Ġwanni Pawlu II fil-Guatemala

Print Friendly, PDF & Email

VJAĠĠ APPOSTOLIKU Fil-PORTUGAL II, COSTA RICA, NICARAGUA I,
PANAMA, EL SALVADOR I, GUATEMALA I, HONDURAS, BELIZE, HAITI
ĊELEBRAZZJONI TAL-KELMA F’CAMPO DI MARTE
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Città di Guatemala de la Asunción (Guatemala), 7 ta’ Marzu 1983

Sinjur Kardinal,
maħbubin ħuti fl-iskopat, għeżież ħuti.

1. Kemm stennejt dan il-jum li fih pellegrin tal-paċi u tal-imħabba għall-Pajjiżi tal-Amerka Ċentrali, Belize u Haiti, nasal f’din il-belt storika ta’ Guatemala de la Asunción biex niċcelebra magħkom u għalikom l-Imqaddsa Ewkaristija, sinjal ta’ għaqda u rabta ta’ karità, li diġa se niiklu, bħala familja ta’ Alla, il-ġisem u d-demm tal-Mulej.

Irrid qabelxejn insellem lis-Sinjur Kardinal Arċisqof ta’ Guatemala u l-aħwa Isqfijiet ta’ dan il-Pajjiż maħbub. Insellem ukoll lilkom ilkoll b’imħabba profonda, propju għaliex naf li qegħdin tbatu. Inberikkom f’isem Alla u nitlob għal kulħadd id-doni ta’ paċi frott tal-ġustizzja li hija rradjazzjoni tal-imħabba, u ta’ ftehim li, waqt li jegħleb kull ostaklu li jifred, jagħmel minnkom familja ta’ aħwa veri u wlied Alla b’adozzjoni.

2. Ir-riflessjoni tiegħi, billi nsegwi l-Kelma li għadna kemm smajna, tiċċentra ruħha fuq il-fidi: din il-fidi li mingħajrha – huwa mpossibbli li nkunu apprezzati minn Alla (cf. Eb 11, 6); din il-fidi li ċċaqlaq il-muntanji (cf. Mt 17, 20); din il-fidi kapaċi li twettaq il-mirakli (cf. Mt 15, 21); din il-fidi li twassal għall-bejatitudni (cf. Lq 6, 20-22); din il-fidi bidu tas-salvazzjoni: “Min jemmen u jitgħammed isalva (Mk 16, 16); din il-fidi, fl-aħħarnett, li hija r-ruħ tal-popli latino-Amerikani u dawl li llumina d-destini tagħhom tal-iskoperta, il-konkwista u l-indipendenza sal-ġenerazzjonijiet attwali; din il-fidi li għandha ttikom imbuttatura lejn l-imħabba u l-promozzjoni tal-bniedem.

Din tagħtilkom il-Knisja Omm u Għalliema, li temgħatha bil-ministeru tal-Papiet, suċċessuri ta’ Pietru, bl-isforz kontinwu tal-Isqfijiet żelanti tagħkom, bl-azzjoni ġeneruża tas-saċerdoti tagħkom, bl-abnegazzjoni ta’ mijiet ta’ reliġjużi rġiel u nisa, katekisti, delegati tal-Kelma u missirijiet ta’ familja li – bil-ġiri ‘l hawn u ‘l hinni ma’ xtut, widien u muntanji – għallmukom temmnu u magħkom ipprofessaw il-fidi fil-Missier, fl-Iben u fl-Ispirtu Santu waqt li b’dan il-mod wettqu l-mandat tal-Mulej: “Morru fid-dinja kollha u xandru l-Bxara t-Tajba lill-ħolqien kollu (Mk 16, 15).

3. Din il-fidi hija, fl-ewwel post, fidi fil-Missier, regalatur ta’ kull ġid u ħallieq ta’ dak li jeżisti, dak li jistà kollox, jaf kollox u kollox jara. Alla ħanin li jrid li lkoll insalvaw u naslu għall-għarfien tal-verità (cf. 1 Tm 2 ,4): li ma jridx il-mewt tal-midneb, imma li jikkonverti u jgħix (cf.  33, 11), imma li jagħti lil kull wieħed u waħda skont l-opri tagħna (cf. Mt 25, 31-46) u li lilu jixraq kull unur u glorja (cf. Eb 13, 21).

Fidi fl-Iben, ikkonċeput bl-opra tal-Ispirtu Santu, li għalina l-bnedmin u għas-salvazzjoni tagħna niżel mis-sema u sar bniedem fil-ġuf tal-Verġni Marija, kif nistqarru fil-Kredu, li għadda mid-dinja jagħmel il-ġid (cf. At 10, 38), li ġietu ħniena mill-folol (cf. Mt 9, 36), li xandar sollennement il-kmandament tal-imħabba (cf. Ġw 15, 12), li bena l-Knisja fuq Pietru (cf. Mt 16, 18), li b’mewtu fuq is-Salib fdiena billi fetħilna l-bibien tal-ħajja eterna, u li, b’qawmienu mill-imwiet b’qawwietu, telà bħala l-ewwel wieħed ta’ dawk li kienu mietu, fis-smewwiet (cf. Kol 1, 18), minn fejn bagħat l-Ispirtu Santu li kien wegħdna (cf. Lq 24, 49).

Fidi fl-Ispirtu Santu li naduraw mal-Missier u mal-Iben (cf. Kredu), li jgħallimna l-ħwejjeġ kollha (cf. Ġw 14, 26), li jgħammar fl-erwieħ fil-grazzja bħal f’tempju (cf. 1 Kor 3, 16), u li aħna nniktu bid-dnubiet (cf. Ef 4, 30), li huwa r-ruħ glorjuża tal-Knisja.

4. Imma l-fidi tagħna għandha testendi ruħha għall-Knisja, waħda, qaddisa, kattolika u apostolika bħalma nistqarru fil-Kredu. Knisja li Kristu jibni fuq il-blata ta’ dak Pietru (cf. Mt 16, 18) li tiegħu jien l-umli suċċessur – u l-Papa se jkun sa tmiem is-sekli (cf. Mt 28, 20 ) –, Knisja li tagħha Kristu jagħżel l-appostli: “Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom (Ġw 15, 16); li tgħallimna b’awtorità f’isem Ġesù: “Min jismà lilkom jismà lili (Lq 10, 16); li rċeviet il-poter li taħfer id-dnubiet: “”Lil min taħfrulu dnubietu jkunu maħfura u lil min izzommuhomlu jkunu miżmuma” ( Ġw 20, 23); u li magħha “Kristu se jkun dejjem, biex iwettaqha fil-verità: “Jiena magħkom il-jiem kollha sa tmiem id-dinja” (Mt 28, 20).

Hemm bżonn li tħobbu dejjem din il-Knisja li, bl-isforz tal-aħjar uliedha, tikkontribwixxi tant biex tifforma l-personalità tagħkom u l-libertà; li kienet preżenti fil-ġrajjiet l-iktar glorjużi tal-istorja tagħkom; li kienet u għadha tkun, maġembkom meta tidħaqilkom ix-xorti jew jagħfaskom in-niket; li ppruvat tisħaq l-injoranza billi titfà, permezz tal-iskejjel tagħha, tal-kulleġġi u l-universitajiet tagħha, id-dawl tal-edukazzjoni fuq il-moħħ u l-qalb ta’ wliedha; li għolliet, u tkompli tgħolli, leħinha biex tikkundanna l-inġustizzji, biex tiddenunzja abbużi kontra l-iktar foqra u umli  mhux f’isem idejoloġiji – ta’ kwalunkwe sinjal – imma f’isem Kristu, tal-Vanġelu tiegħu, tal-messaġġ tiegħu ta’ mħabba u ta’ paċi, ta’ ġustizzja, ta’ verità u libertà.

Ħobbu lill-Knisja għaliex hija tistedinkom dejjem biex tipprattikaw it-tajjeb u tobogħdu d-dnub; biex tirrinunzjaw kull vizzju u korruzzjoni biex tgħixu b’mod qaddis; biex tagħmlu minn Kristu, triq, verità u ħajja, il-mudell komplut tal-imġieba tagħkom personali u soċjali; biex issegwu t-toroq ta’ ġustizzja ikbar u rispett tad-drittijiet tal-bniedem; biex tgħixu iktar ta’ aħwa milli ta’ avversarji  .

5. Din il-fidi u din l-imħabba lill-Knisja għandhom juru l-fertilità fil-ħajja: għandhom jittraduċu ruħhom f’’opri.

Dan huwa t-tagħlim ta’ Ġesù Kristu: “Mhux kulmin jgħidli Mulej, Mulej, jidħol fis-Saltna tas-smewwiet, imma dak li jagħmel r-rieda ta’ Missieri li huwa fis-smewwiet (Mt 7, 21). Għadna kemm smajna lill-Appostlu Ġakbu: il-fidi, mingħajr opri, hija mejta. X’jiswa li wieħed jgħid li għandu l-fidi, jekk ma jurihiex fl-għemil tiegħu? Il-bniedem huwa ġġustifikat għall-opri u mhux biss għall-fidi (cf. Ġk 2, 14).

Il-fidi tgħallimna li l-bniedem huwa xbiha u xebħ ta’ Alla (cf. Ġen 1, 27): dan ifisser li huwa ddotat b’dinjità immensa u li meta dak li jkun joffendi lill-bniedem, meta jiksrulu d-drittijiet tiegħu, meta jikkommettu kontrih inġustizzji flagranti , meta jissottomettuh għal torturi, meta jagħmlulu vjolenza bis-sekwestru jew jiksrulu d-dritt tiegħu għall-ħajja, ikunu jikkommettu delitt u offiża gravissma lil Alla. F’dak il-waqt Kristu jerġà jgħaddi t-triq tal-passjoni u jbati l-orruri tat-tislib fil-vittma u fil-maħqur.

Bnedmin tal-pożizzjonijiet u l-idejoloġiji kollha li qegħdin tisimgħuni: agħtu widen tat-talba li sejjer nagħmlilkom, isimgħuha għaliex ġejja mill-profind tal-fidi tiegħi, tal-fiduċja tiegħi u ta’ mħabbti għall-bniedem li qiegħed ibati, isimgħuha għaliex ġejja f’isem Kristu. Ftakru li kull bniedem huwa ħukom u nbidlu f’difensuri rispettużi tad-dinjità tiegħu. U ‘l fuq minn kwalunkwè differenza soċjali, politika, idejoloġika, razzjali u reliġjuża, tkun dejjem assikurata, l-ewwel u qabel kollox, il-ħajja ta’ ħukom, ta’ kull bniedem.

6. Niftakru, madankollu, li nistgħu noqtlu lil ħuna naqra naqra, jum wara jum, meta ninpedulu l-aċċess għall-ġid li Alla ħalaq għall-benefiċċju ta’ kulħadd u mhux biss għall-profitt tal-ftit. Din il-promozzjoni umana hija parti ntegrali tal-evanġelizzazzjoni u tal-fidi.

Il-predeċessur tiegħi Pawlu VI, fl-eżortazzjoni apostolika   Evangelii Nuntiandi (n. 31), tkellem b’ċarezza estrema f’dan ir-rigward: “Bejn evanġelizzazzjoni u promozzjoni umana – żvilupp, liberazzjoni – jeżisti rbit effettivament strett ħafna. Irbit ta’ ordni antropoloġika, għaliex il-bniedem li hemm bżonn nevanġelizzaw mhuwiex esseri astratt, imma esseri suġġett għall-problemi soċjali u ekonomiċi. Irbit ta’ ordni tejoloġiku, ladarba mhux possibbli li tiddiżassoċja l-pjan tal-ħolqien mill-pjan tar-redenzjoni, li jasal sa sitwazzjonijiet tassew konkreti ta’ inġustizzja li hemm bżonn li tkun restawrata. Irbit ta’ ordni prinċipalment evanġeliku, bħal dik tal-karità; effettivament, kif jistà wieħed ixandar il-kmandament il-ġdid, mingħajr ma jippromwovi, permezz tal-ġustizzja u l-paċi, it-tkabbir awtentiku tal-bniedem? Mhux possibbli li wieħed jaċċetta li l-opra ta’ evanġelizzazzjoni tistà jew għandha tinsa qwestjonijiet estremament gravi, tant attwali llum, li jirrigwardaw il-ġustizzja, il-liberazzjoni,, l-iżvilupp u l-paċi fid-dinja. Jekk dan iseħħ, ikun injorament tad-duttrina tal-Vanġelu dwar l-imħabba tal-proxxmu li jbati jew li jinsab fil-bżonn” (Pawlu VI, Evangelii Nuntiandi, 31).

Għalhekk inħeġġiġkom biex titilqu b’dehra ċara u kuraġġ tal-fidi biex tipprattikaw il-karità, b’mod speċjali ma’ dawk li l-iktar għandhom bżonn jew dawk li ma jistgħux ikunu biżżejjed fiihom infushom bħall-anzjani, l-invalidi, is-sottonormali, il-vittmi okkażjonali tal-elementi; u, ma’ dawk li jistgħu jkunu biżżejjed fihom infushom, iżżommu rapport ta’ rispett u ta’ ġustizzja.

Nistieden bil-qalb lir-responsabbli tal-popli, b’mod speċjali dawk li jħossu fihom il-fjamma tal-fidi nisranija, biex jimpenjaw ruħhom b’mod deċiż, b’meżżi pronti u effikaċi, sabiex ir-riżorsi tal-ġustizzja jaslu sas-setturi l-iktar indifiżi tas-soċjetà. Li jkunu dawn l-ewwel li jibbenifikaw mid-difiżi xierqa tal-liġi.

Biex ikunu evitati kwalunkwè estremiżmi u nikkonsolidaw paċi awtentika mhemm xejn aħjar milli nirrestitwixxu d-dinjità lil dawk li jbatu l-inġustizzja, id-disprezz u l-miżerja.

7. Il-fidi fi Kristu, li tobligana biex inħobbu lil Alla u lill-bniedem bħala ħuna, tgħallimna biex naraw lil dan tal-aħħar fil-profondità kollha tal-valur traxxendentali tiegħu. Hemm bżonn mela li tkun il-fidi li tagħti l-impuls biex naħdmu favur il-promozzjoni ntegrali tal-bniedem billi nitilqu minn identità ċara tal-kondizzjoni propja ta wlied Alla u tal-Knisja, bla ma nippermettu li noskuraw din il-viżjoni u bla ma nirrikorru għal premessi idejoloġiċi li huma kuntrarji għaliha.

Dan huwa s-substrat tat-tagħlim soċjali tal-Knisja. In-nisrani għandu jorjenta ruħu mal-applikazzjoni fidila tiegħu bħala triq konkreta lejn is-soluzzjoni ta’ tant problemi li jweġġgħu lis-soċjetà tagħna. Biex isir dan ikun meħtieġ li nifirxu tali tagħlim u niffurmaw sewwa lil dawk li jipproponuh b’fedeltà. Hekk inkunu nipprovdu servizz kbir lill-bniedem tallum għaliex fih se jsib l-istimulu biex iqajjem mill-ġdid il-kuxjenzi, jippromwovi ġustizzja ikbar, iwettaq komunikazzjoni ikbar ta’ ġid, jiffavorixxi aċċess iktar ġeneralizzat għall-benefiċċji tal-kultura u, b’dan il-mod, jikkonsolida konvivenza iktar paċifika.

Dan huwa aspett li fuqu l-Knisja tkompli tinsisti biex issaħħaħ “il-pronċipji tal-ġustizzja u l-ugwaljanza mitluba mir-raġuni umana retta u validi kemm għall-ħajja individwali jew soċjali kif ukoll għall-ħajja internazzjonali (Gaudium et Spes, 63). Hawn jibqà qasam vast miftuħ għall-inizjattiva ġeneruża ta’ Isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi rġiel u nisa u ta’ dawk – irġiel u nisa – li jfittxu b’rieda tajba li jirrendu aħjar lill-bniedem. Hawn isibu ispirazzjoni governanti, leġislaturi, imprendituri, negozjanti, industrijalisti, bdiewa, ħaddiema, biex joħolqu, b’urġenza, klima ta’ ġustizzja fis-soċjetà ċentroamerikana u Gwatemalteka. Hekk jiġu kkanċellati b’mod definittiv feriti sekolari u tkun irrestawrata l-armonija soċjali fi klima ta’ żvilupp li – skont Pawlu VI – hija l-isem il-ġdid tal-paċi u l-esiġenza irrinunċjabbli tal-fidi.

8. Għeżież ħuti, jalla l-fidi f’Ġesù Kristu tiddi f’ħajjitkom bħax-xemx fl-ilmijiet tal-ibħra tagħkom, fuq il-bokok tal-vulkani tal-għaġeb tagħkom, fuq il-ġwienaħ tal-“quetzales” veloċi tagħkom.

Jalla din il-fidi nisranija, glorja tan-Nazzjon tagħkom, ruħ tal-poplu tagħkom u ta’ dawk Ċentro amerikani turi ruħha f’atteġġjamenti prattiċi definiti sewwa, b’mod speċjali lejn l-iktar foqra, dgħajfa u umli ta’ ħutkom.

Din il-fidi għandha twassal għall-ġustizzja u l-paċi. Biżżejjed bid-divorzju bejn fidi u ħajja. Jekk naċċettaw lil Kristu, inwettqu l-opri ta’ Kristu, ejjew inġibu ruħna ta’ aħwa, ejjew nimxu għal għonq it-toroq tal-Vanġelu. Ejjew nitolbu f’din l-Ewkaristija, sors ta’ grazzja u ta’ fidi, li Kristu jgħallimna tassew triqatu, toroq ta’ mħabba issagrifikata għall-oħrajn, ta’ profondità ta’ ħajja u tama li lejha tistedinna biex nimxu l-Knisja bl-eżempju ta’ Kristu, b’mod partikolari f’dan iż-żmien tar-Randan li fih ninsabu.

Jalla Santa Marija tal-Assunzjoni, tiksbilkom il-grazzja mingħand Binha biex tkunu fidili għal dan il-programm, u tkun dejjem gwida, ħajja, ħlewwa u tama tagħna. Hekk ikun.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading