Ġwanni Pawlu II fil-parroċċa Rumana ta’ San Filippu Appostlu

Print Friendly, PDF & Email

VIŻTA LILL-PARROĊĊA RUMANA TA’ SAN FILIPPU APPOSTLU
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 17 ta’ April 1983

1. Għeżież ħuti! Parruċċani ta’ San Filippu Appostlu fi Grottarossa!

Nixtieq niġbed l-attenzjoni tagħkom fuq tliet espressjonijiet li jinsabu fil-qari bibbliku tal-Liturġija tallum. Din hija l-Liturġija tat-tielet Ħadd tal-Għid, u l-Knisja tkanta bil-ferħ l-Alleluia lil Kristu Rxuxtat.

L-ewwel fost dawn l-espressjonijiet tinsab fil-Vanġelu ta’ Ġwanni: “Huwa l-Mulej”!

Hekk imur jgħid lil Pietru “d-dixxiplu li Ġesù kien iħobb” (Ġw 21, 7), kif nafu mill-Vanġelu. U dan jgħidu meta huma, mitlufin fis-sajda fuq l-għadira ta’ Ġenezzaret, semgħu leħen magħruf sewwa, li kien ġej minn fuq ix-xatt. Il-personaġġ, li deher fuq ix-xatt, l-ewwel kien staqsa: “M’għandkom xejn x’nieklu?” (Ġw 21, 5), u meta huma wieġbu “Le”, ordnalhom jifgħu x-xbiek fuq il-lemin tad-dgħajsa (cf. Ġw 21, 6).

Hawn iseħħ l-istess fatt li kien diġa seħħ, darba, meta Ġesù ta’ Nazzaret kien jinsab fuq id-dgħajsa ta’ Pietru fuq l-Għadira ta’ Tiberiade, Dakinhar ukoll ordnalhom ikalaw ix-xbieki għas-sajd, u – għalkemm qabel ma kienu qabdu xejn – ix-xibka mtliet ħut, tant li ma rnexxilhomx itellgħuha (cf. Lq 5, 1-11).

Din id-darba Ġwanni jgħid: “Dan il-Mulej!” U dan jgħidu wara l-qawmien mill-imwiet; għalhekk takkwista sinifikat partikolari.  Ġesù ta’ Nazzaret kien diġa wera l-poter tiegħu fuq il-ħolqien meta kien mal-Appostli bħala “Gwida” u “Mgħallem”. Bdanakollu, tul il-kors ta’ dawn il-jiem indimentikabbli bejn il-Ġimgħa l-Kbira u t-tbexbix tal-“jum wara s-Sibt”, irrivela il-poter assolut fuq il-mewt.

Hawn hu, jiġi ħdejn l-Appostli fuq l-Għadira ta’ Ġenazzaret bħala l-Mulej tal-mewt propja. Rebaħ il-mewt imġarrba fuq is-Salib u jgħix! Jgħix b’ħajtu propja: b’ħajja li hija l-istess ta’ qabel, imma, fl-istess ħin, hija ta’ tip ġdid.

Għal dan jirreferu l-kliem: “Dan hu l-Mulej!” Dan huwa l-ewwel kliem ippronunzat mill-Appostli. Ippronunzjathom l-ewwel ġenerazzjoni tal-insara , u mbagħad il-ġenerazzjonijiet suċċessivi kollha. Aħna wkoll nippronunzjaw l-kliem: Ġesù Kristu huwa l-Mulej. Huwa hu Dak li għalkemm bniedem, irrivela aspett kbir tal-qawwa divina: il-qawwa fuq il-mewt.

2. It-tieni espressjoni, li fuqha nixtieq niġbed l-attenzjoni fil-liturġija tallum, hija il-kelma “tobdi”: “Hemm bżonn nobdu lil Alla milli pjuttost lill-bnedmin” (At 5, 29). Hekk igħidu Pietru u l-Appostli quddiem il-Qassis il-Kbir u s-Sinedriju, li kienu ordnawlhom biex ma jgħallmux iktar f’isem Ġesù Kristu (cf. At 5, 27-28).

Mit-tweġiba ta’ Pietru hemm bżonn niddeduċu li “tobdi” tfisser hawn “tissottometti ruħek għal kawża, tal-verità” jew sempliċement “tissottometti ruħek għall-verità”. Din il-verità, il-verità feddejja, hija miġbura fil-missjoni ta’ Kristu. Hija miġbura fit-tagħlim ta’ Kristu. Alla stess wettaqha permezz tal-Qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu.

“Alla għollieh . . .biex jagħti lill-Iżrael il-grazzja tal-konverżjoni u l-maħfra tad-dnubiet. U dwar dawn il-fatti hawn aħna xhieda u l-Ispirtu Santu, li Alla ta lil dawk li jissottomettu ruħhom għalih” (At 5, 31-32). Aħna nagħtu xhieda lil din il-verità, li Alla ppermettilna li nagħrfu b’għajnejna stess. Aħna nagħtu xhieda lil din il-verità, u ma nistgħux nagħmlu mod ieħor, Hemm bżonn nobdu lil Alla milli pjuttost lill-bnedmin.

3. It-tielet espressjoni tal-liturġija tallum, li għaliha nixtieq nagħmel riferenza, hija l-kelma “Ejja warajja” (Ġw 21, 19).

Kristu l-Mulej din jindirizzaha b’mod definittiv lil Xmun Pietru wara l-qawmien mill-imwiet. Kien sejjaħlu diġa qabel, u diġa qabel kien għamlu Appostlu; imma issa, wara l-qawmien mill-imwiet, isejjaħlu mill-ġdid darba oħra. L-ewwel jindirizza lil Pietru għal tliet darbiet il-mistoqsija: “Inti tħobbni?” u jirċievi t-tweġiba tiegħu. Għal tliet darbiet itennilu: “Irgħa l-ħrief tiegħi”, “Irgħa n-nagħaġ tiegħi” (cf. Ġw 21, 15-17). Imbagħad Kristu jżid: “Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidlek, meta kont iktar żagħżugħ kont tilbes ilbiesek waħdek, u tmur kull fejn trid; imma meta tixjieħ toħroġ idejk, u xiħadd ieħor ilibbsek u jieħdok fejn ma tridx” (Ġw 21, 18).

Hekk Kristu l-Mulej kellem lil Xmun Pietru. U l-Evanġelista jżid: “Dan qalu biex juri b’liema mewt kellu jigglorifika lil Alla” (Ġw 21, 19). U appuntu wara dan il-kliem – u wara tali spjega Kristu jgħid lil Pietru: “Imxi warajja”. U, sa ċertu punt, dan kien bħallikieku kien sejjaħlu lejn Ruma, f’dan il-post, fejn Pietru kellu jagħti ħajtu għal Kristu,

4. Dawn huma t-tliet espressjonijiet tal-liturġija tallum: “Dan il-Mulej”, “Hemm bżonn li nobdu lil Alla milli pjuttost lill-bnedmin”, “Imxi warajja”. Hemm bżonn li aħna nimmeditaw fuqhom fi qlubna u fil-kuxjenzi tagħna. Kull waħda minnhom tindikalna xi jfisser tkun nisrani.

Iż-żmien tal-Għid jisforza lil kull wieħed u waħda minna biex inwieġbu, b’fidi mġedda, propju din id-domanda: Kristu qam mill-imwiet, u jiena nisrani.

5. Għeżież ħuti, f’dan il-kwadru ta’ fidi, irrid ngħidilkom il-ferħ tiegħi fiċ-ċelebrazzjoni tallum flimkien magħkom ta’din il-liturġija tal-Ħadd. Insellem bil-qalb lilkom ilkoll, tislima li nħobb nindirizza l-ewwelnett lill-mistieden distint preżenti fostna: il-“Catholicos” Armen ta’ Ċiliċja, il-Qdusija tiegħu Karekine II Sarkissjan, li ġie Ruma biex iżur lis-Suċċessur ta’ Pietru u lid-dijoċesi tiegħu. Is-sehem tiegħu f’din iċ-ċelebrazzjoni liturġika huwa awgurju elokwenti ta’ għaqda fl-istqarrija komuni ta’ Kristu l-Mulej. It-tislima tiegħi tmur imbagħad lill-Kardinal Vigarju, lill-Isqof taż-Żona, Monsinjur Plotti, u testendi ruħha b’mod speċjali lill-Kappillan u lill-Viċi Kappillani, tal-Patrijiet Vokazjonisti, responsabbli minn din il-Komunità parrokkjali tal-Borgata Veientana. Flimkien magħhom irrid insellem ukoll lis-Sorijiet Franġiskani Missjunarji tal-Qalb ta’ Ġesù, tal-Istitut “Asisium”, li tant jikkontribwixxi għall-attivitajiet pastorali tal-Parroċċa. Insellem b’mod speċjali wkoll lid-diversi gruppi, bħall-Kunsill Parrokkjali, il-Grupp Marija Immakulata, il-Grupp żgħażagħ, il-Grupp tas-servizz lill-anzjani, eċċ.

Naf li l-Parroċċa ta’ San Filippu, mill-bidu tagħha fl-1956, għaddiet minn xi mitt familja għal iktar minn ħamest elef familja.  Issa, fuq din l-osservazzjoni sempliċi  tiġi l-eżortazzjoni paterna tiegħi għal tkabbir parallelu fil-fidi u fl-impenn ekkleżjali. Fittxu li tħallu timmatura dejjem iktar l-aċċettazzjoni tagħkom ta’ Kristu u li ġġegħluha tagħmel il-frott fil-ħajja tagħkom ta’ kuljum. Kunu afu li wkoll għalikom għandi tifkira kostanti fi-talb, b’riferenza speċjali għaż-żgħażagħ u għal li qegħdin ibatu u għal dawk li huma f’diffikultajiet ta’ diversi tipi. Il-Mulej jimxi maġembkom bħala sosten uniku fix-xogħol tagħkom u garanzija sikura tal-ferħ tagħkom.

6. Din iż-żjara pastorali qiegħda ssir matul Sena Mqaddsa, li tiċċelebra l-Ġublew straordinarju tar-Redenzjoni. Intom tafu li din kienet organizzata biex tiċċelebra l-1950° anniversarju tal-mewt u l-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù, jiġifieri l-waqt kulminanti li fih kienet imwettqa s-salvazzjoni tagħna. L-okkażjoni ġubilari, għalhekk, tqegħdilna quddiemna l-misteru tal-imħabba kbira, li biha Alla ħabbna fi Kristu Ġesù: mhux bil-kliem biss, imma bid-don effettiv ta’ Ibnu (cf. Ġw 3, 16). Fl-istess ħin, jiġi mfakkar lilna l-valur devastanti tad-dnub, jiġifieri l-aljenazzjoni tagħna minn Alla tal-ħajja. Is-Sena Mqaddsa, mela, hija appell għall-konverżjoni u għall-istqarrija umli tan-nuqqasijiet tagħna. Hija stedina biex nirrestawraw, insaħħu u ngħixu fil-milja l-komunjoni tagħna ma’ Alla f’Ġesù Kristu.

Imma, ‘il fuq minn kollox, din hija okkażjoni feliċi għal trijonf iktar b’saħħtu tal-ħniena divina, illimitata, gratwita, invinċibbli, għal min b’ġenerożità jiltaqà fid-demm ta’ Ġesù. Ejjew niftħu, mela, anzi niftħu beraħ il-bibien ta’ qlubna lil Kristu Redentur: Hu biss huwa “ħajjitna” (Kol 3, 4).

7. Qegħdin niltaqgħu, għeżież ħuti, fil-perjodu paskwali tas-Sena tar-Redenzjoni. L-Isqof ta’ Ruma – ta’ din is-Sedja u ta’ din il-Knisja li tagħha l-Appostlu Pietru saħħaħ il- bidu – qiegħed jiltaqà mal-Parroċċa ddedikata lil San Filippu Appostlu. Aħna, bħala werrieta tal-fidi riċevuta mill-Appostli, ejjew nimmanifestaw għal darb’oħra il-ferħ paskwali tagħna, billi nirrepetu: “Kristu qam mill-mewt, hu li ħalaq id-dinja, u salva l-bnedmin fil-ħniena tiegħu. Alleluia” (Canticum ad Evangelium). Amen. 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb …

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading