Ġwanni Pawlu II fil-parroċċa San Barnaba alla Marranella

Print Friendly, PDF & Email

VIŻTA LILL-PARROĊĊA RUMANA TA’ SAN BARNABA ALLA MARRANELLA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 30 ta’ Jannar 1983 

Għeżież ħuti!

1. Smajna l-Kelma ta’ Alla tal-Liturġija tallum. Fiċ-ċentru tagħha tinsab is-silta li spiss tiġi mlaqqma bħala l-innu tal-karità, meħuda minn l-ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin. Hawn miniex feħsiebni nagħmel kumment dwar dan l-innu. Il-kontenut tiegħu huwa qawwi żżejjed. Nixtieq biss niġbed l-attenzjoni għal xi ħsibijiet tal-Appostlu. U b’mod speċjali nixtieq nitlob lilkom stess biex spiss terġgħu lura għal dan il-kliem tiegħu. Hemm bżonn li naqraw spiss l-Iskrittura Mqaddsa. U fost is-siltiet li għalihom tajjeb li terġgħu lura b’mod partikolari, hemm propju l-kliem ta’ San Pawl dwar il-karità.

Dan il-kliem għandu importanza kbira, u waqt li nakkwistaw familjarità miegħu hemm bżonn li nħallu lilna nfusna niġu konvinti kemm b’mod żbaljat, kultant, naħsbu dwar il-karità, kemm ftit li xejn nafu dwar in-natura vera tagħha. Imma nistgħu wkoll nikkonvinċu ruħna li s-sensazzjonijiet tagħna, l-intenzjonijiet tagħna imorru, iktar minn darba, fid-direzzjoni t-tajba, u li aħna b’xi mod kapaċi li niddistingwu l-imħabba vera minn dik falza, jew pjuttost dak li huwa mħabba fis-sustanza tagħha rispett għal dak li jilbes biss l-apparenzi. L-Appostlu jipperswadina u jistedinna biex nagħrfu propju l-imħabba vera u biex ngħixu dak li huwa l-karità vera. “Intom ħabirku għal doni ogħla…” (1 Kor 12, 31).

2. San Pawl, qabel kollox, jixtieq jesponi, mhux tant xinhi u x’mhix il-karità vera, daqskemm hu mingħajr l-imħabba vera dak kollu li nistgħu mwettqu fil-ħajja. L-espressjonijiet huma elokwenti biżżejjed. Ejjew nieħdu biss dik tal-aħħar, meta l-Appostlu jikteb: “U kieku kelli nqassam ġidi kollu fil-karità u nagħti ġismi għall-ħruq bla ma jkolli mħabba, xejn ma jkun jiswieli ta’ ġid” (1 Kor 13, 3). Hekk, mela, mhux mill-opri esterni għandna niġġudikaw il-karità, imma skont il-karità niġgudikaw l-opri kollha tagħna. Bl-opra tal-karità biss dawn għandhom il-valur soprannaturali tagħhom. Mingħajr il-karità, kull attività tagħna tistà saħansitra tgħaġġeb u timmeravilja, imma ma jkollhiex valur soprannaturali.

L-Appostlu jippermettilna li nissopponu li, għall-kuntrarju, l-opri modesti u sempliċi jistgħu wkoll ikollhom valur soprannaturali, jekk dawn jiġu mill-karità.

3. L-Appostlu jiddedika biċċa sew mit-test tiegħu biex jenfasizza liema huma n-noti ksaratteristiċi fundamentali tal-karità: minn liema sinjali u minn liema attributi wieħed jistà jagħrafha, Imbagħad jikteb: “L-imħabba taf tistabar u tħenn: mhijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha” (1 Kor 13, 4). Hemm bżonn nieqfu fuq kull waħda minn dawn is-sentenzi qosra u nimmeditaw b’mod separat fuq it-tifsira tagħhom.

San Pawl jgħid x’inhi l-karità, u permezz ta’ kliemu jikkaratterizza l-bniedem li jippossiedi l-karità. Tali bniedem huwa paċenzjuż, twajjeb, mhux għajjur, ma jiftaħarx, ma jintefaħx bih innifsu. Il-karità tagħmel iva li huwa jġib ruħu propju hekk u jevita kull imġieba kuntrarja. Il-karità turi ruħha f’dawn il-modi ta’mġieba u fl-istess ħin kull wieħed minnhom huwa l-karità u jesprimi l-karità f’qasam determinat.

Wara dan mela naqraw: “(Il-karità) ma tagħmilx dak li mhux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla, ma żżommx f’qalbha għad-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità, Kollox tagħder, kollox temmen, kollox tissaporti” (1 Kor 13, 5-6).

F’dan kollu turi ruħha l-karità. L-Appostlu elenka l-kriterji numerużi tagħha, is-sintomi partikularment important u essenzjali. Imma bla ebda dubju ta’ xejn wieħed jistà jkompli jżid oħrajn.

4. F’dak kollu li l-Appostlu jikteb turi ruħha mela l-karità. Jiġi mwettaq kważi b’mod viżibbli liema hi u xinhi. Mela, hija hi xi ħaġa ikbar mill-manifestazzjonijiet tagħha. Hija bħal qalbhom moħbija, li fihom huma kollha joriġinaw. Il-karità hija l-ħajja nterna ta’ din il-qalb. Titgħallem il-karità jfisser iġġiegħel  lil qalbek titgħallem din il-ħajja nterna; iġġiegħel tifhem lill-qalb imma wkoll lill-intellett, lis-sensi, lill-ispirtu, lill-ġisem, iġġiegħel jifhem lill-bniedem kollu kemm hu. Biex wieħed ikun jistà jipprattika l-karità, jeħtieġ li jitgħallimha. Kultant jidhrilna li huwa mod ieħor. B’mod partikolari ż-żgħażagħ jitwasslu biex jifhmu li l-imħabba hija xi ħaġa tal-immedjat, xi ħaġa li nsibu fil-qalb b’mod speċjali bħala sentiment. Iva. Huwa veru li f’qalbna, b’mod speċjali f’qalb ta’ żagħżugħ, jinsab is-sentiment tal-imħabba u li dan jidher donnu minnu nfih. Dan kollu huwa veru. Tali hija l-psikoloġija tal-imħabba umana.

Imma ma naħsbux li dan is-sentiment waħdu huwa diġa dik l-imħabba, li dwarha jikteb San Pawl fl-ewwel Ittra tiegħu lill-Korintin. Bla dubju, il-karità li dwarha jitkellem hija mogħtija lill-bniedem bħala don singolari ta’ Alla. Imma fl-istess ħin hija rregalata lilu bħala dmir. Basta wieħed jirrifletti ftit dwar id-deskrizzjoni pawlina tal-karità, biex jammetti li hija għandha tkun mirbuħa mill-bniedem b’xogħol paċenzjuż u kostanti, sabiex tkun tistà timmatura, sabiex tkun tistà tinfed il-karattru tiegħu u mġiebtu; sabiex hija tkun tistà ssir fil-bniedem sinjal u sies tal-qdusija awtentika tiegħu.

5. Il-qdusija, infatti, tikkonsisti propju fl-imħabba. Tikkonsisti fil-karità li dwarha jikteb San Pawl u li aħna nsibu fil-ħajja tat-tant qaddisin tal-Knisja. Il-Qdusija ta’ kull wieħed u waħda minnhom tikkonsisti b’mod speċjali fil-karità. Fiha jingħaqdu u jesprimu ruħhom l-virtujiet kollha. Hija tħaddanhom kollha, tinkludihom u fl-istess ħin hija ikbar minnhom.

Dan jgħidu wkoll San Pawl fl-ittra tiegħu, huwa jikteb: “Il-karità ma tintemm qatt…” (1 Kor 13, 8). Din, bħala komponent tal-ħajja nterna tar-ruħ, hija s-sors tal-komunjoni tagħna mal-bnedmin u b’mod speċjali ma’ Alla nnifsu. F’tali komumnjoni l-karità tingħaqad mal-fidi u mat-tama. L-Appostlu jikteb: “Issa hawn fidi, tama u mħabba. It-tlieta jibqgħu. Il-kbira fosthom l-imħabba!” (1 Kor 13, 13). Din “ma tintemm qatt” ladarba tikkostitwixxi bħall-qalb infisha tal-ħajja eterna.

Il-qdusija tal-bniedem fuq l-art tibbaża ruħha fuq il-karità. Infatti fiha jibda diġa dak li għandu jimla l-eternità kollha tal-bniedem u jirrendiha feliċi u beata. Iva, il-karità li dwarha jitkellem San Pawl fl-ittra tiegħu għandha l-kejl tal-eternità’ Ejjew inħejju ruħna għall-eternità permezz tal-karità. Hija hi “ikbar”.

6. Għeżież ħuti! Ilqgħu din il-meditazzjoni qasira dwar l-imħabba, dwar il-karità, imwielda mill-qari bibbliku tal-Liturġija tallum.

Nifraħ li nistà niltaqà mal-parroċċa tagħkom, fil-jum taż-żjara episkopali, li qiegħda sseħħ propju madwar din it-tema.

Għeżież parruċċani ta’ San Barnaba alla Marranella, jien kuntent li qiegħed insellmilkom ilkoll bi mħabba kbira, ibda mill-Kardinal Vigarju, mill-Isqof taż-żona Monsinjur Giulio Salimei u mill-Kappillan Angelo Leva flimkien mal-kollaboraturi diretti tiegħu tal-meritorji Patrijiet Pavonjani, li għandhom ir-responsabiltà ta’ din il-parroċċa sa mill-bidu tagħha fl-1932. Insellem ukoll lir-reliġjużi tal-Istituti femminili li huma numerużi u attivi ħafna. B’mod partikolari feħsiebni nsellem lill-Kunsill parrokkjali, lill-katekisti u l-bosta movimenti kattoliċi: speċjalment dawk tal-Azzjoni Kattolika, tal-gruppi konjugali “Comunità d’amore” u tal-Iscouts. Naf li l-enerġiji ħajjin u validi f’din il-parroċċa huma ħafna, u jien nistedinhom ilkoll għal impenn dejjem iktar ġeneruż u effikaċi, ladarba bla dubju jeżisti l-ispazju għal dedikazzjoni ulterjuri għas-servizz tal-Vanġelu u ta’ ħutna.

Tmur it-tislima tiegħi liż-żgħażagħ, li mill-ħeġġa u l-intelliġenza tagħhom nistenna dejjem iktar fuq il-livell tal-ħajja ekkleżjali; lill-morda, li dejjem inġorr f’qalbi u niftakarhom b’mod speċjali fit-talb; lill-ħaddiema, kultant mhedda fix-xogħol tagħhom u dejjem denji ta’ kull attenzjoni soċjali imma wkoll nisranija.

Għeżież, għalikom ilkoll ġejt jien illum u għalikom ilkoll nitlob lill-Mulej, sabiex tikbru dejjem fl-imħabba tiegħu u fiha ssibu r-raġuni ta’ ħajjitkom, biex tixhduha ma dawk li l-iktar għandhom bżonnha.

7. “L-Ispirtu tal-Mulej…bgħatni biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin” (Lq 4, 18). B’dan il-kliem, miktub fil-ktieb tal-profeta Iżaija, il-Mulej Ġesù jibda t-tagħlim messjaniku tiegħu ġo pajjiżu Nażżaret.

Nizzi ħajr lill-Mulej tagħna, li llum tani li nwassal l-bxara t-tajba lilkom, għeżież parruċċani tal-parroċċa ta’ San Barnaba. Fiċ-ċentru stess ta’ din il-bxara t-tajba hemm miktuba l-verità dwar l-Imħabba u l-kmandament tal-imħabba.

Jalla din il-verità dwar l-Imħabba ddawwal dejjem ħajjitkom. Jalla l-parroċċa ta San Barnaba tkun komunità li fiha tagħrfu kontinwament din il-verità. Infatti, permezz tagħha biss il-ħajja umana għandha l-valur etern definittiv tagħha. Jalla f’din il-komunità u fl-ambjenti kollha li minnhom hija magħmula, b’mod partikolari fil-familji, titgħallmu l-imħabba! Dik l-imħabba li Alla nnifsu irrivelalna f’Ġesù Kristu..

Jalla permezz tal-imħabba tkunu tassew liberi, billi tgħixu għal Alla u għall-bnedmin.

Jalla permezz tal-imħabba jkollkom il-ħajja u jkollkom bl-abbundanza (cf. Ġw 10, 10).

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading