Knisja Sinodali f’Missjoni

Print Friendly, PDF & Email

Riflessjoni dwar ir-rapport sommarju tal-1 sessjoni tas-XVI-il Assemblea tas-Sinodu tal-Isqfijiet

Fit-28 ta’ Ottubru 2023, intemmet l-ewwel sessjoni tas-sittax-il Assemblea tas-Sinodu tal-Isqfijiet li kienet ilha titlaqqa fl-Awla Pawlu VI fil-Vatikan mill-4 tal-istess xahar. Dakinhar kien ippublikat Rapport Sommarju ta’ madwar erbgħin paġna u miegħu ukoll ir-riżultat tal-votazzjoni mill-membri fuq kull wieħed mill-mitejn u tlieta u sebgħin paragrafu.

Ix-xena fl-Awla Pawlu VI matul Ottubru 2023

Nagħti hawn ftit ħsibijiet dwar dan is-suġġett, għax waqt il-qari tar-rapport nnifsu u wara l-eżami tar-riżultat tal-votazzjoni li kellhom il-parteċipanti fuq kull paragrafu, ftit ftit tibda tifforma stampa ċara ta’ dak li seħħ f’dawk il-laqgħat. It-temi differenti li dwarhom jirrapurtaw fid-dokument, jidħlu ħelu ħelu f’xulxin bħal f’jig-saw puzzle, sakemm flimkien jiffurmaw stampa waħda u kompleta. Dan huwa mudell perfett ta’ kif il-kariżmi, il-ħidmiet, il-gruppi u tant attivitajiet li hemm fil-komunità nisranija, għandhom flimkien jiffurmaw Knisja tassew sinodali bla ma kull waħda minnhom titlef l-identità partikulari tagħha. Bla ma ħadd minnhom jittanta jiċċentralizza kollox madwaru. Fejn ilkoll jibqgħu jiftakru li hija l-istampa sħiħa li turi tassew il-wiċċ ta’ Kristu.

L-istess kien ġara fl-ewwel komunità nisranija ta’ żmien l-Appostli, fejn Pawlu baqa’ Pawlu, u fejn Pietru baqa’ Pietru. Imma flimkien offrew lill-Knisja ta’ żmienhom u ta’ żmienna mudell ta’ unità fid-diversità. Minkejja li l-vjaġġi missjunarji tagħhom ħadu lil wieħed naħa u lill-ieħor in-naħa l-oħra, imma fil-martirju li t-tnejn sofrew għal Kristu ‘l barra mil-ħitan ta’ Ruma, huma taw xhieda tassew ta’ Knisja waħda fi vjaġġ wieħed.

Mhux biss frott id-diskussjoni

Minbarra daħla qasira u konklużjoni, id-dokument huwa mqassam fi tliet partijiet, għoxrin paragrafu b’kollox. L-ewwel taqsima hija dwar Il-Wiċċ Sinodali tal-Knisja, it-tieni fija ntitolata, Lkoll Dixxipli, Lkoll Missjunarji, waqt li l-aħħar parti tikkonċentra fuq dak li fit-titolu huwa deskritt bħala, Insiġ ta’ Rabtiet u Bini ta’ Komunitajiet.

Id-dokument li jġib l-isem, Knisja Sinodali f’Missjoni, u li ġie mogħti lill-Knisja universali kollha, ma kienx biss riżultat tad-diskussjonijiet li saru bejn il-partecipanti fl-awla sinodali.  Kif jiġri dejjem, f’kull laqgħa, mhux biss fi ħdan il-Knisja, l-esperjenzi li dawk preżenti jaqsmu informalment ma’ xulxin, bejn laqgħa u oħra, waqt li jkunu qed jieklu jew jieħdu xi kikkra kafè spiss iħallu wkoll impatt qawwi fuq bosta mill-membri. 

Jiena cert li waqt li l-isqfijiet u sħabhom l-oħra kienu jkunu għal waqfa bejn sessjoni u oħra, l-Ispirtu s-Santu ma kienx jieqaf għall-break huwa wkoll. Għalhekk minkejja l-limitazzjonijiet umani, ir-rapport tas-sinodu ma kienx ikun dak li għandna f’idejna llum minghajr it-tnebbiħ tiegħu. Huwa, li b’mod divin u misterjuż jaħdem fil-moħħ, fil-ħajja u fil-qalb ta’ kull bniedem, u dan minkejja t-tfixkil li aħna stess inqegħdulu, xorta jasal li jmexxi l-Knisja ta’ Kristu li tkompli fit-triq tal-missjoni mogħtija lilha mill-Imgħallem divin tagħha.

Meta taqra dan ir-rapport tintebaħ minnufih li kull min ħa sehem fis-sinodu, ma marx hemm b’idu f’idu, imma lkoll ġarrew magħhom l-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tal-popli rispettivi tagħhom u tal-Knejjes lokali li huma kienu jirrapreżentaw.

Kienet imbagħad fuq kollox il-ħolqa qawwija tat-talb li sieħbet lill-maġġoranza siekta li baqgħet id-dar ma’ dawk il-ftit mijiet miġbura f’Ruma. Mingħajr din l-għaqda ta’ talb, is-sinodu ma kienx ikun possibbli għaliex minflok mixja flimkien tal-ġisem kollu, kien ikun tpaċpiċ fil-vojt u ħela ta’ ħin, kif sfortunatament spiss jiġri f’diversi laqgħat li jkollna, anke fi ħdan il-Knisja. 

Minbarra dan kollu, ma setgħet qatt tonqos, tul il-proċess kollu, l-influwenza tas-sinjali taż-żmien partikolari li matulu kienet qed issir dik ir-riflessjoni fiċ-ċentru tal-Knisja Kattolika. Kif jaf kulħadd, fl-istess jiem li s-sinodu kien qed jitlaqqa f’Ruma, fost diversi popli kienu għaddejjin attroċitajiet li jwaħħxu; massakri ta’ trabi u anzjani, bumbardamenti ta’ blokkok ta’ binjiet bil-qtil indeskrivibbli ta’ familji sħaħ, il-qtil ta’ eluf ta’ persuni, il-biċċa l-kbira minnhom żgħażagħ li jridu u ma jridux kellhom iħallu lill-maħbubin tagħhom biex imorru fuq il-front tal-battalja u mnejn bosta qatt ma kienu ser jerġgħu lura.  

Mill-kumdità ta’ kamarti, mnejn qiegħed nikteb, ftakart fil-qtil tas-suldat Urija l-Ħitti, li s-sultan David kien bagħtu fuq il-front tal-battalja propju biex ikun maqtul. Minkejja li għaddew mijiet u eluf tas-snin, l-istorja tkompli tirrepeti ruħha. Tgħid lil ħadd minn dawk fis-sinodu ma ġiehom f’moħħhom is-suldat Urija l-Ħitti?  Huma stess kitbu fir-rapport tagħhom, biex bħallikieku anke dan jibqa’ mfakkar għall-posterità, kif din l-assemblea kienet qed titlaqqa fl-istess jiem li fid-dinja qed jinqalgħu gwerrer qodma u ġodda, bid-drama assurda ta’ għadd ta’ vittmi.   Semmew ukoll l-għajta tal-foqra u ta’ dawk li jkunu mġiegħla jemigraw, ta’ dawk li jsofru l-vjolenza jew isofru l-konsegwenzi devastanti tat-tibdil fil-klima.

Fuq kollox, dawn il-ħsibijiet ma tqanqlux fihom permezz biss tar-rapporti li rċevew mill-midja, iżda kien hemm ukoll minn fost il-membri, vuċijiet ta’ uħud li jew huma stess personalment jew il-familji tagħhom kellhom esperjenzi diretti ta’ dawn l-avvenimenti traġiċi.

Minn fejn ser nibdew?  U meta?

Matul il-ġimgħat ta’ wara l-publikazzjoni tar-rapport, jiena tkellimt ma’ numru ta’ persuni dwar dak li ħareġ mis-sinodu.  Ma għamilt ebda’ riċerka xjentifika, imma minn dawk li tkellimt magħhom, fosthom l-aktar saċerdoti, reliġjużi u operaturi pastorali lajċi, jidher ċar ħafna li bosta kienu għadhom la raw ir-rapport, u oħrajn bil-kemm kienu jafu li jeżisti.  Agħar minn hekk, deher ċar li ftit li xejn hemm ħeġġa li nippruvaw nibdew inwettqu xi ħaġa mill-proposti li għandna fih.  Għandna wisq x’nagħmlu! Minn fejn ser naqbdu nibdew?.  Oħrajn bl-iskuża li qed jistennew xi forma ta’ direzzjoni minn dawk ta’ fuqhom, jidhru li għalissa pposponew kull deċiżjoni. Drajna nwaħħlu f’dawk ta’ fuqna għat-tnikkir u n-nuqqas ta’ inizjattiva tagħna.

Il-problema li għandna, mhix kwestjoni ta’ ħafna xogħol jew nuqqas ta’ direzzjoni.  Id-direzzjonijiet ilhom snin jiġu mogħtija.  Imma hija kwestjoni ta’ attitudni żbaljata.  Hija problema ta’ nuqqas ta’ ħeġġa.  Huwa tant evidenti li l-ħuġġieġa li darba tkebbset fostna, ftit ftit saret ġamar, u llum qed nissugraw li tintefa għal kollox.

Il-parteċipanti nfushom jammettu fir-rapport tagħhom li l-kliem, sinodu u sinodalità għadu lanqas biss magħruf minn bosta membri tal-Poplu ta’ Alla.  F’oħrajn hemm biża sinċier li s-sinodalità tista’ twassal li tbegħdna mit-tradizzjoni, li ddgħajfilna l-ġerarkija.  Uħud sa waslu li publikament ikkritakaw il-fatt li numru ta’ persuni li mhumiex isqfijiet kienu msejjħa jieħdu sehem f’dan is-sinodu u kellhom saħansitra d-dritt li jivvutaw. Xi ħadd b’mod ironiku kiteb li minflok rgħajja kien hemm nagħaġ.  Bħallikieku dik li Kristu nnifsu kien spiss isejħilha merħla ċkejkna, kienet magħmula minn biss minn rgħajja!

Kultant ninsew li saħansitra l-ewwel konċilji tal-Knisja, kienu msejjħa minn imperaturi lajċi, f’każ minnhom minn imperatriċi.  

Forsi kultant ninsew li l-istess ġemgħa li ħamsin jum wara li Kristu tela’ s-sema kienet miġbura fiċ-ċenaklu ta’ Ġerusalemm u li fuqha kollha niżel l-Ispirtu s-Santu ma kienetx magħmula biss mit-tnax-il Appostli kif spiss konvenjentement nirreferu għal dik il-ġrajja, imma kif naqraw fl-Atti tal-Apposti, kienu b’kollox madwar mija u għoxrin ruħ, li saħansitra ftit qabel kellhom sehem fl-għażla ta’ dak li minflok Ġuda ħa postu mal-ħdax.  Fost dawk il-mija u għoxrin, li kienu jitolbu fiċ-ċenaklu kien hemm ukoll xi nisa u Marija omm Ġesù.

Bidla ta’ attitudni u mentalità

Għalhekk nemmen li l-ewwel pass li rridu nagħmlu huwa li nikkonvinċu lilna nfusna li s-sinodu mhux sempliċi ġrajja li tibda u tispiċċa, imma huwa proċess ta’ kif rridu nerġgħu nibdew inkunu Knisja. Is-sinodalità mhix kunċett li ħolom bih xi ħadd, imma attitudni ta’ poplu li huwa konvint li jrid jimxi flimkien it-triq tal-missjoni.

Fl-istess waqt irridu niftħu għajnejna li ma naqgħux fit-tentazzjoni taċ-ċentralizzazzjoni u l-awto-referenzjalità tagħna nfusna.  Sabiex ikunu Knisja waħda fi vjaġġ wieħed ma jfissirx li rridu naqbdu id f’id biex fejn imur wieħed, imorru l-oħrajn kollha.  Minkejja l-kariżmi differenti li l-Ispirtu żejjen bihom lill-Knisja tal-bidu,  xorta waħda baqgħu Knisja waħda.  Minkejja t-toroq  differenti li lkoll qabdu, kollha skont is-sejħa li Hu kien jagħtihom, xorta baqgħu lkoll fi vjaġġ wieħed.  Is-sinodalità mhix ċentralizzazzjoni.  Wara li nkunu konvinti minn dan nistgħu nimpenjaw ruħna bis-serjetà biex nibdew inwettqu l-proposti prattiċi li ħarġu mis-sinodu.  

Kif naqraw fir-rapport stess, is-sinodalità trid timxi id f’id mal-missjoni. Il-komunitajiet insara kollha, mhux dawk kattoliċi biss, iridu jaqsmu l-fraternità ma’ rġiel u nisa ta’ reliġjonijiet oħra, twemmin u kulturi oħra.

Issir ukoll referenza għal dik hekk imsejħa l-lingwa liturġika. Dwarha kienu bosta dawk li nsistew li din trid issir aktar aċċessibli għall-fidili u tkun inkorporata fid-diversità tal-kulturi.

Enfasi fir-rapport hija magħmula fuq il-foqra, b’referenza partikulari għall-għażla preferenzjali għall-foqra, li tfakkarna fis-snin ta’ wara l-Konċilju Ekumeniku Vatikan II.  Hawn jissemmew b’mod partikolari dawk imwarrba u mormija mis-soċjetà, il-migranti, il-popli indiġeni, il-vittmi tal-vjolenza u l-abbuż, (speċjalment in-nisa), ir-razziżmu, it-traffikar tal-persuni, anzjani abbandunati, ħaddiema sfruttati. 

Attenzjoni speċjali trid tkun mogħtija lit-tfal fil-ġuf u ommijiethom.  Forsi dawn waħedhom mhux diġà joffrulna programm mill-aktar vast għall-matul il-mixja tagħna bħala Knisja?  Forsi dan huwa xi xogħol ġdid li qed jippreżentalna quddiema dan is-sinodu, jew hija tfakkira qawwija għal dik il-missjoni li Kristu nnifsu talab mis-segwaċi tiegħu, kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni

Dwar lajċi u familji,  il-ħsieb huwa ċar u kategoriku. Kemm jekk nisa u kemm jekk irġiel, kemm persuni fil-ħajja kkonsagrati jew ministeri ordnati, dawn għandhom lkoll dinjità ugwali.  Hija dinjità li ġejja mill-Magħmudija, u kulħadd huwa msejjaħ għal ko-responsabbiltà differenzjata għall-missjoni komuni ta’ evanġelizzazzjoni.

Dawk li ħadu sehem fis-sinodu ttrattaw ukoll dwar il-klerikaliżmu li joriġina mill-fatt li nifhmu l-ministeri bħala bħala xi privileġġ minflok bħala sejħa għall-qadì.  Jgħiduna li l-klerikaliżmu, flimkien ma’ mentalità chauvinista u espressjonijiet mhux xierqa ta’ awtorità jkomplu jisfiguraw wiċċ il-Knisja u jagħmlu ħsara lill-komunjoni tagħha. Konverżjoni spiritwali profonda hija meħtieġa bħala l-pedament għal kull bidla strutturali effettiva.

Kien hemm opinjonijiet differenti dwar l-aċċess tan-nisa għad-djakonat permanenti.  Daqqa t’għajn ħafifa lejn ir-riżultat tal-votazzjoni fuq il-paragrafi relatati, turi mill-ewwel kif, għalkemm dawn kienu approvati, madankollu kellhom l-akbar numru ta’ voti kontrihom.  Minħabba f’hekk it-tema kienet meqjusa bħala materja li dwarha kienet meħtieġa aktar kunsiderazzjoni. Mill-banda l-oħra, fir-rapport xorta waħda nilmħu l-insistenza tal-parteċipanti sabiex ikun żgurat li n-nisa jkollhom parti fi proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u jkollhom rwoli ta’ responsabbiltà fil-kura pastorali u fil-ministeri.  Kienet għalhekk mitluba reviżjoni usa’ tal-Kodiċi tal-Liġi Kanonika.

Fuq id-djakni, is-sinodu jenfasizza li dawn huma msejħa biex jgħixu s-servizz tagħhom lill-Poplu ta’ Alla f’attitidni ta’ qrubija man-nies, ta’ merħba, ta’ smigħ lil kulħadd.  Anke hawn, il-periklu huwa l-klerikaliżmu.

Fil-kuntest lokali tagħna, spiss nifhmu d-djakonat bħala ministeru proviżorju, l-aħħar pass qabel l-ordinazzjoni presbiterali u li matulu, id-djaknu aktar jaqdi madwar l-artal milli fost il-poplu. Imma l-Assemblea Sinodali titkellem dwar djakonat fil-parroċċi, fl-evanġelizzazzjoni, fost dawk li jgħixu fil-faqar u li huma emarġinati, fid-dinja tal-kultura u tal-edukazzjoni, fil-missjoni ad gentes, fir-riċerka teoloġika, f’ċentri ta’ irtiri u postijiet ta’ tiġdid spiritwali, u ħafna oħrajn.

Konklużjoni

Mhux possibli li f’din il-kitba qasira wieħed isemmi t-temi kollha trattati fir-rapport.  Forsi bil-mod il-mod jkollna l-opportunità li nħarsu aktar fit-tul fuq uħud minnhom, Imma l-aħħar paragrafu li tatna l-Assemblea Sinodali, jiddeskrivi dawn l-erbgħin paġna bħala sempliċi żerriegħa żgħira, li allura trid tinbet, tikber u timmatura biex wara tħalli l-frott mixtieq.

Minn hawn, l-attenzjoni tagħna ma tmurx fuq Ottubru 2024, meta ser ikollna t-tieni sessjoni ta’ din is-sittax-il assemblea, għaliex il-ħidma li trid issir qabel dakinhar mhix waħda żgħira.  Lanqas hija ħidma li ser titwettaq biss mill-parteċipanti tas-sinodu u forsi dawk il-ftit ta’ madwarhom. Imma kif kien isir bejn sessjoni u oħra tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, l-akbar ħidma meħtieġ trid tkun fil-Knejjes lokali, bit-tkomplija tad-diskussjoni, b’aktar riflessjoni, b’ħafna dixxerniment u fuq kollox bit-talb.  

Ma naħsibx li hija kumbinazzjoni li s-sena dieħla taħbat ukoll l-aħħar sena ta’ tħejjija qabel il-Ġublew tal-2025: Pellegrini tat-Tama.  Il-Papa Franġisku nnifsu saħaq li din għanda tkun sinfonija kbira ta’ talb li matulha nirkupraw ix-xewqa li noqogħdu fil-preżenza tal-Mulej, nisimgħuh u nadurawh.

Dan huwa l-mod kif jiena u inti, li ma konniex Ruma fl-assemblea ta’ Ottubru 2023, nistgħu – anzi jinħtiġilna – nipparteċipaw lkoll f’din il-mixja, li ma tista’ qatt tkun sinodali tassew jekk xi ħadd minna jibqa’ barra.  Hemm bżonn li matul dawn il-ftit xhur li fadal, kemm dawk li kienu qed jiltaqgħu fil-Vatikan u kemm aħna li bqajna hawn, nipperswadu ruħna mill-ħtieġa li niġġeddu bis-serjetà.  Irridu lkoll flimkien ninpenjaw lilna nfusna biex inkunu tassew, Knisja Sinodali f’Missjoni.

Kitba ta’ Joe Farrugia
22 ta’ Novembru 2023

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading