Qari tas-Sibt tat-Tmien Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

QARI I
Alla għandu l-qawwa jħariskom mill-waqgħa, u jqegħedkom bla tebgħa u ferħana quddiem is-sebħ tiegħu.
Ġuda 17.20b-25

Għeluq tal-Ittra ta’ San Ġuda Appostlu

Għeżież, ftakru fil-ħwejjeġ li l-appostli ta’ Sidna Ġesù Kristu kienu ħabbrulkom minn qabel. Ibnu lilkom infuskom fuq il-fidi l-aktar qaddisa tagħkom; itolbu fl-Ispirtu s-Santu; żommu rwieħkom fl-imħabba ta’ Alla, stennew il-ħniena ta’ Sidna Ġesù Kristu għall-ħajja ta’ dejjem. Uru ħniena ma’ dawk li għadhom fid-dubju; salvawhom u aħtfuhom min-nar; l-oħrajn, ħennu għalihom, bil-biża’, waqt li tistkerrhu saħansitra l-libsa mċappsa b’ġisimhom.

Lil dak li għandu l-qawwa jħariskom mill-waqgħa, u jqegħedkom bla tebgħa u ferħana quddiem is-sebħ tiegħu, lil Alla waħdu Salvatur tagħna, permezz ta’ Ġesù Kristu Sidna, glorja, kobor, qawwa u setgħa qabel kull żmien, issa, u għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 62 (63), 2.3-4.5-6

R/. (2b): Għalik imxennaq jiena, Mulej, Alla tiegħi

Alla, Alla tiegħi int; lilek ħerqan infittex.
Ruħi bil-għatx għalik, għalik imxennaq jiena,
bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma. R/.

Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek,
biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.
Għax it-tieba tiegħek aħjar mill-ħajja,
xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek. R/.

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha;
ngħolli idejja u nsejjaħ ismek.
Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela,
u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Kol 3, 16a.17ċ

Hallelujah. R/. Hallelujah
Il-kelma ta’ Kristu tgħammar sħiħa fikom;
kulma tagħmlu roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz tiegħu.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Int b’liema setgħa qiegħed tagħmlu dan kollu?
Mk 11, 27-33

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli tiegħu mill-ġdid marru Ġerusalemm. Kif kien qiegħed idur fit-tempju, resqu fuqu l-qassisin il-kbar u l-kittieba u x-xjuħ u staqsewh: “Int b’liema setgħa qiegħed tagħmlu dan kollu? U min tahielek din is-setgħa biex tagħmlu?”. Ġesù qalilhom: “Ħa nagħmlilkom mistoqsija waħda jien. Weġbuni għaliha, u ngħidilkom b’liema setgħa qiegħed nagħmel dan kollu. Il-magħmudija ta’ Ġwanni kienet ħaġa ġejja mis-sema jew mill-bnedmin? Weġbuni”. Dawk, bejnhom u bejn ruħhom, bdew jirraġunaw u jgħidu: “Jekk inweġbuh: “Mis-sema”, jgħidilna: “Mela għaliex ma emmintuhx?”. Mela ngħidulu: “Mill-bnedmin”?” Huma kienu jibżgħu min-nies, għax kulħadd kien iżomm li Ġwanni kien tabilħaqq profeta. Għalhekk lil Ġesù weġbuh u qalulu: “Ma nafux”. U Ġesù qalilhom: “Mela anqas jien ma ngħidilkom b’liema setgħa qiegħed nagħmel dan”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading