Saltna ta’ verità

Print Friendly, PDF & Email

Messaġġ fil-Flimkien ta’ Novembru 2021 mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi.

Fil-festa ta’ Kristu Sultan, li niċċelebrawha fil-21 ta’ Novembru, dis-sena niftakru f’dik il-ġrajja waqt il-Passjoni meta Ġesù kien quddiem Pilatu, u qallu: “Għalhekk ġejt fid-dinja biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni” (Ġw 18:37). Dakinhar Pilatu staqsieh: “Il-verità x’inhi?” imma kif qallu hekk, ħareġ ’il barra biex ikellem lin-nies u ma stenniex ir-risposta.

Imma fl-Evanġelju għandna din ir-risposta, u kemm-il darba. Ġesù jurina li Alla hu l-verità. Ġesù hu Alla li sar bniedem fostna, hu dak li jista’ tassew jurina l-verità. Għalhekk lid-dixxipli tiegħu qalilhom: “Jiena hu t-triq, il-verità u l-ħajja” (Ġw 14:6). Huwa hu li jurina l-verità dwar Alla, dwarna nfusna; li jurina l-verità dwar minn fejn ġejjin, l-oriġini tagħna, u jurina fejn sejrin, id-destinazzjoni tagħna; li jurina l-verità dwar l-iskop ta’ ħajjitna. U fid-dawl tal-kelma tiegħu nistgħu nagħrfu wkoll dak li hu veru u niddistingwuh minn dak li hu falz u qarrieqi.

Ġesù jgħidilna: “Jekk iżżommu fil-kelma tiegħi… tagħrfu l-verità, u l-verità teħliskom” (Ġw 8:31). Hi l-kelma tiegħu li tgħinna nagħżlu dak li hu veru, u turina kif nistgħu ngħixu tassew ħielsa. Nitolbu lill-Mulej jagħtina l-għerf tiegħu biex f’ħajjitna nfittxu dejjem dak li hu sewwa, dak li hu veru, dak li jmexxina fit-triq tiegħu, u dak li jżommna tassew ħielsa.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading