Ġwanni Pawlu II fil-Parroċċa Rumana tar-Ragħaj it-Tajjeb

Print Friendly, PDF & Email

VIŻTA PASTORALEI LILL-PARROĊĊA RUMANA 
TA’ ĠESÙ R-RAGĦAJ IT-TAJJEB
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 12 ta’ Diċembru 1982 

1. Illum huwa t-tielet Ħadd tal-Avvent.

Smajna l-kelma tal-liturġija divina, Ejjew, issa, nimmeditaw fil-qosor dwar dak li hija tgħidilna.

L-“Avvent” ma jirrivelax biss il-miġja ta’ Alla fostna, imma jindika wkoll it-triq lo twassalna għand Alla.

Dwar din il-propja triq tkellimna l-liturġija tallum.

2. Din hija, qabel xejn, it-triq tal-imġieba konformi għall-kuxjenza.

Dan jgħallmu Ġwanni fl-inħawi tal-Ġordan. Huwa jwieġeb għad-domandi tas-suldati, tal-pubblikani u tal-folol sħaħ tal-bnedmin: “Xi rridu nagħmlu?” (Lq 3, 10).

Ġibu ruħkom sewwa. Wettqu konxjenzjożament id-dmirijiet tagħkom. Agħrfu agħtu minn tagħkom lill-oħrajn. Aqsmu dak li għandkom ma’ dawk fil-bżonn..

It-triq ta’ Alla hija qabel kollox triq tal-kuxjenza u tal-morali. Fuq din it-triq il-kmandamenti jmexxu l-bniedem.

Dawk li jikkonvertu, fl-inħawi tal-Ġordan, għal din it-triq, jirċievu l-magħmudija tal-penitenza.

3. Ġwanni jagħti din il-magħmudija u fl-istess waqt iħabbar il-miġja ta’ Kristu, li “se jgħammed bl-Ispirtu Santu u n-nar” (Lq 3, 16).

It-triq lejn Alla tikkonsisti mhux biss fl-osservanza tal-Kmandamenti, imma f’purifikazzjoni profonda tar-ruħ mill-attakkament mad-dnub, mal-konkupixxenza u mal-passjonijiet.

Ġwanni hawn jinqeda bi xbiha tassew espressiva. Bħalma t-tidriegħ (nom mill-verb ‘iderri) jifred il-qamħ mill-ħliefa, hekk il-grazzja ta’ Alla, waqt li topera fir-ruħ umana, tippurifikaha mill-inklinazzjonijiet ħżiena, u mill-vizzji, sabiex issir maħżen ta’ qamħ pur. Tali purifikazzjoni kultant tiswa lill-bniedem; din hija marbuta man-niket u mat-tbatija, imma hija ndispensabbli, meta tqis li r-ruħ trid iżżomm fiha dak li hu nobbli, onest u pur. Il-ħliefa għandha tinħaraq, sabiex jibqà biss il-qamħ it-tajjeb biex nagħmlu l-ħobż.

Hekk jgħallem Ġwanni fl-inħawi tal-Ġordan.

4. Minn naħa oħra l-Profeta Sofonija jinkuraġġixxi lill-bniedem li jibżà mill-qawwa purifikatriċi ta’ Alla u tal-grazzja tiegħu.

Jitkellem metaforikament billi jdur lejn Ġerusalem: “La tibżax, Sijon, / tħallix lill-dirgħajk jaqgħu! / Il-Mulej Alla tiegħek f’nofsok / huwa Salvatur qawwi” (Sof 3, 16-17).

Ix-xewqa tas-salvazzjoni, jew aħjar tal-ħajja fil-grazzja ta’ Alla, għandha tegħleb il-biżà li biha l-bniedem jiddefendi ruħu mill-qawwa purifikatriċi ta’ Alla.

Naqra naqra li jċedi l-ħażin radikat fir-ruħ, u li jattenwaw ruħhom l-attakkamenti pekkaminużi, Alla javviċina, u flimkien miegħu jiġu fir-ruħ il-ferħ u l-paċi.

5. Dwar dan il-ferħ jitkellem San Pawl fl-ittra lill-Filippin: “Ifirħu dejjem fil-Mulej: nerġà ngħidilkom, ifirħu . . . Il-Mulej qorob!” (Fil 4, 4-5).

Meta r-ruħ tinqatà mid-dnub, mill-passjonijiet u mill-vizzji, Alla joqrob, u hija tgħix l-avvent tiegħu, il-miġja tiegħu, il-preżenza tiegħu, il-qrib tiegħu.

Dan il-“qrib” juri ruħu “fit-talb”: il-bniedem “jesponi” lil Alla t-talbiet kollha tiegħu b’fiduċja u jibqà fir-“ringrazzjament”.

Il-purifikazzjoni tar-ruħ iġġib magħha wkoll “il-paċi ta’ Alla, li jegħleb dak kollu li l-moħħ jistà jifhem” (Fil 4, 7).

Hekk it-triq lejn Alla hija t-triq lejn il-ferħ u lejn il-paċi interni, li d-dnub u l-konkupixxenza ma jafux jagħtu lill-bniedem.

6. F’tali stat, il-qalb umana tkanta flimkien mal-poeta Iżaija: “Hekk hu, Alla huwa s-salvazzjoni tiegħi; / jien se nistqarr, ma jien se nibżà qatt, / għaliex il-qawwa u l-kant tiegħi huwa l-Mulej; / huwa kien is-salvazzjoni tiegħi” (Iż 12, 2).

Dan il-kliem jirrifletti l-istat tar-ruħ li tgħix fil-grazzja ta’ Alla.

7. Madankollu l-mixja lejn Alla ma teżawrixxix ruħha bil-ferħ intern biss. Il-bniedem jixtieq iqarrab lejh lill-oħrajn ukoll. Irid li huma wkoll jiksbu ilma “mill-għejjun tas-salvazzjoni” ( 12, 3). Isir mela messaġġier u appostlu tal-imħabba ta’ Alla: “Faħħru lill-Mulej, sejħu ismu; / uru fost il-popli l-għeġubijiet tiegħu; / xandru li ismu huwa sublimi” ( 12, 4).

8. Il-bniedem ubbidjenti għall-grazzja ta’ Alla, jiskopri d-dinja tal-opri ta’ Alla, li jinsabu moħbija għal għajnejn il-midneb: “Kantaw innijiet lill-Mulej, / għaliex għamel ħwejjeġ kbar, / dan għandu jkun magħruf fl-art kollha” ( 12, 5).

Il-bniedem immexxi mill-grazzja divina, jixtieq ukoll jaqsam mal-oħrajn il-viċinanza ta’ Alla li hu jisperimenta: “Għajtu bil-ferħ u ifirħu, nies ta’ Sijon, / għaliex kbir f’nofskom huwa il-Qaddis ta’ Iżrael  ” ( 12, 6).

9. Illum fl-okkażjoni ta’ din iż-żjara lill-parroċċa tagħkom, nixtiequ, għeżież ħuti, naqsmu ma’ xulxin il-viċinanza ta’ Alla fi żmien l-Avvent. Nixtieq naqsam magħkom bħala Isqof li qiegħed iżur din il-parroċċa. U nixtieq ukoll nipparteċipa ma’ dawk kollha li jiffurmaw il-parroċċa ta’ Ġesù ir-Ragħaj it-Tajjeb, ċellula ħajja tal-Knisja apostolika antika li hija Ruma.

10. Insellem bil-qalb lill-Kardinal Vigarju u lill-Isqof Awżiljarju, Monsinjur  Clemente Riva, insellem  lill-għeżież patrijiet Pawlini li lilhom hija afdata din il-Komunità parrokkjali, bi ħsieb partikolari għall-Kappillan Dun Lino Brazzo.

It-tislima kordjali tiegħi imbagħad tmur għal dawk kollha li minn iktar fil-qrib jieħdu sehem fil-missjoni evanġelika afdata lill-patrijiet Pawlini: ir-reliġjużi rġiel u nisa operanti fil-parroċċa, il-katekisti, l-assoċjazzjonijiet tal-Azzjoni Kattolika u dik tal-Iscouts, il-gruppi tal-Apostolat tat-talb, tal-Opra Irtiri ta’ perseveranza, tal-Pia Unione degli Amici del Sagramento, il-Grupp tat-talb “Padre Pio”, il-Grupp parrokkjali tal-Vanġelu, u l-Grupp tal-miżzewġin: ġabra għanja u varjata ta’ strutturi organizzattivi u ta’ impenn spiritwali, li b’fedeltà lejn ir-Rgħajja leġittmi, jikkontribwixxu biex joħolqu, fil-kuntest parrokkjali, bilanċ armonjuż u pluralistiku tad-dimensjoni “vertikali” ma’ dik “orizzontali” tal-ħajja nisranija.

It-tislima tiegħi tinfirex lill-Poplu kollu ta’ Alla li jinsab f’din il-pattoċċa, għal dawk li jgħixu mill-Kelma divina li hawn titqassam, lil-lajċi kollha, nibdew minn dawk li qegħdin ibatu fil-ġisem u fl-ispirtu, il-foqra u dawk fil-bżonn, it-trabi, it-tfal u ż-żgħażagħ, il-familji, l-anzjani. Dawn jikkostitwixxu l-“Ġisem Mistiku” ta’ din il-parroċċa li, bħall-Knisja universali, hija Għarusa ta’ Kristu.

U rrid ukoll infakkar b’imħabba l-persuni ta’ rieda tajba li, minkejja li jħossuhom jew jinsabu fix-xfar tal-istrutturi viżibli tar-realtà parrokkjali, bdanakollu qegħdin ifittxu l-verità u l-ġustizzja; qegħdin – forsi bla ma jafu – jfittxu lil Kristu u lill-Knisja. It-tislima tiegħi, tislima parikolari, tmur ukoll għalihom, fid-dawl tal-Milied li issa jinsab fil-qrib.

11. Il-Komunità parrokkjali tagħkom tinsab għas-servizz f’arja urbana estremament mifruxa: 30,000 abitant! Naf b’liema ġenerożità bosta minnkom jagħmlu l-aħjar li jistgħu fis-servizz tal-aħwa.

Naf li d-dinamiżmu apostoliku tagħkom iħoss b’ansjetà id-differenza kwantitattiva eżistenti bejn il-proporzjonijiet numeriċi u viżibbli tal-Komunità tagħkom, u r-realtà umana grandjuża li fiha tinsabu mgħaddsa, u kważi moħbija.

Mela, jien irrid ngħidilkom, f’isem Kristu: “La tibżax, merħla zgħira, Missierek għoġbu jagħtik is-saltna tiegħu” (Lq 12, 32). Ikollkom għarfien umli u qalbieni ta’ dak li rregalalkom il-Missier. Jalla dan l-għarfien ikun il-qawwa tagħkom, id-dawl tagħkom, it-tama tagħkom. Agħtu lid-dinja dak li l-Missier ta lilkom: is-Saltna ta’ Alla.

La tgħejjewx, minħabba dan, tfittxu kontinwament ukoll l-okkażjonijiet minimi biex tkabbru l-kuntatti u l-kollaborazzjonijiet lejali u prudenti ma’ dik r-realtà umana u soċjali kbira li fiha tinsabu mgħaddsa bħal qamħ, minn fejn tmexxu jew ġġibu ‘l quddiem dik l-opra ta’ promozzjoni mwaqqfa fuq il-verità, il-ġustizzja u r-rispett għad-dinjità tal-persuna, li tikkostitwixxi, għad-dinja, l-intruduzzjoni meħtieġa għall-għarfien ta’ Kristu fil-fidi u fil-Knisja.

12. Għeżież ħuti!

Ingħatalna li nimmeditaw dwar il-Kelma ta’ Alla tal-liturġija tallum. Ġeddidna l-għarfien tagħna tat-toroq li minnhom Alla jqarreb lejn kull wieħed u waħda minna, ta’ dawk li jwassluna għandu.

Ġesù Kristu huwa Ragħaj it-Tajjeb.

Ir-Ragħaj it-Tajjeb ifittex it-toroq li jwasslu għall-maqjel tan-nagħaġ tiegħu.

L-esperjenza tal-viċinanza ta’ Alla tagħna fi żmien l-Avvent, tħejji l-qlub ta’ kulħadd għall-ferħ tal-Milied!

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading