Ġwanni Pawlu II fil-Ġimgħa tat-Talb għall-għaqda fost l-Insara

Print Friendly, PDF & Email

GĦELUQ IL-ĠIMGHĦA TA’ TALB GĦALL-GĦAQDA FOST L-INSARA
U L-BEATIFIKAZZJONI TA’ SUOR MARIA GABRIELLA SAGHEDDU
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
It-Tlieta, 25 ta’ Jannar 1983

1. Iċ-ċelebrazzjoni liturġika tal-konverżjoni ta’ Sawlu ta’ Tarsu ġġegħlna ngħixu mill-ġdid il-waqt drammatiku tal-laqgħa personali tiegħu ma’ Kristu Mulej, meta d-dixxiplu qalbieni ta’ Gamaliel “mimli żelu ta’ Alla” (At  22, 3), milqut fit-triq ta’ Damasku mil-leħen uniku ta’ dak Kristu li kien qiegħed jippersegwita bla ma jagħraf, infetaħ minnufih għas-smigħ ta’ kelmtu u fl-istess waqt li fih jilqà bil-ħlewwa ċ-ċanfira bil-qalb tal-Imgħallem divin, jiġi magħmul “strument magħżul biex iwassal ismi quddiem il-popli, lis-slaten u lil ulied Iżrael” (cf. At 9, 15), fil-kwalità ta’ “xhud” tiegħu “quddiem il-bnedmin kollha” (At 22, 15).

L-element ċentrali tal-biċċa kollha huwa magħmul mill-fatt tal-konverżjoni. Iddestinat biex jevanġelizza l-popli “sabiex jgħaddu mid-dlamijiet għad-dawl u mill-poter ta’ Satana għal Alla u jiksbu l-maħfra ta’ dnubiethom” (At 26, 18), Sawlu huwa msejjaħ minn Kristu, qabel kollox, biex jopera fuqu nnifsu l-konverżjoni radikali.

Kristu infatti – li jidhirlu bħala “dawl iktar jiddi mix-xemx” (At 26, 13) – jisfidah intimament, billi jsejjaħlu b’ismu, b’diskors strettament personali, li ma jħallix spazju għal nuqqas ta’ fehim u evażjonijiet: “Sawlu, Sawlu, għaliex qiegħed tippersegwitani? Iebes għalik teħodha kontra n-niggieża tiegħi . . . imma qum, u ieqaf fuq saqajk” (At 26, 14. 16).

U Sawlu, li ħalla lilu nnifsu jiġi mwaqqà minn Kristu, u baqà mgħammex mill-esperjenza mhix mistennija minnu, imur hekk jibda l-mixja fatikuża tiegħu tal-konverżjoni, li ddum daqs il-ħajja, billi tibda bl-umiltà mhux tas-soltu minn dik ix- “x’għandi nagħmel, Mulej?”, u billi jħalli lilu nnifsu bil- hlewwa jiġi mmexxi minn idu, sa għand Ananija, li permezz tal-ministeru profetiku tiegħu hu jingħatalu li jagħraf il-pjan ta’ Alla.

2. Tali pjan huwa miġbur fil-qosor fil-kliem tal-Mulej: “Jiena se nurih kemm għandu jbati għal ismi” (At 9, 16). B’dan is-sinjal qasir, kważi berqa bil-lejl, Kristu jgħolli għal ftit il-velu fuq il-futur tal-Appostlu billi jħalli tidher is-sejħa privileġġjata biex jieħu sehem b’mod singolarment qawwi fil-misteru tal-Passjoni u tas-Salib. Tali sehem se jkun hekk mimli u vitali, fl-intern tal-Ġisem Mistiku li tiegħu bi ħniena divina sar membru, li Pawlu jkun jistà jikteb lill-Kolossin: Jien issa nifraħ bit-tbatijiet tiegħi minħabba fikom, għaliex bihom jiena ntemm f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu, għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja” (Kol 1, 24).

Minn dak il-waqt il-persekutur Qadim isir l-evanġelizzatur per eċċellenza tal-Kristu mislub, tal-“istupidità” tas-salib, tal-misteru tad-dnub u tal-fidwa fid-Demm ta’ Kristu, tal-mewt u l-qawmien mill-imwiet tiegħu,  sa ma setà jgħid: “Issallabt ma’ Kristu, u miniex iktar jien li ngħix, imma Kristu jgħix fija” (Gal 2, 20).

Għad fadal element f’episodju tal-konverżjoni ta’ Sawlu li nixtieq nenfasizza: dan hu l-aċċenn għat-talb, bażi u sies ta’ kull tħejjija u ta’ kull azzjoni apostolika. Biex jippermetti li Ananija jagħraf lil Sawlu, l-ikkonvertit, il-Mulej joffrilu sinjal inkonfondibbli ta’ għarfien: Ananija kellu jsibu jitlob. “Fittex fid-dar ta’ Ġuda staqsi għal wieħed minn Tarsu, jismu Sawlu. Dan qiegħed jitlob” (At 9, 11).

3. Huwa mottiv kbir ta’ ferħ li tinnota li propju dawn it-tliet partikulari li joħorġu min-narrazzjoni tal-Atti: il-konverżjoni, is-salib u t-talb, huma essenzjalment l-elementi li fuqhom jibbaża ruħu l-moviment biex jibni l-għaqda tal-insara. Waqt li nikkonkludu hawn, fuq il-Qabar tal-Appostlu tal-Ġnus, il-ġimgħa ta’ talb b’dan ir-rit, li jarana miġburin f’rabta ta’ Karità profonda madwar l-istess Kristu salvatur, hemm bżonn li nduru għal tali elementi. Meta ngħid dan jiena ċert li nkun qed ninterpreta s-sentimenti ta’ ħutna tal-Knejjes l-oħra, li riedu jieħdu sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni. Lil kull wieħed minnhom tmur it-tislima l-iktar kordjali tiegħi.

F’din l-atmosfera ta’ karità ekumenika ssib post perfett l-istorja qasira imma hekk għanja tal-Beata Marija Gabriella, li ntenzjonalment ridt ngħolli għall-qima tal-altari f’din id-data u f’dan it-tempju. Il-ġrajja tagħha, l-ewwel permezz tal-vokazzjoni trappista, u mbagħad permezz tal-offerta tal-ħajja għall-għaqda tal-insara, hija kollha mibnija fuq dawn it-tliet valuri essenzjali: il-konverżjoni. Is-sagrifiċċju għall-aħwa, it-talb.

 Ma setax ikun mod ieħor. Dan jikkonfermah il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, li propju f’din il-Bażilika u f’din l-istess data ġie mħabbar mill-predeċessur venerabbli tiegħi Ġwanni XXIII. Huwa, infatti, f’tema ta ekumeniżmu, esprima ruħu f’dawn it-termini: “Ekumeniżmu veru mhemmx mingħajr konverżjoni nterna: ladarba ix-xewqa tal-għaqda titnissel u timmatura mit-tiġdid tal-ispirtu, miċ-ċaħda tagħna nfusna u mill-eżerċizzju sħiħ tal-karità. Għalhekk hemm bżonn nitolbu mingħand l-Ispirtu divin l-grazzja ta’ ċaħda sinċiera, tal-umiltà u l-manswetudni fil-qadi u tal-ġenerożità fraterna tar-ruħ lejn l-oħrajn . . . Din il-konverżjoni  tal-qalb u din il-qdusija ta’ ħajja, flimkien mat-talb privat u pubbliku għall-għaqda tal-insara, għandhom jikkunsidraw bħar-ruħ tal-moviment ekumeniku kollu, u jkunu jistgħu b’mod ġust isejħu lilhom infushom ekumeniżmu spiritwali” (Unitatis Redintegratio, II, 7.8).

Mill-bqija il-kapitolu 17 kollu ta’ San Ġwann – dak il-kapitolu li l-paġni tiegħu nstabu sofor minħabba l-użu ta’ kuljum tiegħu fil-vanġelu ċkejken ta’ Suor Marija Ġabriella – x’jistà jkun jekk mhux talb imħeġġeġ mil-Qalb saċerdotali ta’ Kristu, li fil-prospettiva imminenti tas-Salib, jitlob għal dawk li jemmnu fih il-konverżjoni tal-qalb?

4. Nieħu pjaċir partikolari niġbed l-attenzjoni u nesponi b’mod speċjali liż-żgħażagħ, li tant iħobbu l-kompetizzjoni u l-isport, li ż-żagħżugħa soru trappista, li llum qegħdin għall-ewwel darba intuha t-titlu ta’ Beata, għarfet tagħmel tagħha l-eżortazzjonijiet tal-Appostlu lill-fidili ta’ Korintu (1 Kor 9, 24) biex “jiġru fl-istadju ħalli jakkwistaw il-premju”, billi rnexxielha fi ftit snin tiġbor – fl-istadju tal-qdusija – serje ta’ premijiet li jġegħlu jgħir lill-aqwa kampjun. Hija hi nfatti storikament l-ewwel Beata li toħroġ mil-listi taż-Żgħażagħ femminili tal-Azzjoni Kattolika; l-ewwel fost iż-żgħażagħ femminili u maskili ta’ Sardegna; l-ewwel fost l-irhieb nisa trappisti; l-ewwel fost l-operaturi tal-għaqda. Erbà supremaziji maħsuba fil-“gym”  ta’ dik l-“iskola tas-servizz divin” proposta mill-Kbir Patrijarka San Benedittu, li evidentement hija valida wkoll illum wara ħmistax-il seklu, ladarba kienet kapaċi tqanqal tali eżempji ta’ virtù  f’min kien kapaċi jilqà u jqiegħed fil-prattika “b’intellet ta’mħabba”.

Huwa nfatti f’din il-fedeltà għas-smigħ li ż-żgħażugħa Maria Sagheddu – min-natura rasha iebsa u sarkastika, kif tiġi deskritta mix-xhieda u mill-istess qaddisa ommha – li rnexxielha twettaq dik il-“konverżjoni tal-qalb” li San Benedittu jitlob minn uliedu. Konverżjoni tal-qalb li hija sors veru u ewlieni ta’ għaqda.

Mill-waqt li fih iż-żagħżugħa rasha iebsa u feroċi, ġiet f’kuntatt mas-Salib ta’ Kristu permezz tal-mewt ta’ oħtha l-għażiża, iddeċidiet li tirrendi ruħha lilu, irrikorriet ħelwa u umli għall-gwida ta’ missier spiritwali, u aċċettat li tinserixxi ruħha fil-ħajja tal-parroċċa, billi nkitbet fiż-Żghażagħ femminili ta’ Azzjpni kattolika, billi ngħatat lill-iċken fil-katekeżi, billi rrendiet ruħha servizjevoli lill-anzjani, billi qattgħet sigħat titlob, kien minn dak iż-żmien li bdiet dik il-“konverżjoni” li akkumpanjatha jum wara jum, sa ma laqgħet s-sejħa vokazzjonali, u biex tħalli wara spallejha – ta’ wieħed u għoxrin sena – l-art maħbuba u l-persuni għeżież ta’ Sardegna tagħha biex tippreżenta ruhħa, lesta għal-leħen tal-Għarus divin, mar-rixtellu tat-Trappa.

5. Kienet propju din il-konverżjoni tagħha lejn Alla, dan il-bżonn tagħha ta’ għaqda fl-imħabba, li bniet l-introduzzjoni u l-art fertili li fuqha l-Mulej iġiegħel tinżel, fil-waqt immarkat, is-sejħa għad-donazzjoni totali għall-aħwa.

L-offerta ta’ ħajjitha għall-għaqda, li l-Mulej ispiralha waqt ġimgħa ta’ talb f’dawn l-istess jiem tal-1938 – ħamsa u erbgħin sena ilu – u li huwa wera li huwa jaċċetta bħala olokawst fewwieħi ta’ mħabba, mhuwiex il-bidu, imma t-twettiq tal-korsa spiritwali tal-atleta żagħżugħa. Mill-għaqda milħuqa mal-leħen ta’ Alla tiġi l-mozzjoni tal-Ispirtu biex tinfetaħ għall-aħwa.

Din hija l-iskoperta tal-Vertikali, tal-Assolut ta’ Alla, li jagħti sens u urġenza effikaċi għall-ftuħ orizzontali għall-problemi tad-dinja. Hemm hawn sejħa prezzjuża illum iktar minn qatt qabel, kontra t-tentazzjoni faċli ta’ orizzontalizmu nisrani irrispettivament mir-riċerka tal-Quċċata; ta’ psikoloġiżmu li jinjora l-preżenza misterjuża u l-azzjoni mprevedibbli tal-Grazzja; ta’ attiviżmu li jitlaq u jagħlaq biss fil-livell u fil-prospettiva terrena; ta’ fraternità li tinqatà milli tillumina ruħha minn paternità divina komuni.

Huwa minn dawn il-premessi li l-ġest erojku ta’ Suor Marija Gabriella jogħla għal għoli ta’ ġrajja ekkleżjali kbira.  Propju għaliex jitnissel minn konverżjoni sublimi li ssir lejn il-Missier, il-ftuħ tagħha lejn l-aħwa jidentifika ruħu ma’ Kristu mislub, jilħaq valur storiku, jassumi skop ekumeniku.

Dan iwassalna mhux biss biex nammiraw u nqimu, imma biex nirriflettu, biex nimitaw, biex nipprofondixxu, biex inbatu u fuq kollox biex nitolbu, biex nirradikaw dejjem iktar fi Kristu il-mixja tagħna ta’ konverżjoni.

Hekk il-Beata Maria Gabriella Sagheddu, li tgħaqqad b’mod grazzjuż mal-isem tal-Anġlu tal-aħbar dak tal-Verġni tas-smigħ, saret sinjal taż-żminijiet u mudell ta’ dak l-“Ekumeniżmu spiritwali”, li għalih sejħilna l-Konċilju. Hija tinkuraġġina biex inħsarsu b’ottimiżmu – ‘il hemm u ‘l fuq mid-diffikultajiet propji inevitabbli tal-fatt li aħna bnedmin – lejn il-prospettivi meraviljużi tal-għaqda ekkleżjali, li s-suċċess progressiv tagħha huwa marbut max-xewqa dejjem iktar profonda li nikkonvertu għal Kristu, biex nirrendu operanti u effikaċi x-xewqa tiegħu: “Ut omnes unum sint”!

Iva, o Mulej, jalla lkoll naslu ma ndumux biex inkunu ħaġa waħda. Dan titlobulek flimkien magħna l-Beata l-ġdida, li għall-fjamma ta’ din x-xewqa divina tiegħek ikkunsmat f’offerta ferrieħa l-eżistenza żagħżugħa tagħha.

“Omnes . . . unum”. Amen!

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading