuna.  Imbagħad irridu naslu f’punt fejn ma jkunx hemm fejqan.  Il-mewt hija wkoll effett tad-dnub tan-nisel.  Imma Alla wkoll hawnhekk indaħal billi bagħat lilI-Ibnu l-waħdieni biex bil-mewt u l-qawmien tiegħu rebaħ il-mewt, reġa’ ħabbeb lill-bniedem m’Alla u kiseb għalih il-ħajja ta’ dejjem.

Darba wieħed raġel għamel għomru jitlob biex jirbaħ il-lotterija nazzjonali. Meta miet u ġie quddiem il-Mulej qallu: “Qatt ma tajtni ċans nirbaħ darba.” Il-Mulej wieġbu: “Skużi, int qatt ma tajtni ċans ngħinek  għax qatt ma xtrajt biljett!”  Kif jgħid il-Malti: “Għin ruħek biex Alla jgħinek.”

(Ħsibijiet meħudin mill-omeliji tal-Biblista magħruf P. Fernando Armellini:  (lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini)

Miġbura minn Edward Tagliaferro

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading