Ġwanni Pawlu II fil-Katidral tas-Salib Imqaddes, Varsavja

Print Friendly, PDF & Email

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIL-POLONIA
(16-23 Ta’ ĠUNJU 1983)
QUDDIESA TAS-SALIB IMQADDES FIL-KATIDRAL TA’ VARSAVJA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Varsavia (Polonia)
16 ta’ Ġunju 1983

1. Għalina Kristu sar “ubbidjenti sal-mewt u sal-mewt tas-salib. Għalhekk Alla għollieh u tah isem li hu fuq kull isem (Fil 2, 8-9).

Nerġgħu naqraw dan il-kliem fil-waqt sollenni tal-liturġija tallum, qabel il-Vanġelu, billi ngħaqqduh mal-kant tal-Alleluia. Dan il-kliem, fir-rijassunt vigoruż ta’ Pawlu, jittraduċi dak li jikkostitwixxi l-misteru tar-Redenzjoni mwettqa minn Kristu. Jikkostitwixxi l-“umiljazzjoni” tal-Iben ta’ Alla permezz tal-mewt fuq is-Salib u l-“eżaltazzjoni”, permezz tar-Redenzjoni. Jikkostitwixxi l-ubbidjenza lill-Missier sal-mewt u d-don reċiproku tal-Missier imsawwab f’isem ta’ Kristu lill-bniedem u lill-ħolqien kollu. Ir-Redenzjoni hija ħolqien ġdid. Il-ħolqien kien id-don ewlieni u fundamentali, imsawwab minn Alla lid-dinja u lill-bniedem. Ir-Redenzjoni tirbaħ id-diżubbidjenza tal-bniedem fir-rigward tal-Ħallieq, jiġifieri d-dnub: dan id-dnub Kristu jassumih fuqu fuq is-Salib, biex jiftaħ bl-ubbidjenza tiegħu sal-mewt il-patt il-ġdid u etern ta’ Alla mal-bniedem: l-iskala l-ġdida ta’ doni msawba fl-Ispirtu Santu, il-Ħajja l-ġdida.

Il-Knisja ħarġet mill-misteru tar-Redenzjoni u bih tgħix kuljum. F’dan il-misteru ssib ir-raġuni tal-eżistenza tagħha l-iktar profonda. Dan il-misteru jħabbar u jippridka fil-Vanġelu. Dan il-misteru jiċċelrbra fis-sagramenti u fuq kollox fl-Ewkaristija.

Fil-25 ta’ Marzu 1983 bdiet is-Sena tar-Redenzjoni, bħala Ġublew straordinarju tal-Knisja. Nixtiequ b’dan il-mod naċċentwaw – bħal fis-sena 1933 – anniversarju partikolari tar-Redenzjoni: dakinhar l- 1900° u, issa l-1950°.

2. Il-Knisja tiċċelebra dan il-Ġublew straordinarju tas-Sena tar-Redenzjoni, f’Ruma u fid-dinja kollha fl-istess ħin. Nixtieq mela, permezz tal-pellegrinaġġ preżenti, niċċelebra s-Sena Mqaddsa tar-Redenzjoni flimkien mal-Knisja fil-Polonja. Il-funzjonijiet liturġiċi kollha minni mwettqa fl-isfera ta’ dan il-pellegrinaġġ joffru lill-pareċipanti l-possibiltà li jakkwistaw mid-doni soprannaturali tal-Ġublew: il-maħfra tad-dnubiet u l-maħfra tal-pieni temporali, naturalment bil-kondizzjonijiet tas-soltu.

Kristu għalina kien ubbidjenti sal-mewt, sabiex aħna niksbu l-ħajja u niksbuha b’abbundanza (cf. Ġw 10, 10). Nixtieq li s-servizz pastorali tiegħi f’art twelidi jikkontribwixxi għal dik l-“abbundanza ta’ ħajja” li l-bnedmin kollha jakkwistaw mingħand il-Missier fi Kristu Ġesù, imsallab u irxuxtat. Jalla hu jikkontribwixxi għal dik l-abbundanza ta’ ħajja, li l-bnedmin għandhom fi Kristu bl-opra tal-Ispirtu Santu. Infatti fl-operat tiegħu nviżibbli – l-operat santifikanti – jittawwal, sa tmiem id-dinja,i”it-tluq” salvifiku ta’ Kristu permezz tal-mewt u l-Qawmien mill-Imwiet tiegħu.

3. Il-Vanġelu tallum jagħti xhieda lil dak “it-tluq”. Nisimgħu lil Ġesù li jgħajjat b’leħen għoli: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” (Mk 15, 34), waqt li jesprimi l-profondità li ma titkejjilx tat-tbatija salvifika tiegħu. Aħna xhieda ta’ kif huwa “miet” (cf. Mk 15, 37) fuq is-Salib. Nisimgħu fl-aħħar, wara li għadda s-Sibt, dak li semgħu in-nisa li marru ħddejn il-qabar: “Qegħdin tfittxu lil Ġesù Nażżarenu, l-imsallab. Qam, mhuwiex hawn. Hawn hu l-post fejn kienu qegħduh” (Mk 16, 6).

Permezz tal-kliem tal-Vanġelu ninsabu f’intimità maċ-ċentru stess tal-ġrajjiet, li permezz tagħhom twettqet r-Redenzjoni tad-dinja. Dawn il-ġrajjiet, jifirduna minnhom 1950 sena. Imma r-Redenzjoni tad-dinja tkompli ma taqtà xejn u dejjem mill-ġdid miftuħa għall-bniedem, għal kull bniedem. B’mod partikolari għal dak li jsofri (u forsi jsofri iktar, meta ma jirnexxilux jifhem sal-qiegħ is-sens tas-sofferenza tiegħu u, ferm iktar, is-sens tal-istessa eżistenza tiegħu).

Ejjew inħallu lilna nfusna nitkebbu bil-misteru tar-Redenzjoni! Bħal dak iċ-ċenturjun taħt is-Salib, li f’waqt il-mewt ta’ Kristu jistqarr: “Dan ir-raġel kien tassew l-Iben ta’ Alla” (Mk 15, 39).

Ejjew inħallu lilna nfusna nitkebbu bil-misteru tar-Redenzjoni Ilkoll kemm aħna ninsabu taħt isSalib. L-umanità kollha tinsab kontinwament taħt is-Salib. In-Nazzjon tagħna ilu elf sena taħt is-Salib. Ejjew inħallu lilna nfusna nitkebbu bil-misteru tar-Redenzjoni: bil-misteru tal-Iben ta’ Alla. Fih jiżvela ruħu wkoll sal-qiegħ dak li kultant huwa tant diffiċli li jkun solvut, il-misteru tal-bniedem. U turi ruħha, permezz tas-sofferenzi u l-umiljazzjonijiet kollha tagħha, il-vokazzjoni suprema tiegħu: tal-bniedem.

Flimkien mal-konnazzjonali kollha tiegħi – speċjalment dawk li b’mod l-iktar doloruż iduqu l-qrusa tad-delużjoni, tat-tbatija, tan-nuqqas ta’ libertà, tat-tort, tad-dinjità mkassbra tal-bniedem – jien ninsab taħt is-Salib ta’ Kristu, biex niċċelebra fl-art Pollakka il-Ġublew straordinarju tas-Sena tar-Redenzjoni. Ninsab hawn u naf li, bħal darba fuq il-Kalvarju, f’riġlejn dan is-Salib tinsab Omm Kristu.

4. L-ewwel stadju tal-pellegrinaġġ f’Jasna Gora, fl-okkażjoni tas-600° anniversarju tax-xbiha ta’ Omm Kristu, jwassal fil-Katidral ta’ Varsvja, fuq il-qabar tal-Primat il-Kbir tal-millenju, tal-Kardinal Stefano Wysznski.

Ma stajtx niġi Varsavja għall-funeral tiegħu, nhar il-31 ta’ Mejju tal-1981, minħabba l-attentat mwettaq fuq ħajti fil-jum tat 13 ta’ Mejju, li kkawża dħul fl-isptar ta’ diversi xhur.

Illum, iżda, li ngħatali li niġi f’Art Twelidi, nindirizza l-ewwel passi tiegħi lejn il-qabar tiegħu. U nippreżenta ruħi fuq l-altar tal-Katidral   ta’ San Ġwann biex niċċelebra l-ewwel Quddiesa fl-art Pollakka għalih. Niċċelebaha għar ruħ il-mejjet Kardinal Stefano, imma ngħaqqad dan is-Santissmu Sagrifiċċju ma’ ringrazzjament profond. Nizzi ħajr  lill-Providenza Divina għaliex fil-perjodu diffiċli tal-istorja tagħna, wara t-tieni gwerra dinjija, bejn l-ewwel u t-tieni millennju, tana dan il-Primat, dan il-bniedem ta’ Alla, dan in-namrat ta’ Omm Alla, ta’ Jasna Gora, dan il-Qaddej qalbieni tal-Knisja u ta’ Art Twelidna.

Il-liturġija tallum tfakkar fl-ewwel qari fix-xbiha tal-Qaddej, li fih ilkoll nagħrfu il-figura profetika ta’ Kristu. Il-mejjet Kardinal kien jiffissa ħarstu fi Kristu bħala qaddej tar-Redenzjoni tagħna. Bi tqanqil profond kien iwettaq f’dan il- katidral il-liturġija tal-ħasil tar-riġlejn nhar Ħamis ix-Xirka, billi f’moħħu kellu dan il-kliem tal-Imgħallem: ma ġejtx biex inkun moqdi, imma biex naqdi (cf. Mt 20, 28; Mk 10, 45).

U meta ma setax iwettaq dan il-ministeru tal-Isqof, kien b’niket jikteb: “. . .diġa għat-tielet darba qiegħed ngħix il-Ħamis ix-Xirka terribbli tiegħi . . . Miniex se nirregalak lid-dixxipli tiegħi . . . il-katidral tiegħi ta’ Primat illum huwa mingħajr l-Isqof, li l-Ispirtu Santu ried għall-Knisja. . . il-Ġimgħa Mqaddsa tiegħi hija Ġnien taż-Żebbuġ, mill-ġdid għal darb’oħra”. Dan il-kliem insibuh fin-“Noti miktuba fil-Ħabs: tal-Kardinal Stefano Wtszynski fid-data 29 ta’ Marzu 1956.

5. Illum nixtieq, flimkien magħkom, għeżież ħuti, flimkien mas- suċċessur fis-Sedja primazjali, mal-Iaqfijiet, is-saċerdoti, il-familji reliġjużi maskili u femminili, il-Poplu kollu ta’ Alla tal-kapitali u tal-Polonja nizzi ħajr għal dan is-servizz providenzjali, offrut għal bosta snin mill-Kardinal Stefanu Wyszynski, Primat tal-Polonja.  Qeda l-bniedem u n-Nazzjon. Qeda l-Knisja u d-dinja, billi qeda lil Kristu permezz ta’ Marija. Fis-servizz tiegħu u fil-ministeru tiegħu kellu bħala mudell lil dik li – fil-waqt tal-elezzjoni divina suprema sejħet lilha nfisha  qaddejja tal-Mulej (cf. Lq 1, 38). Ta’ dan is-servizz u ta’ dan il-ministeru l-mibki Primat għamilha l-qawwa ewlenija tad-dmir pastorali tiegħu.Għamlu qawwi s-servizz, is-servizz konxju mill-missjoni afdata lilu mill-Prinċep tar-Rgħajja. Għamlu qawwi s-servizz, u b’dan is-servizz bħala Primat qawwa l-Knisja u n-Nazzjon f’nofs il-provi u għall-esperjenza tal-istorja.

Illum, flimkien magħkom, maġemb il-qabar tiegħu, fil-qalba ta’ Varsavja, Nizzi ħajr lit-Trinità Qaddisa għal dan is-servizz kbir, mogħti bħala Primat mill-Kardinal Stefano Wyszynski, waqt li nitlob biex il-frott tiegħu jkompli jippersisti fil-qlub tal-bnedmin f’Art Twelidna kollha.

Huwa kien qawwi bil-fidi tiegħu f’Alla, li hu l-Mulej tal-ħolqien u l-Mulej tal-istorja permezz ta’ Ġesù Kristu, imsallab u rxuxtat. Illum ukoll donnu jdur lejna bil-kliem tas-Salmista: “Il-leminija tal-Mulej ‘il fuq merfugħa, il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila. Ma nmutx imma nibqà ngħix u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej” (Sal 118, 16-17).

Huwa kien qawwi bil-fidi tiegħu fi Kristu, dik il-ġebla tax-xewka tas-salvazzjoni tal-bniedem, tal-umanità, tan-Nazzjon. Għamel minn kollox sabiex din il-ġebla ma titwarrabx mill-bnedmin tal-epoka tagħna, imma pjuttost tissaħħaħ fis-sisien tal-kostruzzjoni spiritwali tal-ġenerazzjonijiet kontemporanji u futuri. Bħall-Appostlu Pawlu, il-mejjet Primat ukoll ippridka lil Kristu msallab, li huwa l-qawwa ta’ Alla u għerf ta’ Alla (cf. 1 Kor 1, 23-24), f’nofs id-dinja, li tfittex f’kull epoka qawwiet oħra u għerf ieħor.

Fin-“Noti” tiegħu huwa ħalla t-talba li ġejja: “. . . it-toroq kollha tiegħek huma ġustizzja u verità! In-niket jinbidel f’imħabba rikonoxxenti. Il-kastig jieqaf ikun ritaljazzjoni, għaliex huwa mediċina, offerta b’delikatezza paterna. Id-dwejjaq li jregħdu l-moħħ, huwa l-ħrit tal-għalqa qabel iż-żrigħ. Is-solitudni hija ħarsien iktar mill-qrib. Ir-rabja umana hija skola ta’ silenzju u ta’ umiltà. Id-distakk mix-xogħol huwa mpenn maġġuri u offerta tal-qalb. Iċ-ċella tal-ħabs hija sinjal tal-fatt li hawn m’għandniex għamara stabbli . . . Sabiex ħadd ma jaħseb ħażin fik, Missier, sabiex ħadd ma jissogra jakkużak b’severità eċċessiva: għaliex inti tajjeb, għaliex il-ħniena tiegħek hija għal dejjem ta’ dejjem” (18 ta’ Jannar 1954).

6. Illum ejjew nizzu ħajr lit-Trinità Qaddisa għal dan il-wirt evanġeliku, paskwali tal-Kardinal Stefano Wyszynski, li kien dejjem taħt is-Salib ta’ Kristu, flimkien ma’ Marija. Fir-rigward tagħha kien iħossu bħall-Appostlu Ġwanni, bħala iben addottiv, u bħala n-namrat tal-Ġenitriċi ta’Alla, “skjav ta’ mħabba”. F’din id-donazzjoni bla riservi kien isib il-libertà spiritwali tiegħu: iva, kien bniedem liberu, u, lilna, konnazzjonali tiegħu,  kien jgħallimna l-vera libertà. Kien ħabbar instankabbli tad-dinjità ta’ kull bniedem u tal-isem tajjeb tal-Polonja fost in-Nazzjonijiet tal-Ewropa u tad-dinja.

Nistgħu nirreferu għalih il-kliem tal-poeta: “Ninxteħet umilment għarkubbtejja / biex inqum ħaddiem qawwi ta’ Alla. / Meta nqum, leħni jkun il-leħen tal-Mulej . . . / L-għajta tiegħi tkun dik ta’ Art Twelidi kollha (Juliusz Slowacki, Hekk Alla jgħinni).

Il-Providenza Divina ffrankatlu l-ġrajjiet dolorużi, li jintrabtu mad-data tat-13 ta’ Diċembru 1981. Huwa mar għad il-Missier fis-sollennità tat-Tlugħ fis-Sema tal-Mulej, u l-funerali tiegħu kienu saru fil-festività tal-Viżitazzjoni ta’ Marija Santissma. Kważi li s-Sinjura ta’ Jasna Gora riedet tittimbra l-aħħar siġill terren fuq il-ħajja ta’ dan il-Primat, li, flimkien mal-Episkopat tal-Polonja, stedinha biex iżżur d-dijoċesijiet u l-parroċċi ta’ Art Twelidna.

Waqt li nizzu ħajr lit-Trinità Qaddisa għas-servizz kbir tal-Primat tal-millennju, ejjew nitolbu lis-Sultan tas sekli sabiex xejn ma jeqred dan is-sies profond, li ngħatalna li nistabilixxu f’ruħ il-Poplu ta’ Alla fl-art Pollakka kollha.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading