Ġwanni Pawlu II fil-parroċċa Rumana ta’ Sidtna ta’ Guadalupe

Print Friendly, PDF & Email

VIŻTA LILL-PARROĊĊA RUMANA TA’ SIDTNA TA’ GUADALUPE
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 24 ta’ April 1983

1. Għeżież parruċċani tal-parroċċa ta’ Sidtna ta’ Guadalupe f’Monte Mario.

Illum, fir-rabà Ħadd ta’ żmien l-Għid, il-Knisja tistedinna għall-ferħ paskwali. Tagħmel dan tul il-jiem kollha ta’ dan il-perjodu, sa nhar Pentekoste. Din l-istedina tidwi b’mod partikolari fil-liturġija tal-Ħdud.

“Ċapċpu lill-Mulej, intom ilkoll tal-art, / aqdu lill-Mulej fil-ferħ, / ippreżentaw ruħkom lilu ferrieħa , , , / għaliex tajjeb hu l-Mulej, / eterna l-ħniena tiegħu” (Sal 100, 2. 5).

Il-ferħ paskwali għandu jkun ispirat mill-effiċjenza tal-grazzji. Il-Knisja tistedinna biex inħarsu bl-għajnejn tal-fidi, lejn id-dawl tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, il-benefiċċji ta’ Alla sa mill-bidu.

2. “Agħrfu li l-Mulej huwa Alla; / huwa għamilna u aħna tiegħu, /il-poplu u l-merħla tal-mergħa tiegħu” (Sal 100, 3).

Hawn hu l-ewwel mottiv tal-ferħ, li jesprimi ruħu fir-rendiment ta’ grazzji. Naqbżu bil-ferħ paskwali minħabba l-fatt li Alla huwa; għaliex id-dinja mhix deżert mitluq u bla sid.

Naqbżu bil-ferħ paskwali minħabba l-fatt li Alla ħalaq id-dinja; ħalaq il-bniedem fid-dinja viżibbli. Naqbżu bil-ferħ u niżżu ħajr għaliex dan il-bniedem – minkejja li għandu tant komuni mad-dinja li fiha jgħix fuq l-art – iġorr fl-istess ħin is-sinjali kuntrarji ta esseri superjuri: is-sinjali kuntrarji tax-xebħ ta’ Alla nnifsu.

Naqbżu bil-ferħ u niżżu ħajr għaliex permezz ta’ dan ix-xebħ singulari, xebħ max-Xbiha divina, il-bniedem jappartieni lil Alla. Għaliex huwa l-propjeta partikolari tiegħu. Il-qawmien mill-imwiet ta’ Kristi issaħħaħ din l-appartenenza mqaddsa bl-ikbar effikaċità.

Kieku l-bniedem ma kienx jappartieni lil Alla, hekk kif jixhed Kristu, kien ikun ikkundannat għal sottomissjoni definittiva lid-dinja. Ħajtu kollha kienet tkun indirizzata b’mod esklussiv lejn il-mewt. Permezz tal-mewt id-dinja tal-materja kienet tieħu pussess sħiħ tal-esseri uman meraviljuż, billi tirrendih “trab tal-art”. Mingħajr il-fidi fi Kristu, l-eżistenza umana kien jifdlilha biss tali prospettiva.

Il-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu jippermetti lill-bniedem li jinqatà minn tali prospettiva, dominanti tal-mewt. U għalhekk il-ferħ paskwali huwa qabel kollox ferħ li jitnissel mill-misteru tal-Ħolqien. Aħna mela, nifirħu: għaliex il-Mulej huwa Alla, għaliex huwa għamilna, għaliex aħna tiegħu.

3. Nifirħu b’ferħ paskwali minħabba l-fatt li aħna l-Poplu ta’ Alla, il-merħla tal-mergħa tiegħu.

Fi żmien l-Għid toħroġ b’mod ċar il-figura ta’ Kristu – Ragħaj it-Tajjeb. Huwa jgħid dwaru stess: “Jiena r-ragħaj it-tajjeb, nagħraf in-nagħaġ tiegħi u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili” (Ġw 10, 14).

Diġa permezz tal-Ħolqien aħna propjetà ta’ Alla, li huwa Missierna. Il-Missier joqgħod attent għall-ġid tagħna. Id-dinja viżibbli, iddestinata għall-bniedem hija sottomessa għad-dominju tiegħu, huwa sinjal viżibbli ta’ din l-attenzjoni paterna fl-ordni tan-natura. Imma l-Missier ma jikkuntentax ruħu b’dan. Billi ħalaq il-bniedem xbiha u xebħ tiegħu, iddestinalu l-ġid definittiv bis-saħħa ta’ tali xbiha u xebħ. U biex iqabbad lill-bniedem lejn dan il-ġid, il-Missier jirregala lill-Ibnu, bħala Ragħaj Tajjeb tal-erwieħ.

Fil-Vanġelu tallum ta’ San Ġwann, Ġesù jgħid: “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni u jiena nagħarafhom u huma jimxu warajja. Jiena nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem u qatt ma jintilfu u ħadd ma jaħtafhom minn idejja. Missieri li tahomli huwa ikbar minn kulħadd u jien u Missieri aħna ħaġa waħda” (Ġw 10, 27-30).

Il-ferħ tagħna paskwali huwa mfawwar bi gratitudni għar-rigal ta’ Kristu-Ragħaj Tajjeb.  Nifirħu waqt li niżżu ħajr lill-Missier talli sejjaħ, fih, l-umanità għall-ħajja soprannaturali. Nifirħu, waqt li niżżu ħajr li aħna l-merħla tiegħu; li aħna l-Knisja.

Hawn hu t-tieni mottiv għall-ferħ paskwali, issuġġerit lilna mil-Liturġija ta’ dan il-Ħadd.

4. It-tielet mottiv tal-ferħ paskwali jiġi ndikat mill-qari tal-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann. Hemm, quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf jinsabu weqfin “dawk li għaddew mit-tribulazzjoni l-kbira”. L-Evanġelista dwarhom jgħid li “ħaslu ħwejjiġhom u rrendewhom bojod bid-demm tal-Ħaruf” (cf. Ap 7, 14). U mbagħad jispeċifika bil-kliem li ġej l-istat ta’ kontentizza li ħadu sehem fih: “La jaqbadhom ġuħ, / linqas ma jaqbadhom għatx, / linqas ma taħraqhom ix-xemx, / linqas ħruq ta’ xorta oħra, / għaliex il-Ħaruf li jinsab f’nofs it-tron / se jkun ir-ragħaj / u jmexxihom lejn in-nixxigħat ta’ ilmijiet il-ħajja. / U Alla jixxotta kull demgħa minn għajnejhom” (Ap 7, 16-17).

Il-qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu fetaħ quddiem il-bniedem il-prospettiva tal-feliċità definittiva fl-ghaqda ma’ Alla. Fuq il-bażi tar-Redenzjoni mwettqa mill-Ħaruf ta’ Alla, din il-feliċità għandha tkun ipparteċipata mill-bniedem. Huwa mpossibbli li wieħed jiddeskriviha b’lingwaġġ uman, linqas ma jqabbilha ma’ kwalunkwè ħaġ’o hra: “Dawk il-ħwejjeġ li għajn ma tara, linqas widna ma tismà, / linqas qatt ma jidħlu f’qalb il-bniedem, / dawn ħejja Alla għal dawk li jħobbuh” (1 Kor 2, 9).

It-tama ta’ din il-feliċità eterna fl-għaqda ma’ Alla hija, skont il-liturġija tallum, it-tielet mottiv tal-ferħ paskwali. U wkoll it-tielet mottiv tar-rendiment ta’ grazzi.

5. Propju fi spirtu ta’ tali ferħ li joħroġ mill-Qawmien mill-Imwiet tal-Mulej, insellem b’mod kordjali lilkom ilkoll, għeżież fidili ta’ din il-Parroċċa, ddedikata lil Sidtna ta’ Guadalupe, lill-“Morenita”, li x-Xbiha mirakoluża tagħha kelli x-xorti li nqim fis-Santwarju magħruf tagħha fl-ewwel pellegrinaġġ apostoliku, dak imwettaq fil-Messiku fl-1979.

Insellem b’mod partikulari lill-Kardinal Ugo Poletti, lill-Isqof awżiljarju tas-Settur, lill-Monsinjur Remigio Ragonesi, lill-Kappillan żelanti, Dun Vincenzo Tommasi u lis-Sacerdoti kollha li jgħinuh fil-kura tal-erwieħ ta’ din iċ-ċirkustanza parrokkjali fil-kwartier ta’ Monte Mario.

It-tislima tiegħi testendi ruħha lill-Komunitajiet reliġjużi kollha li jaħdmu fl-isfera tal- parroċċa u tal-Knejjes sussidjarji, lill-unsill pastorali biż-żewġ gruppi tiegħu li jiddedikaw ruħhom rispettivament għall-katekeżi, għal-liturġija, għall-ispiritwalità u għall-opri tal-karità u għall-promozzjoni umana; għall-Gruppi ġovanili li jagħmlu parti mill-Komunità ta’ Sant’Eġidju u tal-Moviment tal “Komunjoni u liberazzjoni”; lill-Gruppi tal-adulti li, miġburin fl-Assoċjazzjoni tal-Azzjoni Kattolika, jieħdu sehem fil-laqgħat ta’ kull ġimgħa ta’ katekeżi u jippromwovu inizjattivi differenti ta’ karattru formattiv.

Tasal it-tislima tiegħi, b’mod partikulari, lill-anzjani, lill-morda u lil dawk kollha li jbatu minħabba l-kriżi tal-alloġġji, minħabba l-insikurezza tax-xogħol tagħhom u minħabba l-fenomenu miżerabbli tal-vjolenza u tad-droga, li joqtol hawn ukoll vittmi fost iż-żgħażagħ, waqt li jixħet familji sħaħ fl-ansjetà u fid-deżolazzjoni.

Nistieq li kulħadd iwassal is-sehem tiegħi ta’ mħabba lill-problemi li jmissu lil kull wieħed u waħda u lill-Komunità parrokkjali kollha, li nirrakkomanda lill-protezzjoni ċelesti tal- Verġni Mqaddsa ta’ Guadalupe.

6. Bħalma intom tafu sewwa, din iż-żjara hija wkoll ċelebrazzjoni ġubilari tas-Sena Mqaddsa. Waqt li tieħdu sehem f’din il-liturġija, intom tistgħu tiksbu għalikom jew għall-mejtin tagħkom l-Indulġenza speċjali li l-Knisja tippermetti fl-okkażjoni tal-1950° anniversarju tar-Redenzjoni. Ingħaqdu mal-intenzjonijiet ġenerali proposti mill-Knisja għal din is-Sena Mqaddsa: dawn huma l-penitenza u r-rikonċiljazzjoni.  Mhemmx rikonċiljazzjoni ma’ Alla u mal-aħwa mingħajr spirtu veru ta’ penitenza u bidla fil-mentalità, mingħajr il-perċezzjoni tas-sens tad-dnub u mingħajr ir-rikurrenza għall-ħniena salvatriċi tal-Mulej. Ingħaqdu ma’ din iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika bi spirtu umli u dispost li jirċievi l-grazzji meħtieġa għar-riforma nterna u għar-restawr fi Kristu ta’ rapporti ġodda ma’ Alla u mal-aħwa. Jalla jkun dan għal kulħadd waqt privileġġjat biex nagħmlu verifika spiritwali u, jekk ikun meħtieġ, biex insewwu u nagħmlu penitenza. Hekk, rikonċilljati u mġedda fid-demm tar-Redentur divin, issibu l-ferħ tal-għixien u jkollkom għal kulħadd tjubija u ġenerożità ikbar, biex tixhdu bl-eżistenza tagħkom li intom ta’ Kristu u li m’għandkomx biżà li tistqarru li intom insara.

7. Għeżież ħuti! Il-laqgħa tagħna tallum issaħħaħ r-rabta qaddisa tagħkom ma’ Kristu r-Ragħaj it-Tajjeb. Jalla fih jiġġedded il-ferħ marbut mal-Għid għall-għarfien tal-benefiċċji ta’ Alla. Dawn il-benefiċċji iġibu f’kull wieħed u waħda minna il-frott tal-ħajja nisranija u tal-ħajja eterna. Ejjew inservu lill-Mulej fil-ferħ!

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb …

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading