Ġwanni Pawlu II fis-Solennità tal-Kunċizzjoni

SOLLENNITÀ TAL-IMMAKULATA KONĊEZZJONI TAL-BEATA VERĠNI MARIJA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bażilika ta’ S. Maria Maggiore,
8 ta’ Diċembru 1982 

“Sliem għalik, o mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek” (Lq 1, 28).

1. Waqt li dan il-kliem ta’t-tislima tal-Anġlu jidwi bil-ħlewwa f’ruħna, nixtieq ndawwar ħarsti, flimkien magħkom, għeżież ħuti, fuq il-misteru tal-Immakulata Konċezzjoni tal-Beata Verġni Marija bl-għajn spiritwali ta’ San Massimiljanu Kolbe. Huwa rabat l-opri kollha tiegħu ta’ ħajtu u tal-vokazzjoni tiegħu mal-Immakulata. U għalhekk, din is-sena, li fiha huwa ġie mgħolli għall-glorja tal-qaddisin, huwa għandu ferm x’jgħidilna fis-sollennità tal-Immakulata, li tagħha kien jiddefenixxi ruħu bħala devot “militanti”.

L-imħabba lejn l-immakulata kienet infatti ċ-ċentru tal-ħajja spiritwali tiegħu, il-prinċipju fertili animatur tal-attività apostolika tiegħu. Il-mudell sublimi tal-Immakulata dawwal u ggwida l-eżistenza kollha tiegħu fit-toroq tad-dinja u għamel mill-mewt erojka tiegħu fil-kamp tal-isterminju ta’Auschwitz xhieda splendida nisranija u saċerdotali. Bl-intuwizzjoni tal-qaddis u l-finezza tat-tejologu, Massimiljanu Kolbe immedita b’perspikaċja straordinarja il-misteru tal-Konċezzjoni Immakulata ta’ Marija fid-dawl tal-Iskrittura Mqaddsa, tal-Maġisteru u tal-Liturġija tal-Knisja, billi kiseb lezzjonijiet meraviljużi tal-ħajja. Huwa deher fi żmienna profeta u appostlu ta’ “era marjana” ġdida, iddestinata biex iġgiegħel jibbrilla b’dawl brillanti lil Ġesù Kristu u l-Vanġelu tiegħu.

Din il-missjoni li huwa wettaq b’żelu u dedikazzjoni, “ikklassifikatu – kif saħaq Pawlu VI fl-omelija tal-beatifikazzjoni tiegħu – fost il-qaddisin il-kbar u l-ispirti viżjonarji li fehmu, qiemu u kantaw il-misteru ta’ Marija” (Insegnamenti di Paolo VI, IX [1971] 909). Għalkemm konxju tal-profondità bla tarf tal-misteru tal-Konċezzjoni Immakulata, li għaliha “il-kliem uman mhuwiex kapaċi jesprimi lil Dik li saret tassew Omm Alla” (Gli scritti di Massimiliano Kolbe, eroe di Oswiecjm e Beato della Chiesa, 3 volumi, Edizioni Città di Vita, Firenze 1975, vol. III, p. 690), l-ikbar dispjaċir tiegħu kien dak li l-immakulata ma kinitx magħrufa u maħbuba biżżejjed bħal Ġesù Kristu u bħalma tgħallimna t-Tradizzjoni tal-Knisja u l-eżempju tal-qaddisin. Waqt li nħobbu lil Marija, infatti, aħna nonoraw lil Alla li elevaha għad-dinjità ta’ Omm Ibnu magħmul Bniedem u aħna ningħaqdu ma’ Ġesù li ħabbha bħala Omm; aħna m’aħna qatt se nħobbuha bħalma ħabbha hu: “Ġesù kien l-ewwel wieħed li qiemha bħala Ommu u aħna jmissna nimitawh f’dan ukoll. Qatt mhu se jirnexxilna negwaljaw l-imħabba li biha Ġesù ħabbha” (Ivi., v. II, p. 351). L-imħabba lejn Marija, jisħaq Patri Massimiljanu, hija t-triq l-iktar sempliċi u l-iktar ħafifa biex nitqaddsu, billi nwettqu l-vokazzjoni nisranija tagħna. L-imħabba li dwarha jitkellem bla ebda dubju mhijiex sentimentaliżmu superfiċjali, imma hija mpenn ġeneruż, u donazzjoni tal-persuna kollha, bħalma huwa stess wera b’ħajtu ta’ fedeltà evanġelika sal-mewt erojka tiegħu.

2. L-attenzjoni ta’ San Massimiljanu Kolbe ikkonċentrat ruħha b’mod inċessanti fuq il-Konċezzjoni Immakulata ta’ Marija biex ikun jistà jiġbor il-għana meraviljuż miġbur fl-Isem li hija stess immanifestat u li jikkostitwixxi l-illustrazzjoni ta’ dak li jgħallimna l-Vanġelu tallum bil-kliem tal-Anġlu Ġabrijiel: “Insellimlek, o mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek” (Lq 1, 28).

Waqt li jirriferi ruħu għad-dehriet ta’ Lourdes – li għalih kienu stimolu u inċentiv biex ifhem aħjar is-sorsi tal-Rivelazzjoni – josserva: “Lil Santa Bernardetta, li diversi drabi kienet staqsietha, il-Verġni wieġbet: “Jiena l-Immakulata Konċezzjoni”. B’dan il-kliem hija wriet b’mod ċar li kienet mhux biss ikkonċeputa mingħajr dnub, imma li kienet anzi l-istess “Konċezzjoni Immakulata”, l-istess bħalma oġġett huwa abjad u ieħor il-bjuda; ieħor huwa haġa perfetta u ieħor huwa l-perfezzjoni” (Gli scritti di Massimiliano Kolbe, eroe di Oswiecjm e Beato della Chiesa, 3 volumi, Edizioni Città di Vita, Firenze 1975, vol. III, p. 516). Konċezzjoni Immakulata huwa l-Isem li jirrivela bi preċiżjoni min hi Marija: ma jiddikjarax biss kwalità, imma jiddefinixxi eżattament il-Persuna tagħha: Marija hija qaddisa b’mod radikali fit-totalità tal-eżistenza tagħha, sa mill-bidu.

3. Il-kobor soprannaturali sublimi kien mogħti lil Marija fir-rigward ta’ Ġesù Kristu; hu fih u permezz tiegħu li Alla qasam magħha l-milja tal-qdusija:  Marija hija Immakulata għaliex Omm Alla u saret Omm Alla għaliex Immakulata, jistqarr b’mod skulturali Massimiljanu Kolbe. Il-Konċezzjoni Immakulata ta’ Marija turi b’mod uniku u sublimi ċ-ċentralità assoluta u l-funzjoni universali feddejja ta’ Ġesù “Mill-maternità ta’ Marija ifawru l-grazzji kollha mogħtija lill-Verġni Marija Santissma u l-ewwel fosthom hija l-Immakulata Konċezzjoni” (Ivi., p. 475). Għal dan il-għan, Marija mhix sempliċement bħal Eva qabel id-dnub, imma kienet mogħnija b’milja ta grazzja nkomparabbli għaliex Omm Kristu, u l-Konċezzjoni Immakulata kienet il-bidu ta’ espansjoni straordinarja bla waqfien tal-ħajja soprannaturali tagħha.

4. Il-mistero tal-qdusija ta’ Marija għandu jkun ikkuntemplat fil-globalità tal-ordni divin tal-fidwa biex ikun milqugħ b’mod armonjuż u sabiex ma jkunx jidher bħala privileġġ li jissepara mill-Knisja li hija l-Ġisem ta’ Kristu. Il-Patri Massimiljanu jieħu ħsieb  ħafna fl-irbit mill- gdid tal-Konċizzjoni Immakulata ta’ Marija u l-funzjoni tagħha fil-pjan tal-fidwa għall-misteru tat-Trinità, u b’mod speċjali mal-persuna tal-Ispirtu Santu. Bi profondità ġenjali żviluppa l-aspetti multipli miġbura fil-kunċett ta’ “Għarusa tal-Ispirtu Santu”, magħruf sewwa fit-tradizzjoni patristika u tejoloġika u ssuġgerita mit-Testment il-Ġdid: “L-Ispirtu Santu jinżel fuqek, fuqek tifrex d-dell tagħha l-qawwa tal-Iktar Għoli, Dak li se jitwieled minnek se jkun Qaddis u msejjaħ Bin Alla” (Lq 1, 35). Din hija analogija, jenfasizza San Massimiljanu Kolbe, li jirrivelalna l-għaqda li ma tistax titfisser bil-kliem, intima u fertili bejn l-Ispirtu Santu u Marija. “L-Ispirtu Santu stabilixxa l-għamara tiegħu f’Marija sa mill-ewwel waqt tal-eżistenza tagħha, ħa pussess assolut u nifidha b’mod li l-isem ta’ Għarusa tal-Ispirtu Santu ma jesprimix għajr dell imbiegħed, pallidu, imperfett ta’ tali għaqda” (Gli scritti di Massimiliano Kolbe, eroe di Oswiecjm e Beato della Chiesa, 3 volumi, Edizioni Città di Vita, Firenze 1975, vol. III, p 515).

5. Waqt li fela b’ammirazzjoni estatika l-pjan tas-salvazzjoni, li għandu s-sors tiegħu fil-Missier li liberament ried jikkomunika lill-krejaturi l-ħajja divina ta’ Ġesù Kristu, u li juri ruħu f’Marija Immakulata b’mod meraviljuż, il-Patri Kolbe affaxxinat u maħtuf jesklama: “Kullimkien hemm l-imħabba” (Ivi., p. 690); l-imħabba gratwita ta’ Alla hija t-tweġiba għall-mistoqsijiet kollha; “Alla huwa mħabba” jistqarr San Ġwann (1 Ġw 4, 8). Dak kollu li jeżisti huwa rifless tal-imħabba libera ta’ Alla, u għalhekk kull krejatura tittraduċi, b’xi mod, il-glorja nfinita. B’mod partikolari l-imħabba hija ċ-ċentru u l-quċċata tal-persuna umana, magħmula xbiha u xebħ ta’ Alla. Marija Immakulata, l-ogħla u l-iktar perfetta tal-persuni umani, tirriproduċi b’mod distint ix-xbiha ta’ Alla u hija allura awtorizzata li tħobbu b’intensità inkomparabbli bħala Immakulata, mingħajr tidwir u dewmien. Hija hi l-unika qaddejja tal-Mulej (cf. Lq 1, 38) li bil-“fiat” liberu u personali tagħha twieġeb għall-imħabba ta’ Alla billi twettaq dejjem dak li jitlobha. Bħal dik ta’ kull krejatura oħra, dik tagħha mhijiex tweġiba awtonoma imma hija grazzja u don ta’ Alla; f’tali tweġiba hemm involuta l-libertà kollha tagħha, il-libertà ta’ Immakulata. “Fl-għaqda tal-Ispirtu Santu ma’ Marija l-imħabba ma tgħaqqadx dawn iż-żewġ Persuni biss, imma l-ewwel imħabba hija kollha kemm hi tat-Trinita Qaddisa, waqt li t-tieni, dik ta’ Marija, hija kollha kemm hi l-imħabba tal-ħolqien u hekk f’tali għaqda is-sema tingħaqad mal-art, l-Imħabba kollha mhux maħluqa mal-imħabba kollha maħluqa . . . Din hija l-quċċata tal-jmħabba”(Gli scritti di Massimiliano Kolbe, eroe di Oswiecjm e Beato della Chiesa, 3 volumi, Edizioni Città di Vita, Firenze 1975, vol. III, p 758).

Iċ-ċirkularità tal-imħabba, li għandha l-oriġni mill-Missier, u li fit-tweġiba ta’ Marija terġà lura għas-sors tagħha, hija aspett karatteristiku u fundamentali tal-ħsieb marjan ta’ Patri Kolbe, Huwa, dan, prinċipju li jinsab fil-bażi tal-antropoloġija nisranija tiegħu, tal-viżjoni tal-istorja u tal-ħajja spiritwali ta’ kull bniedem. Marija Immakulata hija arċitip u milja ta’ kull imħabba krejaturali; l-imħabba tagħha ċara u intensissma lejn Alla tiġbor fil-perfezzjoni tagħha dak dgħajjef u nkwinat tal-krejaturi l-oħra. It-tweġiba ta’ Marija hija dik tal-umanità kollha kemm hi.

Dan kollu la jdellel u linqas inaqqas ċ-ċentralità assoluta ta’ Ġesù Kristu fl-ordni tas-salvazzjoni, imma jdawwalha u jxandarha b’qawwa, għaliex Marija tiġbor kull kobor tagħha minnu.

Bħalma tgħallem l-istorja tal-Knisja, il-funzjoni ta’ Marija hija dik li ġġiegħel jiddi lil Binha, li twassal għandu u li tgħin biex ikun milqugħ.

l-approfondiment teoloġiku kontinwu tal-misteru ta’ Marija Immakulata sar għal Massimiljanu Kolbe sors u mottiv ta’ donazzjoni illimitata u ta’ dinamiżmu straordinarju, huwa għaraf tassew jinkorpora l-verità fil-ħajja, ukoll għaliex għaraf jikseb l-għarfien ta’ Marija, bħall-qaddisin kollha, mhux biss mir-riflessjoni ggwidata tal fidi, imma b’mod speċjali mit-talb: “Min mhux kapaċi jilwi rkubbtejh u jitlob lil Marija f’talb umli l-grazzja li jagħraf min hija rejalment ma jittamax li jifhem xi ħaġa iktar dwarha” (Ivi., p. 474).

6. U issa, waqt li nilqgħu din l-eżortazzjoni finali tal-iben erojku tal-Polonja u awtentiku messaġġier tal-kult marjan, aħna miġbura f’din il-Bażilka splendida għat-talba ewkaristika ad unur tal-Immakulata Konċezzjoni, se ngħawġu rkubbtejna quddiem ix-xbiha tiegħek u se ntennulek, b’ħeġġa u ħniena filjali li tant iddistingwew lil San Massimiljanu, il-kliem tal-Anġlu:
“Insellimlek, o mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek”. Amen.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading