Ġwanni Pawlu II fil-Honduras

Print Friendly, PDF & Email

VJAĠĠ APPOSTOLIKU FIL-PORTUGAL II, COSTA RICA, NICARAGUA I,
PANAMA, EL SALVADOR I, GUATEMALA I, HONDURAS, BELIZE, HAITI
QUDDIESA FIS-SANTWARJU TA’ SIDTNA TA’ SUYAPA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Tegucigalpa (Honduras), 8 ta’ Marzu 1983

Maħbubin ħuti fl-Episkopat,
Għeżież ħuti.

1. Hawn, flimkien mal-Omm komuni, insellem qabelxejn bi mħabba lir-Ragħaj ta’ din is-sedja Arċiveskovili ta’ Tegucigalpa, lill-Isqfijiet ħutu l-oħra, lis-saċerdoti, lir-reliġjużi rġiel u nisa, lis-seminaristi u lil-lajċi ta’ dan in-Nazzjon maħbub. Imbierek lil kulħadd bil-qalb.

Meta diġa waslet biex tintemm iż-żjara apostolika tiegħi lill-Knisja li tgħix f’dawn in-Nazzjonijiet tal-Amerka Ċentrali, Belize u Haiti, ridt niġi bħala pellegrin sa dan is-santwarju ta’ Sidtna ta Suyapa, Patruna tal-Honduras, Omm ta’ dawk li jipprofessaw il-fidi ta’ Kristu.

Minn din il-quċċata ta’ Tegucigalpa u minn dan is-santwarju, nikkuntempla l-Pajjiżi li żort magħqudin fl-istess fidi kattolika, spiritwalment magħqudin madwar Marija, Omma Kristu u l-Knisja, rabta ta’ mħabba li tagħmel minn dawn il-popli kollha Pajjiżi aħwa.

L-istess isem, Marija, aġġustat f’invokazzjonijiet differenti, invokat bl-istess talb, ippronunzjat b’imħabba identika. Fil-Panamá, issejħulha bl-isem tal-Assunzjoni fil-Costa Rica, Sidtna tal-Anġli; fin-Nicaragua, il-Purissma; fis-Salvador, Sultana tal-Paċi; fil-Guatemala, iqimu l-Assunzjoni glorjuża tagħha; il-Belize ġie kkonsagrat lill-Omm ta’ Guadalupe u l-Haiti jqim lil Sidtna tas-Sokkors Perpetwu. Hawn l-isem tal-Verġni ta’ Suyapa għandu togħma ta’ ħniena min-naħa ta’ Marija u ta’ għarfien tal-inkuraġġiment tagħha min-naħa tal-poplu tal-Honduras.

2. It-testi bibbliċi li nqraw jgħinuna nifhmu l-misteru u l-impenn li tinkludi din il-preżenza tal-Verġni Omm f’kull Knisja partikolari, f’kull Nazzjon.

Il-Vanġelu ta’ San Ġwann fakkarna l-preżenza ta’ Marija f’riġlejn is-salib u l-aħħar kelmiet tat-testment ta’ Ġesù li bihom jipproklama l-Verġni, Omm tad-dixxipli kollha: “ Mara hawn hu ibnek” Imbagħad jgħid lill-Appostlu: “Hawn hi ommok. U minn dak il-waqt id-dixxiplu ħadha għandu” (Ġw 19, 26-27).

Fis-siegħa ta’ Ġesù, tal-Omm u tal-Knisja, il-kelmiet tar-Redentur huma sollenni u jwettqu dak li jipproklamaw: Marija hija maħtura Omm id-dixxipli ta’ Kristu, tal-bnedmin kollha. Dak li jilqà fil-fidi d-duttrina tal-Imgħallem għandu l-privileġġ, il-fortuna, li jilqà lill-Verġni, bħala Omm, li jirċeviha b’fidi u mħabba fost ġidu l-iktar maħbub, bis-sikurezza li, dik li wettqet fedelment l-kelma tal-Mulej, aċċettat b’mod amoruż id-dmir li tkun dejjem Omm ta’ min isegwi lil Kristu. Minħabba dan, mill-jiem bikrin tal-fidi u f’kull stadju tal-predikazzjoni tal-Vanġelu, fit-twelid ta’ kull Knisja partikolari, il-Verġni tokkupa l-post dovut lilha bħala Omm tal-imitaturi ta’ Ġesù li jikkostitwixxu l-Knisja.

Dan stajna napprezzawh fit-test tal-Atti tal-Appostli: “U lkoll qalb waħda kienu jitolbu flimkien ma’ xi nisa u ma’ Marija, Omm Ġesù, u ma’ ħutu (At 1, 14). Fit-twelid tal-Knisja, waqt il-Pentekoste, hija preżenti Omm id-dixxipli ta’ Ġesù, bid-dmir matern li tgħaqqadhom bħala aħwa fl-istess spirtu u biex tqawwihom fit-tama sabiex jilqgħu l-qawwa li tiġi mill-għoli, l-Ispirtu tal-Mulej li janima u  jagħti l-ħajja lill-Knisja ta’ Ġesù.

Bħalma ġagħluna ninnotaw s-Santi Padri tal-Knisja, din il-preżenza ta’  Marija hija sinifikattiva: “Wieħed ma jistax jitkellem dwar il-Knisja jekk mhix preżenti Marija, Omm il-Mulej, flimkien ma’ ħutu” (cf. Cromazio di Aquileia, Sermo XXX, 7: sources chrétiennes, 164, p. 134; Pawlu VI, Marialis Cultus, 28). U hekk kull darba li titwieled il-Knisja f’Pajjiż, kif wieħed jistà jinnota f’dan il-Kontinent, mill-Messiku għaċ-Ċile u għall-Argentina billi ngħaddu mill-istmu CentroAmerikan, jew Omm Alla hija preżenti f’forma singolari, bħal fi Guadalupe, jew dawk li jsegwu lil Kristu jirriklamaw il-preżenza tagħha u jiddedikaw tempji lill-kult tagħha, sabiex il-Knisja jkollha dejjem il-preżenza tal-Omm li hija garanzija ta’ fraternità u tal-ilqugħ tal-Ispirtu Santu.

3. F’Marija jitwettaq għal kollox il-Vanġelu: Sidtna hija membru eċċellentissmu, tip u perfezzjoni eżemplari għall-Knisja  (cf. Lumen Gentium, 53). Hija hi l-ewwel nisranija, bxara u don ta’ Ġesù Kristu Binha, milja tal-bejatitudni, xbiha perfetta tad-dixxiplu, ta’ Ġesù.

Propju għaliex hija s-sintesi tal-Vanġelu ta’ Ġesù, hija tingħaraf fil-popli tagħkom bħala Omm u edukatriċi tal-fidi: tinvokawha fit-taqtigħat u fit-tbatijiet li jinvolvu l-fedeltà lejn il-messaġġ Kristjan; hija hi l-Omm li ssejjaħ l-uliedha kollha – ‘il fuq mid-differenzi li jistgħu jifirduhom – biex huma jħossuhom sikuri fl-istess dar; miġburin madwar l-istess mejda tal-Kelma u tal-Ewkaristija.

Marija biss setgħet tagħmel appostli ta’ Ġesù, qabel u wara Pentekoste, qalb waħda u ruħ waħda (cf. At 1, 14; 4, 32), bħallikieku Kristu ried jindika li afda għall-attenzjoni materna ta’ Ommu l-missjoni li tagħmel mill-Knisja familja waħda fejn issaltan l-imħabba u jkun maħbub, qabel kollox, min isofri l-iktar. Iva, f’Marija għandna l-mudell ta’ mħabba bla fruntieri, rabta ta’ komunjoni tagħna lkoll li aħna, minħabba l-fidi u l-magħmudija, “dixxipli” u “aħwa” ta’ Ġesù.

4. Imma l-Verġni hija wkoll il-“Mara l-Ġdida”. Fiha Alla rrivela l-punti ewlenin ta’ imħabba materna, id-dinjità tal-bniedem imsejjaħ għall-komunjoni mat-Trinità, il-glorja tal-mara li hekk tmiss il-quċċata tal-uman fis-sbuħija tagħha soprannaturali, fl-għerf tagħha, id-donazzjoni il-kollaborazzjoni attiva u responsabbli li biha ssir qaddejja tal-misteru tar-redenzjoni.

Ma jistax wieħed jaħseb dwar Marija, mara, miżżewġa, omm, bla ma jħoss l-influwenza b’saħħitha li l-figura tagħha femminili u maternal għandha jkollha fuq il-qalb tal-mara, fil-promozzjoni tad-dinjità tagħha, fis-sehem tagħha attiv fis-soċjetà u fil-Knisja.

Jekk dan huwa korrettement veru li kull mara tistà tħares lejn il-Verġni bħal fil-mera tad-dinjità u l-vokazzjoni propji tagħha, kull nisrani għandu jkun kapaċi li jagħraf – fil-wiċċ ta’ tifla, żagħżugħa, omm, anzjana – xi ħaġa  tal-misteru ta’ dik li hija il-“Mara l-Ġdida”,  bħal għan b’saħħtu ta’ purezza u ta’ rispett, bħal raġuni qawwija biex jassikura lill-mara nisranija, u lin-nisa kollha, il-promozzjoni umana u l-iżvilupp spiritwali li jippermettulhom li jaraw lilhom infushom fil-mudell uniku propju: Il-Verġni ta’ Nażżaret u ta’ Betlem, Ta’ Kana u tal-Kalvarju, Marija fil-ferħ tal-maternità, fin-niket tal-għaqda ma’ Kristu msallab, fil-ferħ tal-qawmien mill-imwiet tal-Iben, u issa fil-glorja, fejn hija l-ewwel frott u tama tal-umanità l-ġdida.

5. Għeżież ħuti u wliedi ta’ dan il-polu tal-Honduras li minnu tfaċċaw inizjattivi prezzjużi ta’ katekeżi u ta’ proklamazzjoni tal-Kelma biex iwasslu l-Vanġelu lill-iktar foqra u sempliċi lil min Ġesù  għarraf dan l-għerf li jiġi mill-Missier (cf. Lc 10, 21); irrid f’żewġ kelmiet niġbrilkom fil-qosor il-lezzjoni sublimit tal-Vanġelu ta’ Marija: il-Verġni hija Omm, il-Verġni hija Mudell.

Ma nistgħux nilqgħu pjanament il-Verġni bħala Omm bla ma nkunu umli u ubbidjenti għall-kelma tagħha li tindikalna lil Ġesù bħala Mgħallem tal-verità biex nisimgħuh u nsegwuh: “Agħmlu dak li jgħidilkom” din il-kelma kontinwament irripetuta minn Marija meta ġġorr fuq driegħha lil Binha u tindikahulna b’ħarsitha.

Hija trid tagħmilna parteċipi tal-istess bejatitudni tagħha talli emmnet (cf. Lq 1, 45), talli semgħet u wettqet il-kelma u r-rieda tal-Mulej (cf. Lq 8, 21). Tismà u tgħix il-Kelma! Hawn hu s-sigriet ta’ devozzjoni lejn il-Verġni li jippermettilna li nipparteċipaw pjenament minn imħabbitha materna sa ma hi tkun tistà tifforma lil Kristu f’kull wieħed u waħda minna.

Għalhekk għandna nwarrbu dak kollu li hu kuntrarju għall-Vanġelu: il-mibegħġda, il-vjolenza, l-inġustizzji, in-nuqqas ta’ xogħol, l-impożizzjoni ta’ idejoloġiji li jumiljaw d-dinjità tar-raġel u tal-mara, hemm bżonn ninkuraġġixxu dak kollu li hu skont ir-rieda tal-Missier li jinsab fis-smewwiet; il-karità, l-għajnuna ta’ xulxin, l-edukazzjoni fil-fidi, il-kultura, il-promozzjoni tal-foqra, ir-rispett ta’ kulħadd, b’mod speċjali ta’ dawk fil-bżonn, ta’ dawk li qegħdin ibatu, tal-emarġinati. Għaliex ma nistgħux insejħu biex nitolbu lill-Verġni bħala Omm waqt li nimmaltrattaw lill-ulied.

Il-Madonna min-naħa tagħha, fidila għall-kliem tat-testment tal-Mulej, tassikurakom dejjem imħabbitha materna, l-interċessjoni qawwija tagħha, il-preżenza tagħha fil-bżonnijiet kollha, is-sabar fid-diffikultajiet. Hi, il-“fqira tal-Mulej” (cf. Lumen Gentium, 55) tinsab qrib il-foqra, ta’ dawk li jbatu, billi ssostnihom u ssabbarhom bl-eżempju.

6. Marija hija Mudell. Mudell, qabel kollox, ta’ dawn il-virtujiet tejologali li huma karatteristiċi tan-nisrani: il-fidi, it-tama u l-imħabba (cf. Ivi 58). Mudell ta’ din il-perseveranza fidila fil-Vanġelu li tippermettilna nimxu magħha “il-pellegrinaġġ tal-fidi”. Mudell ta’ donazzjoni apostolika li tippermettilna nikkoperaw fl-espansjoni tal-Vanġelu u fit-tkabbir tal-Knisja (cf. Ivi 65). Mudell ta’ ħajja mpenjata għal Alla u l-bnedmin, għall-pjanijiet tas-salvazzjoni u l-fedelta tal-poplu tiegħu.

Meta nsejħulha bil-kliem tal-Anġlu u meta nerġgħu nimxu fit-talba tar-Rużarju  Mqaddes triqtha evanġelika, dejjem żommu quddiem għajnejkom il-mudell perfett tan-nisrani.

“Hawn hi Ommok”; il-Papa pellegrin itennilkom il-kliem ta’ Ġesù. Ilqgħuha ġo darkom: aċċettawha bħala Omm u Mudell. Hi tgħallimkom it-triqat tal-Vanġelu. Tgħarrafkom lil Kristu u tħobbu lill-Knisja, turikom il-mixja tal-ħajja; tinkuraġġikom fid-diffikultajiet. Fiha, il-Knisja u n-nisrani jsibu skop ta’ konsolazzjoni u tama, għaliex “issa tiddi quddiem il-Poplu ta’ Alla pellegrin bħala sinjal ta’ tama sikura u ta’ konsolazzjoni, sa meta jasal il-jum tal-Mulej” (cf. Lumen Gentium, 68).

B’din it-tama bħala sinjal ta’ mpenn filjali min-naħa ta’ kulħadd u bħala manifestazzjoni tal-fiduċja li qiegħdna f’Marija, Omm u Mudell, irrid immexxi lejn il-Verġni Sidtna din it-talba ta’ offerta tal-Popli kollha tal-Amerka Ċentrali li żort waqt dan il-vjaġġ apostoliku:

“Sliem, mimlija bil-grazzja, imbierka fost in-nisa, Omm Alla u ommna, Qaddisa Verġni Mrija.

Pellegrin fil-Pajjiżi tal-Amerka Ċentrali, nasal  f’dan is-santwarju ta’ Suyapa biex inqiegħed taħt il-protezzjoni tiegħek l-ulied kollha ta’ dawn in-Nazzjonijiet aħwa, waqt li nġedded l-istqarrija tal-fidi tagħna, it-tama bla tarf imqegħda mill-ġdid taħt il-protezzjoni tiegħek, l-imħabba filjali lejk, li l-istess Kristu ordnalna.

Aħna nemmnu li inti Omm Kristu, Alla magħmul bniedem, u Omm id-dixxipli ta’ Ġesù. Nittamaw li nippossiedu flimkien miegħek l-bejatitudni eterna li int tagħha int sinjal u antiċipu fit-Tlugħ glorjuż tiegħek fis-Sema. Inħobbuk għaliex inti Omm  ħanina, dejjem mimlija mogħdrija u ħanina, mimlija ħniena.

Nafdalek il-Pajjiżi kollha ta’ din l-isfera ġejografika. Agħmel li josservaw, bħala teżor l-iktar prezzjuż, il-fidi f’Ġesù Kristu, imħabba lejk, fedeltà lejn il-Knisja. Għinhom  jilħqu, permezz ta’ triq paċifika, it-tmiem ta’ tant inġustizzji, l-impenn favur dawk l-iktar batuti, ir-rispett u l-promozzjoni tad-dinjità umana u spiritwali ta’ wliedhom kollha.

Int li int Omm il-paċi, agħmel li jieqaf il-ġlied, li jispiċċaw għal dejjem l-odji, li ma jirrepetux ruħhom l-imwiet vjolenti. Int li int Omm ixxotta d-dmugħ ta’ dawk li jibku, ta’ dawk li tilfu l-għeżież tagħhom, tal-eżiljati u ta’ dawk li huma mbegħda minn djarhom; agħmel li dawk li jistgħu, jipprovdu l-ħobżna ta’ kuljum, il-kultura, xogħol xieraq.

Bierek ir-rgħajja tal-Knisja, is-saċerdoti, id-djakni, ir-reliġjużi rġiel u nisa, is-seminaristi, il-katekisti, il-lajċi appostli u delegati tal-Kelma. Li bix-xhieda tagħhom ta’ fidi u mħabba jkunu bennejja ta’ din il-Knisja li tagħha inti Omm.

Bierek il-familji, sabiex ikunu djar insara fejn hi rispettata l-ħajja li titwieled, il-fedeltà taż-żwieġ, l-edukazzjoni ntegrali tal-ulied, miftuħa għall-konsagrazzjoni lil Alla. Nafdalek il-valuri taż-żgħażagħ ta’ dawn il-popli; agħmel li jsibu fi Kristu l-mudell tad-donazzjoni ġeneruża lill-oħrajn; itmà fi qlubhom ix-xewqa ta’ konsagrazzjoni totali għas-servizz tal-Vanġelu.

F’din is-Sena Mqaddsa li sejrin niċċelebraw, agħti li dawk li tbegħdu d-don tal-konverżjoni; u lill-ulied il-Knisja kollha, il-grazzja tar-rikonċiljazzjoni; bi frott ta’ ġustizzja, ta’ fratellanza, ta’ solidarjetà.

Waqt li nġeddu d-donazzjoni tagħna lilek, Omm Mudell, irridu ninpenjaw ruħna, bħalma int impenjajt ruħek ma’ Alla, biex tkun fidila lejn il-Kelma li tagħti l-ħajja.

Irridu ngħaddu mid-dnub għall-grazzja, mill-iskjavitù għal-libertà vera fi Kristu, mill-inġustizzja li temarġina għall-ġustizzja li tagħmel denji, min-nuqqas ta’ sensibiltà għas-solidarjetà ma’ min ibati l-iktar, mill-mibegħda għall-imħabba, mill-gwerra, li tant qerda żergħet, għal paċi li ġġedded u tiffjorixxi l-artijiet tagħkom.

Sinjura tal-Amerka, Verġni fqira u sempliċi. Omm amabbli u twajba, int li int għan ta’ tama u ta’ konsolazzjoni, ejja imxi magħna, sabiex magħqudin nilħqu l-libertà vera fl-Ispirtu li għattiek bid-dell tiegħu; fi Kristu li twieled minn ġufek matern; fil-Missier li ħabbek u li għażlek bħala l-ewwel frott tal-umanità l-ġdida. Amen.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading