Ġimgħa ta’ talb għall-għaqda fost l-Insara (2024)

Print Friendly, PDF & Email

ĠIMGĦA TA’ TALB
GĦALL-GĦAQDA FOST L-INSARA
18-25 ta’ Jannar 2024

“Għandek tħobb il-Mulej Alla tiegħek u lil għajrek bħalek innifsek” (Lq 10:27)
Kummissjoni Ekumenika Djoċesana, Kurja tal-Arċisqof, Floriana 2024

Il-Ġimgħa Ekumenika 2024

Il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara se ssir – kif iseħħ kull sena – bejn il-Ħamis 18 u l-Ħamis 25 ta’ Jannar. It-tema għal din is-sena hi “Għandek tħobb il-Mulej Alla tiegħek … u lil għajrek bħalek innifsek” (Lq 10:27). Din it-tema u l-materjal marbut magħha użat madwar id-dinja kollha tħejjew minn tim ekumeniku ġewwa l-pajjiż Afrikan ta’ Burkina Faso. Din il-ħidma ġiet iffaċilitata mill-komunità Chemin Neuf.

Aħwa Nsara mill-Arċidjoċesi Kattolika ta’ Ouagadougou, Knejjes Protestanti, gruppi ekumeniċi u l-komunità Chemin Neuf ta’ Burkina Faso ħadmu flimkien biex ħejjew it-talb u r-riflessjonijiet li se jkunu qed jintużaw matul il-Ġimgħa Ekumenika. Il-ħidma tagħhom flimkien kienet minnha nfisha esperjenza sinodali ta’ konverżjoni ekumenika. Fil-gżejjer tagħna ta’ Malta u Għawdex kellna l-istess esperjenza ekumenika meta flimkien ħejjejna l-materjal għall-Ġimgħa Ekumenika tas-sena 2020, li ċċelebrajna eżatt qabel ma faqqgħet il-pandemija tal-Coronavirus.

F’pajjiżna, il-Ġimgħa Ekumenika se tiftaħ permezz ta’ talb imħejji speċifikament għall-għaqda fost l-Insara waqt il-Quddiesa ċċelebrata fuq TVM mill-Kurja tal-Arċisqof nhar il-Ħamis 18 ta’ Jannar fid-9:30am.

Se jsir Servizz Ekumeniku Djoċesan nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Jannar 2024 fis-6:30pm f’Saint Andrew’s Scots’ Church, Triq Nofsinhar, il-Valletta. Monsinjur Arċisqof Charles Scicluna se jkun qed jipparteċipa. L-omelija se ssir minn Papas Nikos Gongadze tal-Eżarkatat Patrijarkali ta’ Melite li hija d-djoċesi Ortodossa f’Malta li taqa’ taħt il-Patrijarkat Ekumeniku ta’ Kostantinopli. Kulħadd huwa mistieden għal dan it-talb li jdum madwar siegħa. Wara jkun hemm riċeviment fis-Sala tal-Knisja tal-Iskoċċiżi.

Għall-grazzja t’Alla qed isiru bosta inizjattivi f’parroċċi, komunitajiet u gruppi differenti fl-Arċidjoċesi biex jikber l-għarfien dwar l-ekumeniżmu u l-missjoni tal-Knisja biex taħdem għall-għaqda ma’ Knejjes oħrajn.

Nieħu din l-opportunità biex inrodd ħajr lill-membri tal-Kummissjoni Ekumenika Djoċesana tas-sehem li jagħtu matulek ja sena u tal-appoġġ li jagħtuni biex l-Uffiċċju Ekumeniku tal-Arċidjoċesi jkun jista’ jiffunzjona tajjeb, minkejja nuqqas ta’ staff li uffiċċju bħal dan tant jeħtieġ. Nirringrazzjahom ukoll tal-materjal li huma kkontribwew għal dan il-ktejjeb li qed jitqassam b’mod diġitali biss. Sibna li jkun aħjar li, għat-tieni darba, dal-materjal jiġi ċċirkulat hekk.

Huwa dover ta’ kull Nisrani li jitlob għall-għaqda fost il-Knejjes mifrudin. Dan l-impenn ekumeniku huwa parti mill-missjoni tal-Knisja minn żmien il-Konċilju Vatikan II.

Mons. Prof. Hector Scerri

President

Kummissjoni Ekumenika

11 ta’ Jannar 2024

ĦSIEB GĦAL KULJUM

GĦAL MATUL IL-ĠIMGĦA EKUMENIKA

Imħejji minn Dr Patricia Camilleri

Il-Ħamis, 18 ta’ Jannar 2024

F’dan l-ewwel jum ta’ talb għall-Għaqda fost l-Insara, naraw kif kotra kbira mill-Galilija marret wara Ġesù u d-dixxipli tiegħu. X’kien li ġibidhom lejh, hekk li Ġesù beda jibża’ li se jagħfsu fuqu? Ġesù wriehom li kellu qalb, li l-inkwiet tagħhom kien ukoll tiegħu, li hu kien lest jagħmel xi ħaġa. Huwa ma dawwarx wiċċu quddiem il-bżonnijiet tagħhom imma fejjaqhom mill-mard kollu tagħhom. Ejjew nitolbu l-grazzja biex aħna wkoll inkunu sensittivi għall-ħtiġijiet tal-oħrajn u biex inkunu kapaċi ndewquhom imħabbitna fil-mumenti l-iktar tqal ta’ ħajjithom. Ejjew nitolbu għal ħutna minn Knejjes oħra li qegħdin ibatu.

Il-Ġimgħa, 19 ta’ Jannar 2024

Fl-Evanġelju tallum naraw lil Ġesù jagħżel lit-tnax. Min jaf fuq liema kriterji għażilhom… forsi min kien l-iktar b’saħħtu? Jew min kellu l-ikbar dgħajjes tas-sajd? Jew min kellu moħħu jilħaqlu l-iktar? Żgur li Ġesù għażilhom biex jagħmel minnhom irġiel skont qalbu, biex minnu jitgħallmu l-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu. Fil-ftit snin tagħhom miegħu, l-appostli għexu mal-Imħabba nfisha u rawha fil-prattika. Ejjew nitolbu biex aħna wkoll, flimkien ma’ ħutna l-Insara mxerrdin mad-dinja, nimxu tassew fuq il-passi ta’ Ġesù u nħallu l-imħabba ssuqna fil-mixja ta’ ħajjitna.

Is-Sibt, 20 ta’ Jannar 2024

Ġesù tilef moħħu. Hekk se naraw fl-Evanġelju tallum, it-tielet jum matul il-ġimgħa ta’ talb għall-Għaqda fost l-Insara. Il-kotra tiġri warajh il-ħin kollu, hu jfejjaq u jgħallem bla waqfien, u l-familjari jibżgħu li se jkun ta’ diżunur għalihom. L-imħabba ta’ Ġesù lejn l-oħrajn fil-mod li bih kien jgħix u jitkellem mhux biss ma tiftihemx imma saħansitra tqanqal il-biża’ fost ta’ ġewwa li ma ridux inkwiet mal-Kittieba u l-Fariżej. Illum nitolbu l-grazzja biex indawru ħarsitna lejn dawk li l-iktar li huma qrib tagħna u li magħhom l-iktar li nabbużaw fi kliemna u fl-aġir tagħna sabiex magħhom ukoll nuru ġesti u kliem ta’ mħabba.

Il-Ħadd, 21 ta’ Jannar 2024

Filwaqt li San Pawl jikteb lill-Korintin li ż-żmien qsar, fl-Evanġelju nsibu lil Ġesù li jmur il-Galilija u jxandar li ż-żmien huwa mitmum.  Għalfejn mitmum? Għax dehret l-Imħabba ta’ Alla fuq l-art, għax dak li kien imwiegħed sa mill-bidu kien qed ixandar il-kelma fost il-bnedmin. Matul din il-ġimgħa ta’ talb għall-Għaqda fost l-Insara, nitolbu l-grazzja li aħna wkoll inxandru bi kliemna u wisq iktar b’għemilna l-Imħabba li għexet fost il-bnedmin, l-Imħabba li ma tħarisx lejn id-differenzi imma li f’kull wieħed tara l-isbaħ u l-aħjar biex inkunu tassew ulied missierna tas-sema.

It-Tnejn, 22 ta’ Jannar 2024

Fil-festa ta’ San Publiju li qed niċċelebraw illum ma jistax ikollna eżempju aħjar tal-imħabba lejn għajrna. Imqanqal mill-ħniena u mill-imħabba, il-prinċep tal-gżira wera qalb kbira ma’ Pawlu u sħabu, nies barranin fi triqthom lejn Ruma biex isirilhom ħaqq. Dan l-att ta’ mħabba ta’ Publiju ma baqax mingħajr il-ħlas tiegħu għax Pawlu fejjaqlu lil missieru. Fl-Evanġelju nsibu wkoll kif se niġu ġġudikati fl-aħħar ta’ ħajjitna. La se niġu mistoqsija kemm għandna flus, la kemm għandna bini u lanqas kemm għandna kwalifiċi imma fuq kemm ħabbejna u ħennejna għal ta’ madwarna. Nitolbu l-grazzja biex fuq l-eżempju ta’ qabilna, aħna jkollna qalb miftuħa għal min jiġi bżonn l-għajnuna tagħna.

It-Tlieta, 23 ta’ Jannar 2024

Jekk l-imħabba tagħna lejna nfusna u lejn l-oħrajn faċli nuruha b’xi kelma jew għemil, jaf insibuha iktar diffiċli biex nuru tassew l-imħabba tagħna lejn Alla li la tidher fil-bews u ċ-ċapċip u lanqas fit-talb ħiereġ biss mill-fomm mingħajr ma jmiss il-qalb. Fl-Evanġelju tallum, Ġesù jurina mod prattiku kif nuru lil Alla l-imħabba tagħna: billi f’ħajjitna nagħmlu r-rieda tiegħu bħalma għamlet Marija meta laqgħet l-istedina li ssir omm Ibnu. Hija mħabba radikali għax titlob li aħna nħallu l-pjanijiet tagħna f’idejh iżda hija wkoll għażla li tagħmilna ta’ ġewwa miegħu. Imbagħad, f’għaqda sħiħa mal-Ħallieq, ħajjitna ssir fuklar ta’  mħabba għall-oħrajn. Ejjew illum ukoll nitolbu għall-għaqda fost l-Insara.

L-Erbgħa, 24 ta’ Jannar 2024

Issa li qed noqorbu lejn it-tmiem tal-ġimgħa ta’ talb għall-Għaqda fost l-Insara mibnija fuq it-tema ‘Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek’, naraw lil Ġesù jkellem lin-nies bil-parabboli. Bħalma għamel lit-Tnax, lilna wkoll Ġesù jispjegalna dak li ried ifisser bil-parabbola tal-bidwi li ħareġ jiżra’. Biex inħobbu tassew kemm lilna nfusna kif ukoll lill-oħrajn, irridu nkunu magħġuna fil-Kelma tiegħu li tibdel lil ħajjitna ta’ taħt fuq. Jekk il-kelma ta’ Ġesù tkun il-kejl ta’ ħajjitna, l-imħabba tagħna ssir waħda sinċiera, mimlija ħniena u mogħdrija. Ejjew nitolbu l-grazzja li l-kelma ssib fina art tajba sabiex tagħti l-frott f’ħajjitna u f’dik ta’ dawk ta’ madwarna. Ejjew nitolbu biex il-ħidma kollha għall-għaqda fost l-Insara issib art għammiela fis-smigħ tagħna tal-kelma t’Alla.

Il-Ħamis, 25 ta’ Jannar 2024

Illum tasal fi tmiemha il-ġimgħa ta’ talb għall-Għaqda fost l-Insara hekk kif aħna qed infakkru l-konverżjoni ta’ San Pawl, missierna fil-fidi. Fi triqtu lejn Damasku, dawl mis-sema idda fuq Sawl u biddillu l-għan li kellu f’ħajtu: dak li jaqbad l-irġiel u n-nisa kollha li jsib miexja fit-Triq tal-Mulej u jeħodhom marbuta Ġerusalemm. Ejjew niftakru llum f’ħutna l-Insara li huma ppersegwitati minħabba l-fidi tagħhom filwaqt li nitolbu l-grazzja li d-dawl tal-imħabba t’Alla jiddi fuq id-dinja u f’ qalb kull wieħed u waħda minna sabiex inkunu jistgħu ngħixu bħal aħwa magħqudin, ulied l-istess Missier.

TALB TA’ MAĦFRA – ATT PENITENZJALI

Imħejji minn Rev. Dr Aurelio Mulè Stagno S.D.B.

“Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, […] u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.” (Lq 10:27)

[kuntest tat-tema: Lq 10:25-37, parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb]

[Bħas-Samaritan it-Tajjeb,] int ġietek ħniena mill-bniedem, ferut mill-ħażen u d-dnub, u sirt bniedem bħalna biex tgħaqqadna u treġġagħna lejk: aħfer lilna, li ma tajniex biżżejjed każ ta’ ħuna fil-bżonn. Mulej, ħniena.

[Bħas-Samaritan it-Tajjeb,] int tbaxxejt, o Mulej, fuq l-umanità midruba u dewwejtilha l-ġrieħi tagħha bil-qawwa ta’ mħabbtek: aħfer lilna, li ma sirniex aħna stess proxxmu ta’ ħutna fil-bżonn. Kristu, ħniena.

Int li b’tant ħrara, qabel il-passjoni tiegħek, tlabt lill-Missier għall-għaqda sħiħa fost dawk li jemmnu fik: aħfer lilna, li ħallejna l-biża’ u l-pika jżommuna milli nersqu lejn ħutna, l-insara ta’ knejjes oħra, u milli nfittxu r-rikonċiljazzjoni. Mulej, ħniena.

INVOKAZZJONIJIET

GĦALL-ĠIMGĦA TA’ TALB

GĦALL-GĦAQDA TAL-INSARA

Imħejjija mis-Sj.ina Anna Caruana Colombo

Nitolbuk, Missier Qaddis, biex l-Insara, membri ta’ Knejjes mifrudin minn xulxin, jersqu aktar lejn xulxin biex jaħdmu għall-għaqda li Int trid tara bejniethom. Nitolbu.

Nitolbu, Mulej, biex nagħrfu napprezzaw id-doni ta’ ħutna Nsara ta’ diversi Knejjes oħrajn u nersqu aktar lejn l-għaqda fid-diversità ta’ bejnietna. Nitolbu.

Nitolbuk, Missier Qaddis, għal dawk kollha li tajthom il-missjoni fost il-Poplu tiegħek, biex jikkoordinaw il-ħafna ħidmiet biex jinġiebu ’l quddiem tant sforzi biex il-Knejjes mifrudin ifittxu dak li jgħaqqadhom. Nitolbu.

Nitolbu, Mulej, għall-grazzja li naħdmu flimkien ma’ ħutna Nsara ta’ Knejjes oħra biex nwasslu il-paċi kulfejn inkunu. Nitolbu.

Flimkien ma’ ħutna ta’ Knejjes oħra, fil-Ġimgħa ta’ talb għall-għaqda tal-Nsara, nitolbu Mulej, għall-popli li qed isofru il-ġuħ u il-faqar, biex tasal għandhom l-għajnuna li għandhom bżonn. Nitolbu.

Nitolbu, Mulej, flimkien ma’ ħutna ta’ Knejjes oħra għall-grazzja tal-kenn u l-ġustizzja għar-refuġjati. Nitolbu.

Nitolbu, Mulej, flimkien ma’ ħutna ta’ Knejjes oħra, biex nagħrfu naħdmu flimkien, u noħorġu u nersqu lejn in-nies li huma ’il bogħod minnek. Nitolbu.

Adorazzjoni

Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara 2024

Tema: Luqa 10: 25-37

Din l-adorazzjoni tħejjiet minn Dr Dorianne Buttigieg

Mulej Ġesù, aħna nadurawk f’dan is-Sagrament tal-Altar. Inti tassew preżenti fostna. Aħna nixtiequ nħobbuk aktar. Il-preżenza reali tiegħek timla l-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna.

Nirringrazzjawk li laqqajtna hawn illum, f’din il-ġimgħa hekk għażiża, ġimgħa fejn lilna terġa’ ġġeddilna r-responsabbiltà tagħna bħala nsara ma’ sħabna l-Insara l-oħra. Waħda mill-intenzjonijiet prinċipali tagħna llum hi li nitolbu għall-għaqda fost l-Insara. Ninġabru quddiemek bil-bagalja sħiħa tagħna, noffru lilna nfusna lilek f’dan il-mument hekk qaddis:

(Skiet ta’ ftit minuti)

Noffrulek il-preżenza tagħna bid-dgħjufijiet kollha tagħha:

  • bil-biżgħat minn dak li hu differenti
  • bil-mumenti ta’ qtigħ il-qalb minħabba diversi ċirkustanzi
  • bis-sitwazzjonijiet ta’ firdiet li aħna responsabbli jew kompliċi tagħhom.

(Skiet ta’ ftit mumenti)

Mulej,

Għinna biex aħna nitbattlu minn dak li qed itaqqalna biex nimtlew bil-preżenza tiegħek.  Hija preżenza li lilna tiftaħna, u mhux tagħlaqna, għal dawk ta’ madwarna.

(Skiet ta’ ftit mumenti)

Fl-episodju tal-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb, meħuda mill-Evanġelju ta’ San Luqa, wieħed raġel, li jaf x’kienet tgħid il-liġi, madanakollu jistaqsi lil Ġesù x’għandu bżonn jagħmel wieħed biex jiret il-ħajja ta’ dejjem. 

Mulej, jien ġejt quddiemek, kollni kemm jien, bl-opinjonijiet tiegħet, forsi kultant opinjonijiet fissi fejn jien mingħalija li qiegħed/qiegħda fit-tajjeb.  Forsi jien minix ’il bogħod minn dak ir-raġel tal-Evanġelju.  Kien jaf x’għandu jagħmel Lhudi tajjeb.  Imma ħass li kellu jkompli jfittex. Forsi jien naf x’għandu jagħmel/għandha tagħmel Nisrani/ija tajba.  Imma xorta qiegħed/qiegħda fi vjaġġ ta’ tiftix.

(Skiet ta’ ftit minuti)

Mulej,

X’inhu dak li għandi nagħmel?  Kemm jien imtaqqal bi preġudizzju lejn dak li hu differenti?  Kemm fil-verità l-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb li jirrakkonta Kristu, tisfidani lili?

(Jitkanta Inna Ewkaristiku)

Tinqara bil-mod, u b’xi pawżi, is-silta tal-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb (Lq 10: 25-37)

(Skiet ta’ ftit minuti)

Mulej,

Ma’ liema minn dawk il-karattri li jiltaqgħu mal-persuna midruba inqis lili nnifsi? 

Kif inġib ruħi ma’ persuni li huma differenti minni?  Nuri:

  • apatija?
  • indifferenza?

Nara din il-persuna bħala theddida għas-sigurta tiegħi?

Naffronta l-isfida li toffri l-laqgħa ma’ din il-persuna bħala opportunità biex ninbidel?

Kapaċi nieħu azzjoni minn din il-laqgħa partikulari?

(Skiet ta’ ftit mumenti)

Mulej,

Kemm-il darba ħassejtni fil-parti ta’ dik il-persuna miġruħa tal-parabbola, miġruħa bil-passat, bil-preżent, permezz tal-identità tiegħi, permezz ta’ dak li jagħmilni differenti mill-bqija tal-komunità li nifforma parti minnha?

(Skiet ta’ ftit mumenti)

Hawn jistgħu jintużaw it-Talbiet komunitarji (jew xi wħud minnhom) minn paġna 8.

Mulej,

Għinni nagħraf il-għejjun ta’ grazzji permezz ta’ laqgħat ma’ persuni differenti minni; ma’ persuni li jistgħu jaħsbuha differenti minni; ma’ persuni li lili jistgħu jixprunawni nkun verament dak li jien; ma’ persuni li jisfidawni biex nidħol daħla fija nnifsi u niskopri lili nnifsi u r-relazzjoni tiegħi miegħek. 

Għinni, fuq kollox, niskopri u napprezza d-diversità li jien imsejjaħ biex nipparteċipa fiha; id-divinità stess li tħaddan din id-diversità u li lili tagħtini l-identità vera tiegħi permezz ta’ bidla radikali, permezz tal-IVA tiegħi biex l-Ispirtu tiegħek jaħdem u jibdilni; biex l-Ispirtu tiegħek iwassalni għal dak li jien imsejjaħ/imsejħa għalih. 

Għinni Mulej nimxi fuq il-passi ta’ Marija, u naċċetta l-fatt li l-IVA tiegħi mhux dejjem tfisser li jien fhimt.  Stabar bija Mulej u bid-diskussjonijiet fqar tiegħi miegħek.

Mulej Alla Trinità,

Għinni niftakar li jien dak li jien permezz tal-oħrajn; permezz ta’ dawk li inti tibgħat fil-ħajja tiegħi; permezz ta’ dawk li jaħsbuha differenti minni iżda li jgħinuni biex jien ikolli viżjoni aktar sħiħa; biex permezz ta’ Insara differenti – minn Knejjes oħra, bħalma huma l-Ortodossi u l-Protestanti –  jien nagħraf is-sbuħija, ir-rikkezza u l-profondità li inti żejjintna bihom.

Fuq kollox, Mulej Alla Trinità – Unità fid-Diversità – agħtini l-grazzja biex jien inħalli lilek taħdem biex jien ninbidel u nsir aktar persuna sħiħa – dak li inti ppjanajt għalija sa mill-bidunett – permezz ta’ dawk li jien inħobb; ta’ dawk li jien komdu nitkellem magħhom dwarek; ta’ dawk li forsi jien nirreżisti; ta’ dawk li huma differenti minni; ta’ dawk li ma nifhimhomx.

Mulej Ġesù f’dan is-Sagrament tal-Artal, aħna nadurawk. Nitolbuk biex tmiss il-qalb ta’ kull Nisrani u kull Nisranija. Agħmel li l-Ispirtu tiegħek jaħdem ġewwa fina biex nitolbu għall-għaqda fost l-Insara.

(Nitħejjew issa għall-Barka Ewkaristika)

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading