Ġwanni Pawlu II fi tmiem is-VI Assemblea Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet

Print Friendly, PDF & Email

KONĊELERAZZJONI EWKARISTIKA SOLENNI GĦALL-
KONKLUŻJONI TAS-VI ASSEMBLEA ĠENERALI TAS-SINODU TAL-ISQFIJIET
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Is-Sibt, 29 ta’ Ottubru 1983

Meqjumin ħuti.

1.“Misericordias Domini in aeternum cantabo” (Sal 89, 2).

Fi tmiem dan is-Sinodu li rana miġbura flimkien biex nirriflettu dwar “rikonċiljazzjoni u penitenza fil-missjoni tal-Knisja”, is-sentiment li jitlà spontanju minn qlubna ma jistax ikun għajr ta’ tifħir u ta’ rikonoxxenza għat-tjubija nfinita tal-Mulej “li jirrivela l-omnipotenza tiegħu b’mod speċjali bil-ħniena u l-maħfra” (cf. Collect. Dominicae XXVI per annum).

Dan huwa sentiment li nesprimu b’mod profondament konxju tad-dgħufijiet personali tagħna, barra minn dawk tal-fidili afdati għall-attenzjonijiet pastorali tagħna. Jistà jkun li ma nmorrux ‘il bogħod mill-verità jekk fl-istess diffkultajiet u tensjonijiet li ħarġu tul il-kors tad-diskussjonijiet, il-manifestazzjoni ta’ dak li għandu jkun rikonċiljat u mfejjaq fil-Ġisem ekkleżjali, permezz tal-penitenza għad-dnubiet tagħna u għal dawk tal-bnedmin kollha. Għaliex ir-Rgħajja iġorru t-tbatijiet u l-ġrieħi tal-merħla tagħhom, ukoll bla ma jintebħu: il-grazzja tas-Sinodu hija li nistgħu nagħtu isem lil dawn it-tbatijiet u ġrieħi, biex nirċievu fejqan u salvazzjoni, biex nagħmlu penitenza permezz tal-grazzja tar-rikonċiljazzjoni. Fid-diskussjonijiet tagħhom, is-Santi Padri sinodali għexu dak li għandu jikkostitwixxi oġġett ta’ penitenza, dak li tiegħu huwa meħtieg li jiksbu mingħand Alla l-maħfra.

Imqanqla minn tali konoxxenza, iktar minn darba tul is-sessjonijiet tas-Sinodu, reġgħet feġġet l-idea li nimmanifestaw b’mod estern permezz ta’ att komunitarju ta’ penitenza, dak li kkostitwixxa it-tema tax-xogħlijiet tagħna tul il-korsa tal-ġimgħat li għaddew. Tali att penitenzjali inkiseb fil-Via Crucis għall-għeluq tas-Sinodu. Permezz tal-meditazzjoni tal-Passjoni ta’ Kristu dħalna fil-kurrent tas-Sena tar-Redenzjoni, li qiegħda turi ruħha fil-Knejjes individwali. F’Ruma niltaqgħu magħha fil-parroċċi, fil-Bażiliki ndividwali tal-belt, u b’mod partikolari f’San Pietru.

Nizzi ħajr lil ħuti kollha fl-Episkopat li, flimkien miegħi, fetħu l-Ġublew tar-Redenzjoni tal-25 ta’ Marzu u li fid-dijoċesijiet jippresiedu għat-twettiq tiegħu. Nizzi ħajr ukoll lil dawk li f’din is-Sena jiġu Ruma. In-numru tal-pellegrini, b’mod partikolari tul l-aħħar xhur, żdied b’mot notevoli. Huwa ta’ konsolazzjoni wkoll il-fatt li bosta persuni qegħdin jersqu għas-sagrament tal-Penitenza. Nieħdu ħsieb ukoll sabiex in-numru tal-konfessuri jkun suffiċjenti.

L-idea tal-Ġublew straordinarju b’rabta mal-1950° anniversarju tar-Redenzjoni  twieldet relattivament tard. L-ewwel aħbar kienet ippubblikata biss f’Novembru tas-sena li għaddiet, matul il-laqgħa plenarja tal-Kardinali. Minkejja l-preparattivi pjuttost modesti l-inizjattiva sabet – kif jidher – interess ħaj. Donnha li din tikkorrispondi għal bżonn maħsus bil-kbir. Dan il-bżonn jikkonċentra ruħu madwar il-Misteru tar-Redenzjoni bħala sors tar-rikonċiljazzjoni u tal-penitenza fil-Knisja u fid-dinja kontemporanja. U bla dubju jirrifletti ruħu fiha l-inkwiet li jikkumpanja l-bniedem tat-tieni millenju li qed joqrob lejn tmiemu.

2. L-idea tas-Sena tar-Redenzjoni ġiet wara d-deċiżjoni li nsejħu s-Sinodu dwar it-tema: “Rikonċiljazzjoni u penitenza fil-missjoni tal-Knisja”. Fl-istess ħin huwa diffiċli li ma nosservawx li dawn iż-żewġ inizjattivi jikkumplimentaw lil xulxin b’mod partikolari. Il-laqgħa tagħhom għandha tkun meqjusa bħala ċirkustanza providenzjali. B’dan il-mod is-Sinodu jiġi f’ċertu sens minn dak li, fis-Sena tar-Redenzjoni, tfittex li tgħix il-Knisja, u fl-istess ħin il-Ġublew straordinarju jsib fix-xogħlijiet tas-Sinodu approfondiment tejoloġiku u pastorali partikolari  .

Nixtieq nizzi ħajr għal dan, b’mod partikolari, lill-Providenza divina. Fl-istess ħin irrid nizzi ħajr lilkom, għeżież ħuti u lill-Episkopat kollu tal-Knisja. Dan diġa għamiltu fil-jum tal-inawgurazzjoni tas-Sinodu, illum mill-ġdid għal darb’oħra ntennih, fil-waqt tal-għeluq tiegħu. Nizzi ħajr għaliex ħsibijietna u t-tħassib tagħna ikkonċentraw ruħhom madwar din il-kawża kbira: “Rikonċiljazzjoni u penitenza”. Min-naħa tiegħi ħassejt bżonn profond li niffaċċja din il-problema, għal kollox vitali għall-istess eżistenza nisranija. Dan ukoll urejtu b’mod partikolari fl-enċiklika Dives in Misericordia, li s-siltiet ewlenin tagħha huma ddedikati għall-problema tal-“metanoia”, jiġifieri tal-penitenza bħala konverżjoni, anzi konverżjoni kontinwa lejn Alla. Ir-rikonċiljazzjoni hija frott ta’ din il-konverżjoni: kemm ir-rikonċiljazzjoni ma’ Alla kif ukoll ir-rikonċiljazzjoni mal-bnedmin bħala aħwa.

B’dan il-mod il-penitenza (“metànoia”) u r-rikonċiljazzjoni jirrivelaw ruħhom bħala dimensjoni – anzi d-dimensjoni fundamentali – tal-eżistenza kollha nisranija. Is-Sinodu dwar “rikonċiljazzjoni u penitenza” għandu mela mportanza, qabel kollox, eżistenzjali. Fih inmissu, sa ċertu punt, l-għeruq ta’ li tkun  nisrani fid-dinja kontemporanja. Minn dan il-punt di vista għandha tkun mottiv ta’ nkwiet il- kriżi tal-penitenza fil-forom differenti tagħha.  Dan jolqot ukoll il-penitenza bħala kumpless iddeterminat ta’ mġibiet sintomatiċi fit-tradizzjoni kollha tal-Poplu ta’ Alla, kemm tal-patt il-qadim kif ukoll dak ġdid.

It-trinomju “sawm-karità-talb” – flimkien ma’ forom ta’ penitenza ta’ kuljum oħra, impost mill-ħajja jew magħżula b’mod volontarju – dan it-trinomju jesprimi mhux biss xi azzjonijiet (opri ta’ penitenza), imma jixhed ukoll referenza vitali lil Alla fl-istess mod tal-eżistenza tal-bniedem li jemmen. Referenza mgħaddsa fil-“metanoia”. Il-konverżjoni lejn Alla, li nduru lejh, tidher mhux biss bit-talb, imma wkoll permezz tat-“twarrib” u tal-“qtugħ” mill-krejaturi (sawm), speċjalment minħabba li huma jimpedixxu l-għaqda ma’ Alla. U b’mod parallelu ma’ dan isegwi l-ftuħ tal-bniedem lejn l-oħrajn (il-karità).

L-inkwiet pastorali tagħna jirrigwarda l-istess atteġġjamenti nterni li wieħed jinnota fost l-insara, speċjalment f’xi ċrieki, ambjenti u soċjetajiet. Fihom nieqsa d-dmensjoni tal-penitenza. Il-proċedura normali tas-sagrament tal-Penitenza mhijiex problema separata. Din issib l-għeruq tagħha – jew inkella ma ssibhomx – propju f’dan il-mod fundamentali tal-eżistenza tal-bniedem, meta tasallu s-sejħa ta’ Kristu li tidwi sa mill-ewwel kliem tal-Vanġelu: “Ikkonvertu-poenitemini”.

Hawn hu l-inkwiet li, billi mċedu għall-kurrent tal-bdil, għandna biex ninqatgħu minn dak l-atteġġjament ta’ penitenza, u wkoll minn dik il-proċedura “penitenzjali” tal-ħajja nisranija, darba waħda detteljament definiti, mingħajr ma rnexxielna nintroduċu minflokha proċedura ġdida iktar rispondenti għall-bżonnijiet u l-possibiltajiet tal-epoka tagħna, u fl-istess ħin, espressiva u enerġetika biżżejjed. Fi kliem ieħor: hemm it-tħassib li f’dan il-qasam, hekk fundamentali għall-eżistenza kollha nisranija, il-“metànoia-penitenza”, ma tissugrax li tasal għal vojt “sui generis”, għal nuqqas. Dan in-nuqqas, li kieku kellu verament jimponi ruħu, jirrigwarda l-“misteru” ntegrali tal-ħajja nisranija u wara juri ruħu fil-mod tat-trattament tal-ħajja sagramentali, b’mod partikolari s-sagramenti tal-Penitenza u tal-Ewkaristija. Diġa fl-enċiklika Redemptor Hominis fittixt li niġbed l-attenzjoni dwar dan il-punt.

3. Dan huwa preċiżament it-tħassib tagħna – insostni it-tħassib komuni tagħna – li sab il-wirja tiegħu fis-Sinodu tal-Isqfijiet 1983. Dan huwa preċiżament it-tħassib – naħseb it-tħassib komuni tagħna – li sab il-wiri tiegħu fis-Sinodu tal-Isqfijiet 1983. Flimkien miegħu, deher it-tieni tħassib marbut mas-sinifikat multiplu tal-espressjoni “rikonċiljazzjoni” mhux biss fil-lingwaġġ reliġjuż tal-Bibbja, imma wkoll fit-terminoloġija lajka.

Għal dak li għandu x’jaqsam mad-dinja kontemporanja, aħna xhieda tal-kuntrasti li qegħdin jikbru fiha u tal-konflitti minaċċjużi fuq skala differenti. Dawn jgħajtu b’leħen għoli favur ir-rikonċiljazzjoni – b’leħen għoli għaliex qiegħda ssir dejjem iktar ċara l-elokwenza tad-diżastri u tal-katakliżmi li bihom dawn il-kuntrasti li qegħdin jikbru qegħdin jheddu lill-umanità.

Fl-interventi tagħkom esprimejtu inkwiet ħaj għall-paċi fid-dinja. Is-sitwazzjoni nternazzjonali hija nkwetanti u jien ukoll ninsab inkwetat profondament. Il-Knisja hemm bżonn li taħdem b’kull mezz għad-dispożizzjoni tagħha biex tevita l-perikli li jheddu s-sigurta tad-dinja u tħeġġeg lil dawk responsabbli tan-Nazzjonijiet biex jindirizzaw ruħhom b’mod riżolut fid-direzzjonijiet li jwasslu għal paċi garantita u stabbli.

Nhar il-Ħamis jien indirizzajt messaġġ personali lill-Presidenti tal-Istati Umiti  u tas-Soviet Suprem tal-Unjoni Sovjetika, billi tlabthom biex ma jżommux lura minn negozjati, bħala mezz uniku biex jirranġaw id-differenzi jew il-konflitti ta’ interess u jwaqqfu l-korsa tal-armamenti, li tant qegħdin  iżommu f’tant tħassib lill-umanità kontemporanja. Il-Knisja għandha f’dan il-qasam il-kuxjenza akuta u ma tieqafx tħabbar il-messaġġ tal-ġustizzja u tal-paċi skont il-bżonnijiet u tad-theddida tad-dinja kontemporanja. Dan qegħdin jagħmluh kemm l-Isqof ta’ Ruma kif ukoll l-Isqfijiet individwali, is-Sedja Apostolika kif ukoll l-Episkopati ndividwali la darba jagħrfu dan il-kapitlu tal-predikazzjoni u l-attività tagħhom bħala parti mill-evanġelizzazzjoni.

Quddiem is-Sinodu din il-problema reġgħet ippreżentat ruħha f’dawl ġdid: din tikkostitwixxi parti ntegrali tar-“rikonċiljazzjoni u tal-penitenza”, ta’ dik il-“metanoeite” li hija, sa ċertu punt, l-ewwel kelma tal-Vanġelu. Jekk wieħed jistà u għandu jitkellem f’sens analoġiku ta’ dnub soċjali, u wkoll ta’ “dnub strutturali” – ladarba id-dnub huwa propjament att tal-persuna – għalina, ladarba Rgħajja u tejoloġi, titnissel il-problema li ġejja: liema penitenza u liema rikonċiljazzjoni soċjali għandhom jikkorrispondu għal dan id-dnub “analoġiku”.

Is-Sinodu aċċetta u ddefenixxa biss din il-problema b’konnessjoni mas-sejħa evanġelika. Infatti it-triq għal superament radikali tad-dnub – f’kull speċi, f’kull qies – hija dik evanġelika, imsejħa “metanoia”: it-triq tar-rikonċiljazzjoni permezz tal-penitenza, jiġifieri l-konverżjoni.

4. Donnu li ż-żewġ problem definiti jikkostitwixxu l-elementi tal-katekeżi penitenzjali kontemporanja tal-Knisja. Il-katekeżi penitenzjali hija fl-istess ħin tħejjija għas-sagrament tal-Penitenza. Hemm bżonn li aħna, fil-Knisja kontemporanja, nħejju ruħna għas-sagrament tal-Penitenza skont il-katekeżi tal-penitenza integrata b’mod adegwat. Fl-istess ħin għandna dejjem ikollna quddiem għajnejna il-karattru profondament personali ta’ dan is-Sagrament, li ma jeskludi bl-ebda mod d-dimensjoni soċjali tad-dnub u tal-penitenza.

Għandu wkoll ikollna quddiem għajnejna l-pożizzjoni ċentrali tiegħu fl-ekonomija sħiħa tal-opra tas-salvazzjoni, ir-rabta partikolari tiegħu mal-misteru paskwali ta’ Kristu u tal-Knisja. Infatti – immedjatament wara l-passjoni u l-mewt, fil-jum stess tal-qawmien mill-imwiet tiegħu – fl-okkażjoni tal-ewwel żjara lill-Appostli miġburin fiċ-ċenaklu, Ġesù Kristu ppronunzja dan il-kliem: “Irċievu l-Ispirtu Santu, lil min taħfrulu d-dnubiet ikunu maħfura, u lil min ma taħfruhomlux  dawn jibqgħu mhux maħfurin” (Ġw 20, 22-23). L-importanza ta’ dan il-kliem u ta’ din il-ġrajja huwa tali li jixraqlu jkun imqiegħed maġemb l-importanza tal-istess Ewkaristija.

Matul is-Sinodu tkellimna ħafna dwar is-sagrament tal-Penitenza fil-Knisja tal-perjodu post-konċiljari, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet miġbura fl-Ordo Poenitentiae. Dawn l-ilħna kollha kienu kkaratterizzati mill-għarfien li konna qegħdin inmissu kwistjoni tassew profonda. Mhemm fina ebda xewqa oħra, jekk mhux dik li mwettqu r-rieda tal-Mulej  tagħna, li ttrażmettielna u afdalna b’mod partikolari dan is-Sagrament għall-ġid tal-Knisja u għas salvazzjoni tal-bniedem. Din ix-xewqa intweriet fl-istadji kollha tad-diskussjoni u fl-ahhar esprimiet ruħha fil-“proposti” tas-Sinodu  .

Il-ħin qasir għad-dispożizzjoni ma jippermettix li nieqfu iktar fuq il-kwistjonijiet differenti ffaċċjati fl-assemblea sinodali dwar “il-penitenza u r-rikonċiljazzjoni”, kemm fl-aspett duttrinali kif ukoll fl-applikazzjonijiet għas-sitwazzjonijiet speċifiċi. Dawn se jsibu approfondiment adegwat fid-dokument li fih, bil-għajnuna ta’ Alla, se tkun milqugħa r-rikkezza ta’ elementi li ħarġu fis-Sinodu.

5. Il-ġrajja ekkleżjali li llum tasal fi tmiemha kienet imħejjija b’attenzjoni partikolari f’dak li jolqot it-tematika importanti tagħha. Lil dawk kollha li ħadu sehem b’mod partikolarment attiv nixtieq nesprimi ir-ringrazzjament mill-qalb tiegħi. Hija ħaġa għażiża għalija, għal dan il-għan, li niftakar b’mod espliċitu lit-tliet Kardinali Presidenti delegati: ir-Relatur Kardinal Carlo Maria Martini, lis-Segretarju ġenerali Monsinjur Jozef Tomko u lis Segretarju speċjali, Patri José Saraiva Martins. Ħsiebi jitwessa biex iħaddan ukoll lill-Auditores et Auditrices u l-kummissjonijiet, kumitati u servizzi differenti. Kollha ħadmu b’impenn kbir, u jimmeritaw tifħir u rikonoxxenza. U rtkonoxxenza tmur ukoll lil dawk li bit-talb sostnew it-taħbit u l-impenn tas-Santi Padri sinodali.

Fit-tħejjija enfasizzat ukoll ruħha riflessjoni fuq l-istess Sinodu tal-Isqfijiet bħala tali, dwar il-mod tajjeb u possibilment iktar effiċjenti tal-operat tiegħu, dwar  il-possibiltajiet ta’ bidliet u ta’ titjib fil-proċedura tiegħu. Dawn il-problemi kollha ġew ippreżentati mis-Segretarju ġenerali tas-Sinodu fid-diskors introduttiv tiegħu, Pass ġdid kien ukoll id-diskors tal-Isqof Javier Lozano Barragán, li ppermettilna naraw, fid-dimensjoni tal-Pajjiżi ndividwali fil-partijiet differenti tad-dinja, dak li nistgħu nsejħulu l-“attwazzjoni! Mogħtija lis-sessjoni preċedenti tas-Sinodu tas-sena 1980 dwar it-tema taż-żwieġ u tal-familja fil-missjoni tal-Knisja.

Min-naħa tiegħi nixtieq nizzi ħajr b’mod partikolari għal dawn l-inizjattivi kollha. Is-Sinodu tal-Isqfijiet, li l-Knisja wirtet mill-Konċilju Vatikan II, huwa verament ġid kbir. Minn dan aħna dejjem iktar konvinti, kull sessjoni twettaqna f’din il-konvinzjoni. Nemmen li f’dan il-kliem qiegħed nesprimi l-ħsieb komuni, imma fuq kollox nixtieq nesprimi dak tiegħi.

Is-Sinodu tal-Isqfijiet huwa wirja partikolarment prezzjuża tal-kolleġġjolità episkopali tal-Knisja, u strument tagħha effikaċi b’mod partikolari. Forsi dan l-istrument jistà jkompli jkun imtejjeb. Jistà jkun li r-responsabiltà pastorali kolleġġjali tistà tesprimi ruħha fis-Sinodu b’mod iktar sħiħ. Madankollu, ta’ min jinnota li, fil-forma li fiha jeżisti u jopera attwalment (fis-sena tal-Mulej 1983) huwa jirrendi lill-Knisja servizz enormi. Dan is-servizz huwa mportanti mill-punt di vista tal-Knisja, tal-awtorejalizzazzjoni tagħha. Huwa mportanti mill-pumt di vista tal-ministeru pastorali, tal-ministeru appuntu kolleġġjali.

L-istruttura tas-Sinodu tippermettilna lkoll li niksbu, fi żmien realattivament qasir, xbiha sintetika u fl-istess  ħin suffiċjentement differenzjata ta’ problema deċiżiva (“voir”) u nisiltu konklużjonijiet (“juger”), importanti għall-azzjoni tal-Knisja (“agir”). Is-Sinodu huwa – wieħed jistà jgħid – mezz umli, u fl-istess ħin effikaċi biżżejjed. Jekk b’mod formali jegħleb il-karattru konsultattiv tax-xogħlijiet tiegħu, ikun diffiċli li wieħed ma jintebaħx b’liema qies dawn il-“konsulenzi” ikollhom fl-istess ħin piż ekkleżjali importanti. Huwa mela ferm iktar important li d-dokumenti, li jidhru wara s-Sinodu, jirriflettu l-ħsieb komuni tal-assemblea sinodali u tal-Papa li jippresiedi fuqha ex ufficio.

F’dan l-ispirtu nixtieq illum, meqjuma u għeżież ħuti, ngħid lil kull wieħed minnkom u flimkien lil kulħadd, kemm b’mod għoli napprezza l-komunjoni sinodali tal-aħħar erbà ġimghat tagħna. L-imħabba tal-Knisja tesiġi li din Ommna tkun magħrufa dejjem aħjar, ladarba fuq din it-triq nistgħu nservuha b’mod dejjem iktar effikaċi! Minn dan il-punt di vista l-esperjenza sinodali, il-possibiltà li niltaqgħu mal-Isqfijiet tad-dinja kollha, il-possibiltà li nisimgħu tant opinjonijiet kompetenti, hija għalija ċirkustanza partikolarment prezzjuża u important. Grazzi lilha nistà nifhem dejjem iktar fil-fond il-Knisja li Kristu l-Mulej afda lilna lkoll, meta afdaha lill-Appostli u lil Pietru.

L-esperjenza ferrieħa u fraterna migħuxa fi ħdan din il-komunità sinodali twassal b’mod spontanju għal ħsieb ta’ tifkira lejn uħud minn ħutna fl-Episkopat li – minkejja x-xewqa u l-interess tagħhom tas-Sedja Apostolika – ma kellhomx il-possibiltà li jsibu ruħhom fostna. In-nuqqas tar-rappreżentanti tagħhom ċaħħdet lill-Episkopati tal-Litwanja, tal-Lettonja u tal-Laos li jkollhom sehem dirett f’din il-ġrajja mportanti tal-Knisja kattolika. L-Episkopat taċ-Ċekoslovakkja, barra minn dan, setà jkun preżenti biss b’żewġ rappreżentanti nominati. Din l-assemblea sinodali b’dan il-mod sfat imċaħhda mill-kontributi li setgħu jitwasslu minn dawn ħutna dwar ir-realtà pastorali tal-Pajjiżi tagħhom.

6. Il-komunità sinodali dejjem għandha fiha xi ħaġa minn dik l-ewwel laqgħa tal-Appostli madwar Omm Kristu fl-istennija tal-miġja tal-Ispirtu Santu f’jum Għid il-Ħamsin. Jalla li din il-komunità sinodali tagħna, miġbura madwar  ir-“rikonċiljazzjoni u l-penitenza”, immarkata mill-kanonizzazzjoni ta’ San Leopoldo Mandić, qaddej kbir tal-konfessjonarju, tħejji l-Knisja, bl-opra ta’ Omm Kristu, biex tirċievi l-Ispirtu Santu: Spirtu tal-konverżjoni u Spirtu tal-paċi.

Bħall-Appostli fiċ-ċenaklu, hekk ukoll aħna ningħaqdu f’talb żelanti ma’ Omm Kristu u Omm il-Knisja, Ejjew inħossu bżonn partikolari tal-interċessjoni tagħha fir-rigward ta’ dawn il-problemi iktar profondi tad-dimensjoni tal-kuxjenzi umani u fl-istess ħin tal-problemi li jiżnu fuq l-orizzont tal-familja umana kollha bħala piż doloruż ta’ żminijietna.

Fil-Knisja ta’ Kristu biss, bl-interċessjoni ta’ Ommu, dan il-piż jistà jsir “ħelu u ħafif”. Jistà jistrieħ fuq spalliet il-bniedem, bħala l-piż tas-salvazzjoni u s-sinjal tat-tama.

miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading