Ġwanni Pawlu II fil-Parroċċa ta’ S. Marija tal-Ħniena u S. Adriano

Print Friendly, PDF & Email

VIŻTA LILL-PARROĊĊA RUMANA TA’ SANTA MARIJA TAL-ĦNIENA
U SANT’ADRIANO MARTRI F’VILLA ALBANI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 20 ta’ Frar 1983

Għeżież ħuti!

1. Bdejna r-Randan biex insegwu l-eżempju ta’ Kristu li fil-bidu tal-attività messjanika f’Iżrael “għal erbgħin jum kien ittentat mix-xitan” (Lq 4, 1), u “ma kiel xejn f’dawk il-jiem” (Lq 4, 2). Dan jgħidulna l-Evanġelista Luqa f’dan l-ewwel Ħadd tar-Randan, li wara qal li Kristu “kien ittentat mix-xitan” (Lq 4, 2), imbagħad jiddeskrivi b’mod dettaljat din it-tentazzjoni.

Ninsabu quddiem ġrajja li tolqotna b’mod profond. It-tentazzjoni ta’ Ġesù fid-deżert ikkostitwit għal bosta bnedmin – għall-qaddisin, għat-tejoloġi, għall-kittieba u għall-artisti – tema fertili ta’ riflessjoni u ta’ krejattività, hekk profond huwa l-kontenut ta’ din il-ġrajja! Dan jgħid tant dwar Kristu: L-Iben ta’ Alla li sar tassew bniedem. Tagħti wisq x’jimmedita lil kull bniedem.

2. Id-deskrizzjoni tat-tentazzjoni ta’ Ġesù, li nerġgħu naqraw f’dan il-Ħadd tar-Randan, għandha l-elokwenza partikolari tagħha. Infatti f’dan il-perijodu, iktar milli fi kwalunkwè ieħor, il-bniedem jirrendi ruħu konxju li ħajtu tgħaddi fid-dinja bejn it-tajjeb u l-ħażin. It-tentazzjoni mhix għajr li l-indirizzar lejn il-ħażin ta’ dak kollu li l-bniedem jistà u għandu jagħmel użu tajjeb minnu.

Jekk huwa jagħmel użu ħażin, dan jagħmlu għaliex iċedi għat-tripla konkupixxenza(regħba): il-konkupixxenza tal-għajnejn, il-konkupixxenza tal-ġisem u s-suppervja tal-ħajja. Il-konkupixxenza, sa ċertu punt, tgħawweġ it-tajjeb li l-bniedem isib fih u madwaru, u tiffalsifika qalbu. It-tajjeb mgħawweġ b’dan il-mod, jitlef s-sens feddej tiegħu u minflok ma jmexxi lill-bniedem lejn Alla, jibdlu fi strument ta’ sodisfazzjon tas-sensi u ta’ vanità.

Miniex feħsiebni nissottometti hawn analiżi partikolareġġata tat-tentazzjoni ta’ Kristu, imma se niġbed l-attenzjoni għad-dmir li kull wieħed u waħda minna nimmeditawha b’mod konvenjenti. Hemm bżonn qabel kollox fil-perijodu tar-Randan li kull wieħed u waħda minna nidħlu fina nfusna u nagħrfu kif din it-tentazzjoni tiġi speċifikatament minnu nterpretata. U nitgħallmu mingħand Kristu kif negħlbuha.

3. It-tentazzjoni twarrabna minn Alla, u tindirizzana b’mod imħawwad għalina stess u għad-dinja. U għalhekk, mal-qari tal-Vanġelu tallum, ejjew infittxu wkoll li nifhmu l-qari l-ieħor tal-liturġija tallum.

L-ewwel qari tal-ktieb tad-Dewteronomju jistieden biex noffru lil Alla sagrifiċċju tal-isbaħ frott tal-art. Jekk it-tentazzjoni tindirizzana b’mod imħawwad lejna nfusna u lid-dinja, jeħtieġ li aħna negħlbu dan il-mod imħawwad propju bis-sagrifiċċju. Waqt li nikkultivaw is-sagrifiċċju, jew aħjar, l-ispirtu ta’ sagrifiċċju, ma nippermettux lit-tentazzjoni tirbah f’qalbna, imma nżommu din qalbna fi klima ta’ interjorità u ta’ ordni.

4. Is-salm responsorjali jgħallimna l-fiduċja f’Alla u biex nerġgħu lura lejn il-Providenza mqaddsa tiegħu. Dan huwa dak is-salm meraviljux 91, li tajjeb li nkunu nafuh u, kultant, nitolbu bi kliemu: “Int li tgħammar fil-kenn tal-Iktar Għoli u tgħammar għad-dell tal-Omnipotenti, għid lill-Mulej: «Rifuġju u furtizza Atiegħi, Alla tiegħi, li fih jien nafda»” (Sal 91, 1-2). Hekk jgħid il-bniedem. U Alla jwieġeb: “Insalvah, għaliex afda lilu nnifsi lili; neżaltah, għaliex għaraf ismi. Isejjaħli u nagħtih tweġiba; ħdejh se nkun fil-għawġ, se nsalvah u nirrendih glorjuż” (Sal 91, 14-15).

Donnhom qegħdin itennu l-qari tal-Liturġija tallum: jekk ma tridx iċċedi għat-tentazzjonijiet, jekk ma tridx li tħalli lilek innifsek titmexxa minnhom lejn it-toroq żbaljati, kun bniedem tat-talb! Ikollok fiduċja f’Alla, u uriha fit-talb.

5. U imbagħad terġà tgħidilna din il-Liturġija tar-Randan tallum: Kun bniedem ta’ fidi u ħajja profondi! Hawn hu l-kliem tal-ittra ta’ San Pawl lir-Rumani: “Il-Kelma qiegħda ħdejk, f’fommok u f’qalbek: jiġifieri l-kelma tal-fidi li aħna nxandru. Jekk inti tistqarr b’fommok li Ġesù huwa l-Mulej, u temmen f’qalbek li Alla qajmu mill-imwiet, inti ssalva. Wieħed jemmen f’qalbu biex ikollu ġustizza u b’fommu jistqarr biex ikollu s-salvazzjoni” (Rm 10, 8-10).

U allura kun bniedem ta’ fidi! Speċjalment issa, fil-perijodu tar-Randan, ġedded il-fidi tiegħek f’Ġesù Kristu: Mislub u Rxuxtat. Immedita t-tagħlim tal-fidi! immedita l- l-veritajiet tagħha divini!

U speċjalment: ippenetra bil-fidi lil qalbek, ħajtek (“Infatti bil-qalb emmen biex tikseb ġustizzja”).

Ipprattika din il-fidi bil-moħħ u bil-qalb: bil-kliem u bl-opri (“il-prattika tal-fidi twassal għas-salvazzjoni”).

6. Fid-dawl ta’ dawn il-ħsibijiet, meħudin mil-Liturġija tal-ewwel Ħadd tar-Randan, nixtieq illum niltaqà spiritwalment mal-parroċċa tagħkom ta’Santa Marija tal-Ħniena u Sant’Adriano Martri.

Jiena kuntent li nsellem mhux biss lilkom hawn preżenti, imma wkoll lil dawk kollha miżmuma ġo djarhom minħabba mottivi ta’ saħħa jew minħabba impenji oħra.

Aċċenn partikolari jmur għall-Kardinal Poletti, għall-Isqof Monsinjur Alessandro Plotti, għall-Kappillan Patri Pasquale Barontini, għas-saċerdoti kollaboraturi tiegħu u għall-Patrijiet Mercedarji kollha tal-Provinċja Rumana, li mpenjaw ruħhom biex jassikuraw l-attenzjoni pastorali f’din il-Parroċċa ta’ Santa Marija tal-Ħniena u Sant’Adriano Martri, dan tal-aħħar diġa meqjum f’Ruma għal snin twal fi Knisja storika iddedikata lilu fil-Forum Ruman.

Insellem imbagħad lill-membri tad-diversi Kongregazzjonijiet reliġjużi maskili u femminili, li għandhom is-sedja fl-isfera tal-Parroċċa, kif ukoll lil dawk membri tal-Assoċjazzjonijiet, tal-Movimenti u tal-Gruppi li jaħdmu biex janimaw b’mod nisrani l-ambjent taż-żgħażagħ u tal-adulti, billi jiffavorixxu formazzjoni nterna dejjem iktar profonda u matura. Fost dawn niftakar, b’mod partikolari, il-Komunità ta’ Marija, iż-żewġ Komunitajiet neokatekumenali, l-Iscouts, il-Grupp tal-adulti tal-Azzjoni Kattolika, it-Terz’Ordni Merċedarju, il-Legio Mariae, il-Grupp Vanġelu, il-voluntieri rġiel u dak nisa ta’ San Vinċens u il-Kunsill Pastorali.

Kelma speċjali ta’ tislima irrid li tasal lil dawk li jħossuhom spiritwalment imbegħda mill-Komunità parrokkjali minħabba ndifferenza jew minħabba ċertu ndividwaliżmu. Kunu intom afu li hija xewqa ħajja tiegħi, bħalma hi wkoll tas-Saċerdoti kollha tal-Parroċċa, li tiftħu djalogu amikevoli magħhom li jistà jippermetti għarfien reċiproku aħjar u diskors approfondit, dwar Ġesù ta’ Nażżaret u dwar il-Vanġelu tiegħu.

7. “Mhux bil-ħobż biss jgħix il-bniedem, imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla” (Mt 4, 4).

Għeżież ħuti! Erġgħu lura, kultant, bil-moħħ fuq dan il-kliem tal-Vanġelu tallum: kemm fil-perijodu tar-Randan, kif ukoll fil-ħajja kollha!

Infatti hemm bżonn nitolbu kuljum għall-ħobża ta’ kuljum. Imma fl-istess ħin hemm bżonn ngħixu għall-eternità.

Amen.  


Waqt il-laqgħa maż-żgħażagħ tal-Parroċċa  

Irrid qabel xejn niżżi ħajr għal dan id-diskors sabiħ magħmul lilna lkoll minn waħda minn ħbiebkom. Naqbel mija fil-mija mal-ideat espressi f’dan id-diskors, huma bla dubju rappreżentattivi tagħkom ilkoll. Iż-żgħażagħ jinsabu fir-riċerka tal-ġid imma – bħal ma smajna fil-liturġija tallum – dawk kollha li jinsabu fiċ-ċrieki tal-ġid jiġu sottomessi għat-tentazzjonijiet. Infatti ninsabu bejn it-tajjeb u l-ħażin. Hemm bżonn li jintrebaħ il-ħażin u – jgħid l-Appostlu – hemm bżonn li jintrbaħ il-ħażin bit-tajjeb: dan huwa l-programm li nħallilkom, għal kuljum, għal kull ġimgħa, għal ħajjitkom kollha fid-dar, fil-familja; għal ħajjitkom kollha fl-iskola, għal ħajjitkom fl-ambjenti differenti u għal ħajjitkom f’din il-parroċċa, f’din il-knisja li fiha intom preżenti. Anzi intom din il-knisja.

Hrkk hu, inħalilkom din l-għotja; irbħu l-ħażin bit-tajjeb. Tgħallmu dan sewwa. Il-Kristjaneżmu kollu, il-Vanġelu kollu għandu dan il-programm u jikkostitwixxi ruħu b’dan il-programm. Nistgħu ngħidu li r-Randan huwa sfida speċjali f’dak is-sens: li nitgħallmu, jum wara jum, fl-affarijiet żgħar u mbagħad fil-kbar( imma l-ħwejjeġ iż-żgħsr huma wkoll kbar), li nitgħallmu nirbħu l-ħażin bit-tajjeb. Dan għallima Kristu bl-eżempju tiegħu u speċjalment bl-eżempju li smajna bi tqanqil profond fil-liturġija tallum. Nawguralkom li tgħixu sewwa dan ir-Randan. Dan huwa perijodu speċifiku li ngħidulu “qawwi”.

Qabel konna ngħidulu “qawwi” wkoll minħabba l-prattiki esterni, ta’ penitenza b’mod speċjali tas-sawm; illum dawn il-prattiki tnaqqsu aktar minħabba ċirkostanzi differenti imbagħad ukoll għaliex kienu addattati għal kull wieħed u waħda minna: wieħed għandu jsum tul ir-Randan skont il-possibiltajiet tiegħu, u hemm bżonn ngħid, b’inizjattiva attiva propja. Għandu jkun iktar important  ċertu spirtu ta’ sagrifiċċju personali pjuttost illi ċertu kmandament tal-Knisja. Il-Knisja tħallina iktar liberi imma, jekk f’dawn il-prattiki tħallina iktar liberi, timpenjana iktar fl-ispirtu tar-Randan u dan l-ispirtu tar-Randan imiss il-ħajja umana kollha tagħna ta’ kuljum.  Kuljum hemm bżonn nirbħu l-ħażin bit-tajjeb: dawn ir-rebħiet iħejjuna għall-misteru paskwali ta’ Kristu. Il-misteru paskwali ta’ Kristu kien appuntu rebħa kbira, rebħa assoluta, fuq il-ħażin sal-mewt, Kull ħażin, inkluża l-mewt, safa mirbuħ minn Kristu. Minn Kristu ttentat, minn Kristu mislub.

Hawn hu l-programm il-kbir: Kristu, Il-programm il-kbir tal-ħajja nisranija, il-programm il-kbir tar-Randan: Kristu. Ejjew infittxu li nitgħallmu lil Kristu f’dan il-misteru paskwali tiegħu, li nitgħallmuh aħjar matul dan ir-Randan; li noħorġu minn dawn l-erbgħin jum spiritwalment iktar maturi, spiritwalment iktar għonja, iktar insara. U, hekk, inkunu wkoll nistgħu nibdlu d-dinja. Għaliex, għeżież tiegħi, id-dinja ma tinbidilx bis-slowgans, ma tinbidilx bil-kliem biss.

Bla ebda dubju, hemm il-Kelma ta’ Alla li tiggwida l-bidla tad-dinja, imma fl-aħħar minn l-aħħar id-dinja tinbidel bl-opri u b’dak li hu l-bniedem: il-bidla tad-dinja jwettaqha l-bniedem matur, in-nisrani matur, il-qaddis. U hekk, b’kull persuna spiritwalment matura, b’kull nisrani matur, b’kull qaddis id-dinja tiġi mibdula. Jekk jonqsu dawn – il-qaddisin, l-insara maturi – id-dinja ma tinbidilx, ma jibdluhiex l-istrutturi esterni biss, is-sistemi u linqas l-idejoloġiji. Dan huwa n-nukleju stess tal-Vanġelu, u jiena nittrażmetti dan in-nukleju fl-ewwel Ħadd tar-Randan billi nistedinnkom biex tirriflettu dwar dan u biex taħdmu f’din il-linja.

Miġjub għall-Maltin minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading