22. Iċ-ċiklu tal-għarfien-ġenerazzjoni u l-prospettiva tal-mewt

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 26/03/1980.

1. Resqin lejn it-tmiem taċ-ċiklu ta’ riflessjonijiet li permezz tagħhom fittixna li nsegwu ċ-ċanfira ta’ Kristu mgħoddija lilna minn Mattew (Mt 19,3-9) u minn Marku (Mk 10,1-12): “Ma qrajtux li l-Ħallieq sa mill-bidu ħalaqhom maskju u femmina u qal: “Għal dan ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed?”” (Mt 19,4-5).

L-għaqda konjugali, fil-Ktieb tal-Ġenesi, hija definita bħala “għarfien”. “Adam ingħaqad ma’ Eva, martu, li nisslet u welldet… u qalet: “Akkwistajt bniedem mingħand il-Mulej”” Ġen 4,1). Diġa fittixna fil-meditazzjonijiet preċedenti tagħna li nitfgħu dawl fuq il-kontenut ta’ dak l-“għarfien” bibbliku. Bih il-bniedem, maskju u femmina, mhux biss impona ismu propju, bħal ma għamel waqt li mpona l-ismijiet fuq l-esseri l-oħra ħajjin  (l-animalja) u hekk kiseb pussess. Imma “għaraf” fis-sens ta’ Ġenesi 4,1 (u ta’ siltiet oħra tal-Bibbja), u hekk nistgħu ngħidu irrealizza dak li l-isem “bniedem” jesprimi: jirrejalizza l-umanità tal-bniedem ġdid iġġenerat. F’ċertu sens, mela, jirrejalizza lilu nnifsu, jiġifieri l-bniedem-persuna.

2. B’dan il-mod, jingħalaq iċ-ċiklu bibbliku tal-“għarfien -ġenerazzjoni”. Tali ċiklu tal-“għarfien” huwa kostitwit mill-għaqda tal-persuni fl-imħabba, li tippermettilhom jingħaqdu b’mod hekk strett bejniethom, tant li jsiru ġisem wieħed. Il-Ktieb tal-Ġenesi jirrivela pjenament il-verità ta’ dan iċ-ċiklu. Il-bniedem, maskju u femmina, permezz tal-“għarfien” li dwaru titkellem il-Bibbja, inissel u jiġgenera esseri ġdid, jixbħu, li jistà jimponilu l-isem ta’ “bniedem” (“akkwistajt bniedem”), jieħu biex ngħidu hekk,  pussess tal-istess umanità, jew aħjar jerġà jieħu l-pussess tagħha. Madankollu, dan iseħħ b’mod differenti minn kif kien ħa pussess tal-esseri ħajjin l-oħra kollha (l-animalja), meta kien imponielhom isimhom. Infatti, allura, hu kien sar is-sid tagħhom, kien beda jattwa il-kontenut tal-mandat tal-Ħallieq: “Rażżnu l-art u aħkmuha”  (cf. Ġen 1,28).

3. L-ewwel parti, iżda, tal-istess mandat: “Kunu fertili u mmultiplikaw, imlew l-art” (Ġen 1,28) jaħbi kontenut ieħor u jindika element ieħor. Ir-raġel u l-mara f’dan l-“għarfien”, li fih jagħtu bidu għal esseri li jixbaħhom, dwar liema jistgħu flimkien jgħidu li “huwa ġisem minn ġismi u għadma minn għadmi” (Ġen 2,24), jiġu kważi flimkien “maħtufa”, flimkien meħudin it-tnejn f’pussess tal-umanità li huma, fl-għaqda u fl-“għarfien” reċiproku, jridu jesprimu mill-ġdid, jieħdu mill-ġdid f’pussess, waqt li joħorġuh minnhom stess, mill-umanità propja, mill-maturità tal-għaġeb maskili u femminili ta’ ġisimhom u fl-aħħar – permezz tas-sekwenza kollha tal-konċepimenti u tal-ġenerazzjonijiet umani sa mill-bidu – tal-misteru nnifsu tal-Ħolqien.

4. F’dan is-sens, wieħed jistà jispjega l-“għarfien” bibbliku bħala “pussess”. Huwa possibbli li tara fih xi ekwivalent bibbliku tal-“eros”?  Hawn jidħlu żewġ sferi konċettwali, żewġ lingwaġġi: bibbliku u platoniku; b’kawtela kbira biss huma jistgħu jiġu nterpretati l-wieħed mal-ieħor [1]. Jidher, minflok, li fir-rivelazzjoni oriġinarja mhix preżenti l-idea tal-pussess tal-mara min-naħa tar-raġel, jew viċi-versa, bħala oġġett. Mill-banda l-oħra, huwa però magħruf li, a bażi tal-pekkaminożità miksuba wara d-dnub oriġinali, raġel u mara jridu jerġgħu jibnu, bi tbatija, is-sinifikat tar-rigal reċiproku disinteressat. Din se tkun it-tema tal-analiżi ulterjuri tagħna.

5. Ir-rivelazzjoni tal-ġisem, miġbura fil-Ktieb tal-Ġenesi, b’mod partikulari fil-kapitolu 3, turi b’xhieda mpressjonanti li ċ-ċiklu tal-“għarfien-ġenerazzjoni”, radikat b’mod hekk profond fil-potenzjalità tal-ġisem uman, kien, wara d-dnub, sottomess għal-liġi tat-tbatija u tal-mewt. Alla-Jahwe jgħid lill-mara: “Nimmultiplika d-duluri tiegħek u t-tqaliet tiegħek, fit-tbatija twelled lil uliedek” (Ġen 3,16). Ix-xefaq tal-mewt jinfetaħ quddiem il-bniedem, flimkien mar-rivelazzjoni tas-sinifikat ġeneratur tal-ġisem fl-att tal-“għarfien” reċiproku tal-miżżewġin. U hekk hu li l-ewwel bniedem, maskju, jimponi lil martu l-isem ta’ Eva, “għaliex hija kienet l-omm tal-ħajjin kollha” (Ġen 3,20), meta diġa huwa kien samà l-kliem tas-sentenza, li kienet tiddeċiedi il-prospettiva kollha tal-eżistenza umana” ‘il ġewwa mill-għarfien tat-tajjeb u tal-ħażin. Din il-prospettiva hija kkonfermata mill-kliem: “Terġà lura lejn l-art, għaliex minnha inti ġejt: trab int u trab terġà ssir!” (Ġen 3,19).

Il-karattru radikali ta’ tali sentenza huwa kkonfermat mix-xhieda tal-esperjenza tal-istorja terrena kollha tal-bniedem. Ix-xefaq tal-mewt jinfirex fuq il-prospettiva kollha tal-ħajja umana fuq l-art, ħajja li ġiet imdaħħla f’dak iċ-ċiklu oriġinarju bibbliku tal-“għarfien-ġenerazzjoni”. Il-bniedem li farrak l-allejanza mal-Ħallieq tiegħu, waqt li qatà l-frotta mis-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u tal-ħażin, jiġi minn Alla-Jahwe mifrud mis-siġra tal-ħajja: “Issa huwa ma jestendix iktar idu u ma jiħux ukoll mis-siġra tal-ħajja, lanqas ma jiekol u jgħix dejjem” (Ġen 3,21). B’dan il-mod, il-ħajja mogħtija lill-bniedem fil-misteru tal-ħolqien ma ġietx meħuda, imma ristretta mil-limitu tal-konċepimenti, tat-twelidijiet u tal-mewt, u barra minn hekk aggravata mill-prospettiva tal-pekkaminożità ereditarja; però tingħata lilu mill-ġdid, f’ċertu sens, bħala dmir fl-istess ċiklu dejjem rikorrenti. Is-sentenza: “Adam ingħaqad ma’ (“għaraf”) Eva, martu, li kkonċepiet u welldet” (Ġen4,1), huwa bħal siġill ittimbrat fir-rivelazzjoni oriġinarja tal-ġisem fil-“bidu” stess tal-istorja tal-bniedem fuq l-art. Din l-istorja tifforma dejjem mill-ġdid fid-dimensjoni tagħha l-iktar fundamentali kważi fil-“bidu”, permezz tal-istess “għarfien-ġenerazzjoni”, li dwarha jitkellem il-Ktieb tal-Ġenesi.

6. U hekk, kull bniedem iġorr fih il-misteru tal-“bidu” tiegħu marbut strettament mal-kuxjenza tas-sinifikat ġeneratur tal-ġisem. Ġenesi 4,1-2 donnu jiskot dwar it-tema tar-rapport li jeżisti bejn is-sinifikat ġeneratur u dak sponsali tal-ġisem. Forsi la għadu fil-ħin u lanqas il-lok biex jiċċara dan ir-rapport, ukoll jekk f’analiżi ulterjuri dan jidher indispensabbli.  Jeħtieġ, mela, li mill-ġdid inpoġġu l-mistoqsijiet marbutin mad-dehra tal-mistħija fil-bniedem, mistħija tal-maskulinità tiegħu u tal-femminilità tagħha, qabel mhix sperimentata. F’dan il-waqt, madankollu, dan jgħaddi għal ordni sekondarja. Għall-kuntrarju fuq quddiem nett jgħaddi l-fatt li “Adam ingħaqad (għaraf) ma’ Eva, martu, li kkonċepit u welldet”. Din hija appuntu l-għatba tal-istorja tal-bniedem. Hija l-“bidu” tiegħu fuq l-art.  Fuq din l-għatba l-bniedem, bħala maskju u femmina, jinsab mal-kuxjenza tas-sinifikat ġeneratur tal-ġisem propju: il-maskulinità taħbi fiha nfisha s-sinifikat tal-paternità u l-femminilità dik tal-maternità. F’isem dan is-sinifikat, Kristu, jum fost l-oħrajn għad jagħti t-tweġiba kategorika għad-domanda magħmula lilu mill-Fariżej (Mt 19;Mc 10). Aħna, minflok, waqt li nippenetraw il-kontenut sempliċi ta’ din it-tweġiba, nippruvaw fl-istess ħin inpoġġu fid-dawl il-kuntest ta’ dak il-“bidu”, li għalih irrifera Kristu. Fih tgħaddas għeruqha t-tejoloġija tal-ġisem.

7. Il-kuxjenza tas-sinifikat tal-ġisem u l-kuxjenza tas-sinifikat ġeneratur tiegħu jiltaqgħu, fil-bniedem, mal-kuxjenza tal-mewt, li tagħha jġorru fihom, biex ngħidu hekk, ix-xefaq inevitabbli. Bdanakollu, dejjem jerġà jiġi lura fl-istorja tal-bniedem iċ-ċiklu “għarfien generazzjoni”, li fih il-ħajja tissielet, dejjem mill-ġdid, mal-prospettiva nflessibbli tal-mewt, u dejjem tegħlibha. Bħal qisu li r-raġuni ta’ dan in-nuqqas ta’ ċediment tal-ħajja, li jimmanifesta ruħu fil-“ġenerazzjoni”, dejjem kien l-istess “għarfien, li bih il-bniedem jissupera s-solitudni tal-esseri propju u, anzi, mill-ġdid jiddeċiedi li jwettaq tali esseri f’”ieħor”. U t-tnejn li huma, raġel u mara, iwettquh fil-bniedem ġdid iġġenerat. F’dan it-twettieq, l-“għarfien” bibbliku donnu jakkwista dimensjoni ikbar. Donnu, biex ngħidu hekk, li jinserixxi ruħu f’dik il-“viżjoni” ta’ Alla stess, li biha jintemm l-ewwel rakkont tal-ħolqien tal-bniedem dwar il-“maskju” u l-“femmina” magħmulin“xbiha ta’ Alla”. “Alla ra dak kollu li kien għamel u… kienet ħaġa tassew tajba” (Ġen 1,31). Il-bniedem, minkejja l-esperjenzi kollha ta’ ħajtu propja, minkejja it-tbatijiet, id-delużjonijiet tiegħu nnifsu, il-pekkaminożità tiegħu, u minkejja, fl-aħħarnett, il-prospettiva inevitabbli tal-mewt, iqiegħed madankollu dejjem mill-ġdid l-“għarfien” fil-“bidu” tal-“ġenerazzjoni”; hu, hekk, donnu jipparteċipa f’dik l-ewwel “viżjoni” ta’ Alla stess: Alla Ħallieq “ra…, u hekk hu kienet ħaġa tajba.” U dejjem mill-ġdid, huwa jwettaq l-verità ta’ dan il-kliem.


[1] Skont Platun, 1-“eros” huwa l-imħabba bil-għatx għas-Sbuħija traxxendenti u jesprimi n-nuqqas ta’ xabà mixtieqa għall-oġġett etern tagħha; hu, mela, jgħolli dejjem dak kollu li huwa uman lejn id-divin, li huwa biss jistà jissodisfa n-nostalġija tar-ruħ kalzrata fil-materja, huwa mħabba li ma tmurx lura quddiem l-ikbar dforz, biex tilħaq l-estasi tal-għaqda; mela huwa mħabba egoċentrika, huwa xenqa, alavolja diretta lejn il-valuri sublimi [cf. A. Nygren, Erôs et Agapé, Pariġi 1951, vol. II, pp. 9-10]. Tul is-sekli, permezz ta’ bosta trasformazzjonijiet, is-sinifikat tal-“eros” tbaxxa għall-konnotazzjonijiet sempliċement sesswali. Tipiku huwa hawn it-test ta’ P. Chauchard, li donnu saħansitra jċaħħad lill-“eros” il-karatteristiċi tal-imħabba umana. “La cérébralisation de la sexualité ne réside pas dans les trucs techniques ennuyeux, mais dans la pleine reconnaissance de sa spiritualità, du fait qu’Erôs n’est humain qu’animé par Agapé et qu’Agapé exige l’incarnation dans Erôs” [P. Chauchard, Vices des vertus, vertus des vices, Paris 1963, p. 147]. Il-paragun tal-“għarfien” bibbliku mal-“eros” platoniku jirrivela d-differenza ta’ dawn iż-żewġ ideat. L-idea platonika tibbaża ruħha fuq in-nostalġija tas-Sbuħija traxxendentali u fuq il-ħarba tal-materja;  l-idea bibblika, minflok, hija diretta lejn ir-realtà konkreta, u huwa barrani għaliha id-duwaliżmu tal-ispirtu u tal-materja kif ukoll l-ostilità speċifika lejn il-materja [“U Alla ra li kienet ħaġa tajba”: Ġen1,10.12.18.21.25]. In kwantu għall-kunċett platoniku ta’ “eros” dan jgħaddi s-sinifikat bibbliku tal-“għarfien” uman, il-kunċett kontemporanju donnu ristrett wisq.  Biex jissodisfa l-istint jew il-gost edonistiku, imma huwa att kompletament uman, dirett b’mod konsapevoli lejn il-prokrejazzjoni, u huwa wkoll l-espressjoni tal-imħabba interpersonali [cf.Ġen 29,20; 1 Sam 1,8; 2 Sam 12,24].

Miġjub għall-Malti minn Emauel Zarb.

Ara t-test oriġinali bit-Taljan.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading