Ġwanni Pawlu II fil-Parroċċa Rumana tas-SS. Redentur

Print Friendly, PDF & Email

VIŻTA PASTORALI LILL-PARROĊĊA RUMANA 
TAS-SANTISSMU REDENTUR
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 5 ta’ Diċembru 1982 

 1. “Ħejju t-triq tal-Mulej” (Lq 3, 4).

Illum, fit-tieni Ħadd tal-Avvent, il-Liturġija tmexxi l-ħsibijiet tagħna lejn dak ir-reġġjun, li fih kellha sseħħ l-miġja storika ta’ Alla.

Mela l-ewwel nafu eżattament il-waqt storiku. L-Evanġelista Luqa jelenka b’isimhom lil dawk kollha li dak iż-żmien kienu fil-poter fuq il-poplu ta’ dik l-art, jiġifieri tal-art imqaddsa.

Permezz tal-ewwel qari u s-Salm responsorjali jifirxilna quddiemna x-xbiha ġejografika tar-reggjun tal-Miġja Divina.

Naraw qabel kollox il-belt ta’ Ġerusalem, li dwarha l-Profeta Baruk jitkellem hekk:
“Qum, o Ġerusalem, u oqgħod bilwieqfa fuq l-għolja, / u ħares lejn il-Lvant; ara lil uliedek miġbura / mill-Punent u mil-Lvant, / għall-kelma tal-Qaddis, ferħanin minħabba t-tifkira ta’ Alla” (Bar 5, 5).

Mil-Lvant għall-Punent jinfirxu muntanji, għoljiet u widien. Il-pajjiż huwa mimli diżlivelli. U l-Profeta Baruk jitkellem dwar l-“illivellar” tagħhom. Jitkellem saħansitra dwar il-“boskijiet u kull siġra li tfuħ”, li “se jdellu lil Iżrael” (Bar 5, 8).

2. Propju fuq l-isfond ta’ dan il-pajesaġġ hemm illum fuq ix-xatt tal-Ġordan Ġwanni, bin Żakkarija.

“Il-kelma ta’ Alla niżlet fuq Ġwanni bin Żakkarija, fid-deżert” (Lq 3, 2).

U propju fl-istess pajesaġġ, li fuqu kienet ikkonċentrata darba waħda l-attenzjoni tal-Profeti Baruk u Iżaija, huwa donnu jispira ruħu meta jippriedka “magħmudija ta’ konverżjoni għall-maħfra tad-dnubiet” (Lq 3, 3).

Infatti huwa jgħid hekk:
“Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: / “Ħejju t-triq tal-Mulej, / iddrittaw l-mogħdijiet tiegħu! / Kull wied jintela, / kull muntanja u għolja titbaxxa; / il-mogħdijiet mgħawġa jiddrittaw; / u t-triqat imħarbta jitwittew, / u l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla!” (Lq 3, 4-6).

Hemm f’dan il-kliem ta’ Ġwanni ħdejn il-Ġordan diwi mbiegħed tax-xbihat tal-profeti. U waqt li f’Iżaija tispikka il-viżjoni messjanika tal-futur, fi Ġwanni din il-viżjoni ssir sejħa u aħbar tal-mument: “il-Messija jinsab qrib ħafna”!

3. B’dan il-mod il-Liturġija tal-Kelma ta’ dan il-Ħadd hija mimlija bil-kontenut storiku tal-Avvent.

Tul dan il-kontenut tiżvela ruħha sejħa liturġika oħra, mhux diġa marbuta mal-passat imbiegħed, imma mal-Avvent kontemporanju tagħna, dak li qegħdin ngħixu aħna fil-Knisja tal-Verb Inkarnat tas-Sena tal-Mulej 1982.

Dan l-Avvent huwa ppenetrat mhux biss mit-tħejjija ta’ dak li għandu jseħħ, imma wkoll mill-għarfien sħiħ ta’ dak li diġa seħħ. Dan l-Avvent liturġiku huwa l-istennija tal-Imwettaq, li bdanakollu għandu jiġġedded kontinwament fil-memorja u fil-qalb sabiex ma jintilifx fl-imgħoddi, imma kontinwament jikkostitwixxi it-temporalità tagħna u l-futur tagħna.

Ejjew mela nirripetu l-kliem tas-Salm:
“Ħwejjeġ kbar għamel il-Mulej għalina (Sal 125[126], 3).

Is-Salm huwa qrib il-viżjoni profetika ta’ Iżaija, meta jitkellem dwar bidla kbira li ġarrab Sijon. Din l-għolja mqaddsa ta’ Ġerusalem tappartieni wkoll, fil-Liturġija tallum lill-ġografija tal-Avvent:
“Meta l-Mulej ħa lura lill-priġunieri ta’ Sion, / konna qiesna qegħdin noħolmu . . .” (Sal 125[126], 1).

Mhux jewwilla hekk se jkun f’dak il-lejl ta’ Betlem tat-Twelid tal-Mulej, meta li l-Mulej se jibdel ix-xorti ta’ Sijon, hekk bħalma jgħid is-Salmista?

Flimkien mal-miġja tal-Messija, id-dwejjaq tal-erwieħ umani, għajjenin miż-żergħa tal-ħajja, ma jinbidlux jewwilla f’ferħ, bħalma jgħid il-kliem addizzjonali tas-Salm?

“Min jiżrà fid-dmugħ / jaħsad bil-ferħ, / Meta jmorru, imorru u jibku, / iġorru ż-żrieragħ li jridu jxerrdu, / imma meta jerġgħu lura, jiġu ferħana, / waqt li jġorru l-qattgħet tagħhom” (Sal 125 [126], 5-6).

4. L-Avvent huwa mela tħejjija għall-bidla kbira u ferrieħa. Din il-bidla se tibdel b’mod radikali s-sitwazzjoni tal-bniedem fid-dinja, u se twettaq “din l-opra tajba” li l-Mulej “beda fil-bniedem”.

Dwar “din l-opra tajba” jitkellem l-Appostlu Pawlu fl-ittra tiegħu lill-Filippin:
“Jiena żgur minn dan: li dak li beda din l-opra tajba fikom,  iwassalha għat-tmiem tagħha sa ma jasal il-jum ta’ Kristu Ġesù” (Fil 1, 6).

Din it-tama li dwarha jitkellem l-Appostlu. Hija marbuta b’mod strett mal-Avvent. Din mhi xejn għajr l-meditazzjoni annwali “tal-opra tajba” – l-opra tas-salvazzzjoni u tal-qdusija, l-opra tal-grazzja u tal-imħabba, li l-Mulej “beda” u kontinwament “jibda” f’kull bniedem u f’kull ġenerazzjoni sal-aħħar Miġja ta’ Ġesù Kristu, meta dik l-opra titwassal “għat-twettiq”.

Huwa meħtieġ li aħna nifhmu “l-Avvent” bħala “l-opra ta’ Alla”, li twettaq ruħha f’kull wieħed u waħda minna u f’kull wieħed u waħda minna trid tilħaq il-qies sħiħ tagħha.

Din l-“opra” titwettaq permezz tal-“koperazzjoni fit-tixrid tal-Vanġelu” (Fil 1, 5), bħalma jgħid San Pawl, jiġifieri permezz tal-apostolat.

Madankollu, l-apostolat għandu l-għerq intern tiegħu fl-għarfien tal-imħabba ta’ Kristu. U għalhekk San Pawl jitlob għall-Filippin:
“Li l-imħabba tagħkom tikber u toktor dejjem iżjed bl-għerf u b’kull dehen, biex tistgħu tagħrfu tagħżlu l-aħjar (Fil 1, 9-10).

Il-qies tal-Avvent f’kull wieħed u waħda minna u l-progress intern, il-progress spiritwali tal-bniedem: sabiex tkunu tistgħu “tkunu intatti u bla tebgħa għall-jum ta’ Kristu, imfawra b’dak il-frott tal-ġustizzja li wieħed jiksbu permezz ta’ Ġesù Kristu, għall-glorja u l-foħrija ta’ Alla” (Fil 1, 10-11).

Iva! Il-qies tal-Avvent huwa l-progress intern, il-progress spiritwali tal-bniedem. Huwa meħtieġ li wkoll b’dan il-metru aħna nkejlu l-Avvent ta’ din is-sena. Huwa meħtieġ li għal dan il-progress aħna niddedikaw qalbna kollha. Huwa meħtieġ li nfittxu l-purifikazzjoni fis-sagrament tal-Penitenza u l-qawwa fl-Ewkaristija.

5. Hawn huma l-ħsibijiet li l-Kelma Divina tal-Liturġija tallum issuġġeriet għal-laqgħa tal-Isqof ta’ Ruma mal-Parroċċa tar-Redentur Imqaddes.

Din il-laqgħa festiva ttini mod li nsellmilkom ilkoll, għeżież parruċċani, u li nesprimilkom imħabbti. B’mod partikolari, minbarra lill-Kardinal Vigarju u lill-Isqof taż-Żona Monsinjur Alessandro Plotti, nixtieq nestendi t-tislima tiegħi lill-meritevoli Kappillan, Patri Francesco Zanotto, mgħejjun b’mod validu minn diversi Viċi-Kappillani tal-istess familja reliġjuża, il-Kongregazzjoni tal-Missjunarji ta’ San Karlu jew l-Iskalabrinjani. Flimkien magħhom insellem ukoll lir-reliġjużi Orsolini nisa, kemm dawk ta’Somasca, li qegħdin jiċċelebraw il-ħamsin sena tal-preżenza attiva tagħhom fil-kwartier, kif ukoll dawk tas-Sagra Familja ta’ Sirakuża. It-tislima tiegħi tmur imbagħad lill-membri tal-Kunsill Parrokkjali, għad-diversi gruppi ta’ responsabiltà pastorali, għall-Movimenti kattoliċi preżenti fil-parroċċa, u għall-parteċipanti fl-inizjattivi komunitarji diversi u opportuni. B’mod speċjali, nifraħ mal-Katekisti u nistedinhom ikomplu b’dedikazzjoni dejjem ikbar l-impenn prezzjuż tagħhom tal-edukazzjoni fil-fidi. Liż-żgħażagħ, b’mod partikolari lil dawk tal-grupp “Proposta”, tmur kelmti ta’ nkuraġġiment biex jidħlu dejjem iktar b’mod responsabbli u ġeneruż fit-tessut komunitarju tal-parroċċa, li, jekk tgħinhom biex jimmaturaw fil-fidi u fis-servizz tal-aħwa, tistenna wkoll xhieda korrispondenti mingħandhom. Lill-morda, lill-anzjani, u lil dawk kollha li għandhom mottivi ta’ tbatija nassigurahom it-tifkira kostanti tiegħi lill-Mulej, sabiex dan jikkonċedilhom is-sabar tiegħu insostitwibbli. Lil kulħadd ngħid li se nġorrkom f’qalbi u li se nitlob għalikom, bħalma missier jagħmel għal uliedu għeżież.

6. U għall-Komunità tagħkom kollha f’daqqa fl-aħħarnett, mill-ġdid għal darb’oħra, bil-kliem tal-Liturġija tallum: 
“Ħejju t-triq tal-Mulej, / iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu! / . . . Kull bniedem se jara s-salvazzjoni ta’ Alla!” (Lc 3, 4.6).

U lil kulħadd mawgura l-festi ferrieħa tal-Milied!

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading