Ġwanni Pawlu II f’San Salvador

Print Friendly, PDF & Email

VJAĠĠ APPOSTOLIKU FIL-PORTUGAL II, COSTA RICA, NICARAGUA I,
PANAMA, EL SALVADOR I, GUATEMALA I, HONDURAS, BELIZE, HAITI
QUDDIESA FIL-«METRO CENTRO» TA’ SAN SALVADOR
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
San Salvador, 6 ta’ Marzu 1983

Għeżież ħuti fl-Episkopat,
għeżież ħuti.

1. Ninsabu miġbura f’dan iċ-Ċentru metropolitan biex niċċelebraw l-Ewkaristija tal-jum tal-Mulej, fit-tielet Ħadd tar-Randan. Insellem b’imħabba lilkom ilkoll, u lill-Knisja kollha ta’ Kristu li miexja lejn il-Missier, f’Salvador u b’mod speċjali lir-Ragħaj ta’ din l-arċidijoċesi maħbuba u lil ħutna l-Isqfijiet l-oħra.

Din il-Knisja li, magħquda mal-aħwa kollha fil-fidi tal-Amerka Ċentrali, tingħaqad mal-Papa madwar l-Altar tal-Mulej, tiġi biex tfittex fih l-għerq tal-għaqda tagħha, tal-ħajja u t-tama tagħha, is-sors tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni.

Ladarba n-nisrani jemmen fit-trijonf tal-ħajja fuq il-mewt, il-Knisja, komunità paskwali tal-Irxoxt, tipproklama bla ma taqtà lid-dinja: “Tfittxux fost il-mejtin lil dak li huwa ħaj” (Lq 24, 5). Minħabba dan hija ssib fih, fi Kristu, is-sigriet tat-tama tagħha. Fih, li huwa l-“Prinċep tal-paċi ( 9, 5), li qered il-ħitan tal-mibegħda u permezz tas-Salib tiegħu irrikonċilja l-popli mifrudin (cf. Ef 2, 16)2. L-għaqda interna tagħna – meta l-umanità ġiet feruta mid-dnub – tqallbet. Waqt li tbegħdet mill-ħbiberija ma’ Alla, il-qalb tal-bniedem saret post ta’ torturi, qasam ta’ tensjonjiet u battalji. Minn din il-qalb maqsuma jiġu l-isfortuni tas-soċjetà u tad-dinja. Din id-dinja, xenarju għall-iżvilupp tal-bniedem u tal-imħabba, issofri l-kontaminazzjoni tal-“misteru ta’ inġustizzja” (cf. Gaudium et Spes, 103; cf. 2 Ts 2, 7).

Il-bniedem maħluq xbiha u xebħ ta’ Alla, b’vokazzjoni traxxendentali ċara ta’ riċerka ta’ Alla u ta’ rapport fratern mal-oħrajn, huwa ttorturat u maqsum fih innifsu, u jitbiegħed minn sħabu l-bnedmin. U madankollu l-pjan oriġinarju ta’ Alla mhuwiex li l-bniedem ikun maqsum, lupu għall-bniedem, imma ħuh. Il-pjan ta’ Alla ma jirrivelax id-djalettika tan-nuqqas ta’ ftehim, imma dik tal-imħabba li tirrendi kollox ġdid. Imħabba maħruġa minn din il-blata spiritwali li hija Kristu, kif jindikalna t-test tal-epistola ta’ din il-Quddiesa (cf. 1 Kor 10, 4).

3. Li kieku Alla abbandunana għall-forzi tagħna biss, hekk limitati u nkonsistenti, ma kien ikollna ebda skop biex nittamaw li l-umanità tgħix bħala familja waħda, bħala bint tal-istess Missier. Imma Alla avviċinana darba għal dejjem ma’ Ġesù: fis-Salib tiegħu nisperimentaw r-rebħa tal-ħajja fuq il-mewt, tal-imħabba fuq il-mibegħda. Is-Salib simbolu tal-mistħija ta’ telfa qarsa, jittrasforma ruħu f’sors ta’ ħajja.

Mis-Salib tnixxi f’dilluvji l-imħabba tal-Alla li jaħfer u jirrikonċilja. Bid-demm ta’ Kristu nistgħu negħlbu l-ħażin bit-tajjeb. Il-ħażin li jippenetra fil-qlub u fl-istrutturi soċjali. Il-ħażin tal-firda fost il-bnedmin, li żerà d-dinja bl-oqbra bil-gwerer, b’dan il-garigor terribbli ta’ mibegħda mudlama u bla sens, li teqred u ġġib fix-xejn.

Kemm familji meqruda! Kemm rifuġjati, eżiljati u mkeċċija! Kemm tfal iltiema! Kemm ħajjiet nobbli u innoċenti meqruda! Saħansitra ta’ saċerdoti, ta’ reliġjużi rġiel u nisa, ta’ qaddejja fidili tal-Knisja, u wkoll Ragħaj żeluż u meqjum, Arċisqof ta’ din il-merħla, Monsinjur Oscar Romero, li pprova, flimkien ma’ ħutu l-oħra fl-Episkopat, li jwaqqaf il-vjolenza u li iva jirristabilixxi l-paċi. Waqt li nfakkru, nitlob li t-tifkira tiegħu tkun dejjem rispettata u li ebda interess idejoloġiku ma jipprova jistrumentalizza s-sagrifiċċju tiegħu ta’ Ragħaj issagrifikat għall-merħla tiegħu.

Is-Salib ifarrak il-ħajt tal-firda: il-mibegħda. Il-bniedem ifittex spiss argumenti biex jittrankwillizza l-kuxjenza tiegħu, li takkużah bl-azzjonijiet ħżiena tiegħu. U kultant jasal li jgħolli l-mibegħda sal-punt li jħawwadha man-nobiltà ta’ kawża; sal-punt li jidentifikaha ma att li kapaċi jirrestawra l-imħabba. Kristu jfejjaq sal-għerq il-qalb tal-bniedem. Imħabbtu tippurifikana u tiftħilna għajnejna sabiex inkunu nistgħu niddistingwu bejn dak li jiġi minn Alla u dak li jiġi mill-passjonijiet tagħna.

4. Il-maħfra ta’ Kristu tinbet bħas-sebħ il-ġdid ta’ għodwa ġdida. Din hija l-art il-ġdida, “tajba u spazjuża” li lejha Alla qiegħed isejħilna, bħalma l-ewwel qrajna mill-Ktieb tal-Esodu  (Es 3, 8). Din l-art li fiha għandha tgħib l-oppressjoni tal-mibegħda biex tħalli l-post għas-sentimenti nsara: “Ilbsu mela s-sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar. Stabru b’xulxin u, jekk xiħadd minnkom ikollu xi jgħid ma’ ħaddieħor, aħfru lil xulxin bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll” (Kol 3, 12-13).

L-imħabba feddejja ta’ Kristu ma tippermettilniex li ningħalqu fil-kalzri tal-egoiżmu li jċaħħad id-djalogu awtentiku, ma jagħrafx id-drittijiet tal-oħrajn u jikklassifikom fil-kategorija tal-għedewwa li jrid jikkumbatti. Hekk esprimejt ruħi fl-aħħar messaġġ tiegħi għall-Jum il-Paċi, fl-istedina biex negħlbu l-ostakli li jopponu d-djalogu: “Għal raġuni ikbar hemm bżonn li niżmaskeraw il-gidba tattika u approvata li tabbuża bil-lingwaġġ, tirrikorri għall-forom iktar sofistikati ta’ propaganda, timpedixxi d-djalogu u tħarrax l-aggressività. Fl-aħħarnett, meta xi partijiet fil-kawża jkunu mitmugħa minn idejoloġiji li, minkejja d-dikjarazzjoni tagħhom, jopponu għad-dinjità tal-persuna umana,, għall-aspirazzjonijiet ġusti tagħha, skont il-proposti b’saħhithom tar-raġuni, tal-liġi naturali u eterna – idejoloġiji li jaraw fil-ġlied il-mutur tal-istorja, fis-saħħa s-sors tad-dritt, fil-klassifikazzjoni tal-għadu l-abċ tal politika – id-djalogu jirriżulta diffiċli u sterili” (Ġwanni Pawlu II, Nuntius scripto datus ob diem ad pacem fovendam toto orbe terrarum Calendis Ianuariis a. 1983 celebrandum, 7, 8 dicembre 1982Insegnamenti di Giovanni Paolo II, V/3 [1982] 1548).

Id-djalogu li titlobna l-Knisja mhuwiex waqfien tattiku biex insaħħu l-pożizzjonijiet bil-ħsieb tat-tkomplija tal-ġlied, imma  l-isforz sinċier li nwieġbu, bir-riċerka ta’ soluzzjonijiet opportuni , għad-diqa ta’ qalb, għad-dulur, għax-xogħol iebes, għall-għejja ta’ dawk kollha li jixxenqu għall-paċi. Ta’ dawk kollha li jridu jgħixu,  jerġgħu jitwieldu mill-irmied, jerġgħu jsibu s-sħana tat-tbissima tat-tfal, ‘il bogħod fl-aħħar mit-terrur u fi klima ta’ konvivenza demokratika.

5. Il-katina terribbli ta’ rejazzjoni, propja tad-djalettika ħabib-għadu. Tiġi mdawla mill-Kelma ta’ Alla li titlob li nħobbu wkoll lill-għedewwa, u li naħfrulhom. Huwa urġenti li ngħaddu mill-isfiduċja u l-aggressività għar-rispett, għall-qbil, fi klima li tippermetti l-konsiderazzjoni lejali u oġgettiva tas-sitwazzjonijiet u r-riċerka prudenti tar-rimedji. Ir-rimedju huwa r-rikonċiljazzjoni, li għaliha ħeggiġt fl-ittra diretta tiegħi lill-episkopat ta’ dan il-Pajjiż (cf. Eiusdem, Epistula ad Episcopos salvatorianos, 6 agosto 1982Insegnamenti di Giovanni Paolo II, V/3 [1982] 179).

L-imħabba ta’ Alla ma tabbanduna qatt, sakemm ikun hemm Pellegrini fl-istorja. Hija biss l-egħbusija tal-bniedem issikkat mit-taqtigħa bla kwartieri li libbes lilu nnifsu bid-determiniżmu u bil-fataliżmu: allura jemmen b’mod żbaljat li ħadd ma jistà jbiddel, linqas jikonverti u li s-sitwazzjonijiet huma ordnati lejn deterjorament irrimedjabbli.

Hawn hu l-waqt li nisimgħu l-istedina tal-Vanġelu ta’ dan il-Ħadd: “Jekk ma tikkonvertux, ilkoll tintilfu bl-istess mod (Lq 13, 3. 5). Iva, nikkonvertu u nibdlu mġibitna, ladarba – kif smajna fis-Salm responsorjali: “Jaħwè jagħmel opri ta’ ġustizzja u jirregala d-dritt lill-maħqurin” (Sal 103, 6). Minħabba dan in-nisrani jaf li l-midimbin kollha jistgħu jkunu mifdija; u l-għani – trankwill, inġust, kuntent fil-pussess egoistiku ta’ ġidu – jistà u għandu jibdel l-atteġġjament; li min idur għat-terroriżmu, jista u għandu jinbidel; li min għandu mibegħda u odju, jistà u għandu jinħeles minn tali skjavitù; li l-konflitti jistgħu jiġu megħluba; li fejn isaltan il-lingwaġġ tal-armi fil-ġlieda, tistà u għandha ssaltan l-imħabba, fattur irrinunċjabbli tal-paċi.

6. Fil-kliem ta’ konverżjoni bħala triq lejn il-paċi, ma nawgurax paċi artifiċjali li taħbi l-problemi u tinjora l-mekkaniżmi korrotti li jkun hemm bżonn li jiġu sistemati mill-ġdid. Hemm bżonn ta’ paċi vera, fil-ġustizzja, fl-għarfien integru tad-drittijiet tal-persuna umana. Din hija paċi għal kulħadd, tal-etajiet kollha, kondizzjonijiet, gruppi, provenjenza, opinjonijiet politiċi. Ħadd ma  għandu jkun eskluż mid-djalogu għall-paċi.

Kulħadd u kull wieħed u waħda fl-Amerka Ċentrali, f’dan in-Nazzjon nobbli li jiddandan imkabbar bl-isem tas-Salvatur; kollha u kull wieħed u waħda fil-Ġwatemala u fin-Nikaragwa, l-Honduras, il-Costa Rica u l-Panama, il-Beliza u Haiti; kulħadd u kull wieħed u waħda, mexxejja u mmexxija, abitanti tal-bliet, pajjiżi u rħula; kulħadd u kull wieħed u waħda, dawk li jħaddmu u li jaħdmu, għalliema u studenti, ilkoll għandhom id-dmir li jkunu operaturi tal-paċi. Jalla jkun hemm il-paċi fost in-nies tagħkom. Jalla l-fruntieri ma jkunux postijiet ta’ tensjoni, imma dirgħajn miftuħa ta’ rikonciljazzjoni.

7. Huwa urġenti li nidfnu l-vjolenza li għamlet tant vittmi f’dan u f’Nazzjonijiet oħra. Kif? B’konverżjoni vera lil Kristu. B’rikonċiljazzjoni li għandha l-ħila li tiffratella lil dawk kollha li llum huma mifruda permezz ta’ barrieri politiċi, soċjali, ekonomiċi u idejoloġiċi. B’mekkaniżmi u strumenti ta’ sehem awtentiku fil-qasam ekonomiku u soċjali, bil-possibiltà offruta lil kulħadd li jikseb aċċess għall-ġid tal-art, bil-possibiltà li jwettaq lilu nnifsu fix-xogħol; f’kelma waħda, bl-applikazzjoni tad-duttrina soċjali tal-Knisja. Huwa f’dan kollu li jinserixxi ruħu sforz validu u ġeneruż favur il-ġustizzja, li minnu wieħed ma jistà jwarrab qatt.

Dan kollu fi klima ta’ ċaħda tal-vjolenza. Id-Diskors tal-Muntanja huwa l-“Magna Carta” tan-nisrani: “Imberkin dawk li jaħdmu għall-paċi, għaliex jissejħu wlied Alla” (Mt 5, 9). Dan għandkom tkunu intom ilkoll:  Operaturi tal-paċi u tar-rikonċiljazzjoni, billi titolbuha lil Alla u billi taħdmu biex tiksbuha.  Se jkunu ta’ stimolu għal dan Is-Sena Mqaddsa straordinarja tar-Redenżjoni, li sejrin nibdew, u s-Sinodu li jmiss tal-Isqfijiet.

8. Għeżież ħuti. Nammira f’din il-folla ta’ fidili u f’dawk tal-Amerka Ċentrali kollha magħqudin magħna, riserva mmensa ta’ enerġiji għar-rikonċiljazzjoni u l-paċi. Intom, bid-dritt kollu, għatxana għall-paċi. Minn qlubkom u minn fommkom togħla għajta ta’ tama. Irridu l-paċi!

Kristu li joffri lilu nnifsu għad-dinja u li lejn il-misteru tiegħu ta’ rikonċiljazzjoni fuq is-Salib għandu jmexxina ż-żmien tar-Randan li fih ninsabu, huwa l-Ħaruf ta’ Alla li jagħti l-paċi. Itolbuha bil-forzi tagħkom kollha mingħand Kristu, Prinċep tal-paċi, għall-maħbuba art twelidkom, għall-Amerka Ċentrali kollha, għall-Amerka Latina kollha, għad-dinja kollha. Il-paċi tiġi mingħand Kristu, u hija tħaddina awtentika ta’ aħwa fir-rikonċiljazzjoni.

Jalla Marija, Sultana tal-paċi u Omm komuni, tħaddan lil uliedha kollha f’tgħanniqa ta’ qbil u ta’ tama. Amen.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading