B’liema setgħa?

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 13 ta’ Diċembru 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fit-Tifkira ta’ Santa Luċija, Verġni u Martri. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

“Int b’liema setgħa qiegħed tagħmel dan kollu?” Din kienet il-mistoqsija li għamlu l-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu lil Ġesù meta sabuh fit-tempju qiegħed jgħallem. Riedu jkunu jafu min tahielu din is-setgħa.

Fil-fatt din is-silta tiġi ftit wara l-ġrajja ta’ meta Ġesù daħal fit-tempju u keċċa ’l barra l-bejjiegħa u x-xerrejja, u qalilhom: “Hemm miktub: Dari dar it-talb tissejjaħ, u intom għamiltuha għar tal-ħallelin”.  Kienet ġrajja li ħolqot agħa u xxukkjat  lil dawn il-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu, u għalhekk marru jfittxuh hemmhekk fit-tempju, meta kien qed jgħallem, biex jistaqsuh b’liema setgħa qiegħed jagħmel dan.

Din, fil-fatt, hi mistoqsija fundamentali, mistoqsija importanti ħafna: b’liema setgħa Ġesù kien jgħallem u anke kien jagħmel diversi affarijiet. B’liema setgħa? Fuq din il-mistoqsija iħoll u jorbot kollox.  Imma dawn ma kinux sinċiera fil-mistoqsija tagħhom; mhux vera marru għand Ġesù biex ikunu jafu. U Ġesù għaraf dan, u qalilhom: “Ħa nagħmlilkom mistoqsija waħda jien ukoll. Jekk tweġbuni, jien ukoll ngħidilkom b’liema setgħa qed nagħmel dan kollu.”

U x’mistoqsija għamlilhom? Hi interessanti l-mistoqsija li għamel Ġesù, għax hu staqsiehom  dwar il-magħmudija ta’ Ġwanni – jekk din kinetx ġejja mis-sema jew mill-bnedmin. Il-mistoqsija li Ġesù għamel lilhom kienet tixbah ħafna l-mistoqsija li huma għamlu lilu. Għaliex huma kienu jafu xi tfisser il-magħmudija ta’ Ġwanni l-Battista. Imma anke jekk immorru lura għall-magħmudija ta’ Ġesù stess, is-silta li sibu f’San Mattew ta’ Ġwanni jgħammed lil Ġesù, hi interessanti kif hemm l-indikazzjonijiet kollha hemmhekk tas-setgħa mogħtija lil Ġesù. Hemmhekk fil-magħmudija ta’ Ġesù li għamel Ġwanni l-Battista, San Mattew jgħid li nfetħu s-smewwiet – dak li hemm fil-Profeta Isaija (Is 63:19) “Mhux li kont iċċarrat is-smewwiet u tinżel minn hemm!”, it-talba lil Alla. Deher ukoll l-Ispirtu s-Santu taħt forma ta’ ħamiema, u nstemgħet il-vuċi tal-Missier li tgħid: “Dan hu ibni l-maħbub li fih sibt il-għaxqa tiegħi”. Hemmhekk kien hemm l-inidkazzjonijiet kollha tas-setgħa mogħtija lil Ġesù.  

Hu għalhekk li Ġesù semma l-magħmudija ta’ Ġwanni u għamlilhom din il-mistoqsija, imma huma ma weġbux. Tagħhom kienet risposta biex ma jagħtux risposta. Flok qalulu “ma rridux inweġbuk”, qalulu “ma nafux”. Għaliex kien ġabhom daharhom mal-ħajt. Għalhekk Ġesù mbagħad jgħidilhom “mela anqas jien ma ngħidilkom”, għax fil-fatt fl-istess mistoqsija li għamlilhom diġa kien tahom ir-risposta: li s-setgħa tiegħu ġejja minn Alla.

Nitolbu lill-Mulej biex hu jiftħilna qalbna dejjem għalih, jagħtina qalb sinċiera; u jgħinna biex aħna nagħrfu s-setgħa tiegħu, li mhijiex setgħa li hu juża biex iġiegħel lilna nemmnu jew biex nagħmlu xi ħaġa, imma hi setgħa li hu juża għall-ġid tagħna stess, biex ħajjitna tkun aħjar.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading