Ġwanni Pawlu II fl-Ordinazzjoni ta’ 74 saċerdot

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA GĦALL-ORDINAZZJONI TA’ 74 SAĊERDOT ĠDID
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bażilika Vatikana
Il-Ħadd, 12 ta’ Ġunju 1983

“Se nkanta bla tmiem il-grazzji tal-Mulej!” (Sal 89, 2).

1.Indur, b’mod għal kollox speċjali lejkom, għeżież ħuti, li fi ftit mumenti oħra Kristu, is-Saċerdot il-Kbir u Etern, permezz tat-tqegħid tal idejn, se jirrendikom parteċipi mis-Saċerdozju tiegħu ministerjali, għall-eternità! Tbaqbaq għalhekk spontanja minn qalbi u qalbkom l-akklamazzjoni ferrieħa tas-Salmista: “Se nkanta bla tmiem il-grazzji tal-Mulej!” Jien, Isqof ta’ Ruma, suċċessur ta’ Pietru u Ragħaj tal-Knisa universali, ngħolli l-kant tiegħi ta’ ferħ għaliex għandi l-grazzja li nkun mezz ta’ don tal-għaġeb, li Alla jagħmel lill-Knisja tiegħu; intom ifirħu għaliex se tirċievu l-kariżma tal-“presbiterjat”, li għaliha ilkom titħejjew wara li ġenerożament ilqajtu s-sejħa ta’ Ġesù bies timxu warajh, ikkonfermata mill-Isqfijiet tagħkom!

Dan huwa jum ta’ grazzja u ta’ ferħ, din, għalija; għalikom; għall-Knejjes partikolari fid-dinja kollha, li minnhom ġejjin, għall-Knisja kollha, li tara fikom iggarantita, fl-“istorja tas-salvazzjoni”, l-opra misterjuża u fertili tal-Kap u Għarus tagħha.

“Il-presbiteri, bis-saħħa tal-Ordinazzjoni Sagra u tal-missjoni li jirċievu mingħand l-Isqfijiet, jiġu promossi għas-servizz ta’ Kristu Mgħallem, Saċerdot u Sultan, billi jieħdu sehem fil-ministeru tiegħu, li permezz tiegħu l-Knisja hawn fl-art tinbena b’mod li ma jaqtax f’Poplu ta’ Alla, Ġisem ta’ Kristu u Tempju tal-Ispirtu Santu” (Presbyterorum Ordinis, 1), hekk il-Konċilju Vatikan II issintetizza l-identità spiritwali tas-saċerdoti.

2. B’mod simili għall-kariżma li Alla rregala lill-profeti tiegħu, il-presbiteru huwa “missjoni”. Din hija għażla komplimentari min-naħa ta’ Alla, li tagħha l-bniedem ma jistà qatt ikun denn b’mod adegwat. Il-profta Ġeremija, imsejjaħ mill-Mulej, jipprotesta n-nuqqas ta’ ħila tiegħu, l-immaturità tiegħu – “Jiena ma nafx nitkelldem, għaliex għadni żagħżugħ” – bdanakollu l-Mulej iwieġbu: “La tgħidx għadni żagħżugħ, imma mur għand dawk li nibgħatek għandhom u ħabbar dak li ngħidlek”  (Ġer 1, 6-7).

Huwa Alla li jibgħatkom, hija l-Knisja li tibgħatkom! Għal dan intom għandkom tkunu – fil-post, fl-uffiċċju, fil-funzjoni, li – jkunu disposti mill-Providenza divina permezz tas-superjuri leġittmi – ħabbara, jiġifieri xandara tal-Vanġelu “li huwa qawwa ta’ Alla għas-salvazzjoni ta’ kulmin jemmen” (Rm 1, 16). Tkun għalhekk responsabiltà gravi l-aħbar u l-proklamazzjoni, bil-kliem u bil-ħajja, mhux intom stess, imma Kristu, u Kristu msallab u irxuxtat  (cf. 1 Kor 1, 23; 2, 2; 2 Tm 2, 8).

Il-bniedem kontemporanju, minkejja l-kurrenti filosofiċi u idejoloġiċi ta’ dan iż-żmien, għadu jżomm esiġenza li tqanqal ta’ verità, ta’ ġustizzja, ta’ tjubija, ta’ paċi. Minnkom jistenna li tippridkaw lil Kristu, “triq, verità u ħajja” (cf. Ġw 14, 6).

U dan jitlob impenn kontinwu, viġilanza kostanti, sens delikat tad-dmir, fedeltà ferrieħa lejn l-impenn taċ-ċelibat “għas-Saltna”, disponibiltà serena biex tkunu “ma’ Kristu” permezz tas-sagrifiċċju, it-tbatija, iċ-ċaħda, is-Salib.

3. F’dan il-kuntest jiksbu sinifikat sħiħ l-affermazzjonijiet tal-Ittra lil-Lhud, li għadna kemm smajna. Is-Saċerdot “magħżul minn fost il-bnedmin fil-ħwejjeġ li jmissu lil Alla . . .” (Lh 5, 1). L-Awtur ispirat jenfasizza l-komunanza tan-natura tas-saċerdot mal-bnedmin l-oħra; jaċċentwa l-finalizzazzjoni komunitarja tal-funzjoni tiegħu u tal-missjoni tiegħu: huwa hu esseri-għall-oħrajn”; għandu mela jirregala lilu nnifsu għal kollox għal ħutu; imma dan kollu fi prospettiva fundamentali spiritwali u soprannaturali: dan għandu jseħħ fl-isfera tar-“reliġjuż”. Din tagħkom se tkun għalhekk  ħajja mhux ta’ rifjut jew ta’ evażjoni mid-“dinja” tal-bnedmin, imma ta’ inkarnazzjoni sinċiera u serena fl-istorja tagħhom, biex iġġibuhom jgħixu fil- u fid-dimensjoni reliġjuża, li hija ineliminabbli mill-eżistenza umana.

Is-saċerdozju jagħmilkom bħal Kristu, “Saċerdot il-Kbir bħal Melkisedek”; huwa: “għad li kien Iben tgħallem minn dak li bata xi tfisser l-ubbidjenza. U billi laħaq il-perfezzjoni, sar awtur tas-salvazzjoni ta’ dejjem għal kull min jismà minnu (Lh 5, 8-9). Waqt li tieħdu sehem fis-Saċerdozju etern tiegħu, Kristu jagħmilkom ministri tas-Sagramenti, b’mod partikolari tal-Ewkaristija u tar-Rikonċiljazzjoni: huwa jafdalkom totalment Ġismu u Demmu fis-sinjali sagramentali, għaliex bil-ministeru tagħkom, Ġismu jiġi offrut għall-ħajja tad-dinja  (cf. Ġw 6, 52); barra minn dan jafdalkom il-qawwa divina tiegħu tal-maħfra, sabiex intom issemmgħu kelmtu tar-Rikonċiljazzjoni lil ħutkom irġiel u nisa bżonnjużi tal-ħniena u tal-paċi nterna.

“Inkanta bla tmiem il-grazzji tal-Mulej!”

Iva, ħuti għeżież, ħajjitkom saċerdotali – mwettqa kull jum bit-talb, biż-żelu, bid-dedikazzjoni għall-erwieħ, għall-foqra, għaż-żgħar, għall-morda, għall-midinbin – tkun dejjem innu ta’ ringrazzjament lil Alla għal-liberalità infinita tiegħu! Il-grazzja tas-saċerdozju tibdilkom fi “ħbieb” ta’ Ġesù: “Ma nsejħilkomx iktar qaddejja, għaliex il-qaddej ma jkunx jaf dak li jagħmel sidu, imma sejjaħtilkom ħbieb, għaliex dak kollu li smajt mingħand Missieri għarraftu lilkom. Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott” (Gv 15, 15-16).

“Propju fiċ-ċenaklu – ktibt fl-Ittra tiegħi lis-saċerdoti għall-Ħamis ix-Xirka ta’ din is-Sena Ġubilari tar-Redenzjoni – kien ppronunzjat dan il-kliem, fil-kuntest immedjat tal-istituzzjoni tal-Ewkaristija u tas-Saċerdozju ministerjali. Kristu għarraf lill-Apppostli u lil dawk kollha, li kellhom mingħandhom jirtu s-saċerdozju ordnat, li f’din il-vokazzjoni u minn dan il-ministeru għandhom isiru ħbiebu, għandhom isiru ħbieb ta’ dak il-ministeru li hu kien ġie biex iwettaq” (Ġwanni Pawlu II, Epistula ad universos Ecclesiae Sacerdotes adveniente feria V in Cena Domini anno MCMLXXXIII, 2, 27 marzo 1983).

Għeżież! Matul is-snin tas-servizz tiegħi bħala Isqof, wieħed mill-waqtiet tal-ferĦ l-iktar qawwi u ta’ linqas antiċipazzjoni kien dak li fih, permezz tat-tqegħid tal-idejn, kont nordna l-presbiteri l-ġodda għall-komunità ekkleżjali! Ferħ ugwali u ugwali trepidazzjoni qiegħed inħoss illum, f’din l-Ordinazzjoni sollenni, li qiegħed inwettaq fuq il-qabar ta’ San Pietru, matul il-Ġublew tar-Redenzjoni. Intom se tkunu s-saċerdoti tal-1950° anniversarju tar-Redenzjoni! Jekk għal dawk kollha li jemmnu tali ġrajja tfisser stedina pressanti biex jimmeditaw fuq ħajjithom u fuq il-vokazzjoni nisranija propja fid-dawl tal-misteru tar-Redenzjoni, tali stedina hija ndirizzata b’mod għal kollox speċjali għal dawk kollha li huma u li se jsiru – bħalkom minn hawn u ftit ieħor – “ministri ta’ Kristu u amministraturi tal-misteri ta’ Alla (cf. 1 Kor 4, 1).

Fil-bidu tal-ministeru tiegħi ta’ Ragħaj Suprem tal-Knisja universali afdajt lis-saċerdoti kollha lil Omm Kristu, li b’mod partikolari hija Ommna: Omm is-Saċerdoti. Nafda lilha llum, jum sollenni tal-Ordinazzjoni tagħkom saċerdotali, is-saċerdozju tagħkom, kull wieħed minnkom, iż-żgħożija tagħkom, l-entużjażmu tagħkom, il-ġenerożità tagħkom, l-intenzjonijiet tagħkom!

Tkun Marija Santissma l-kewkba radjanti tal-mixja saċerdotali tagħkom! Hekk ikun!

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading