23. Il-mistoqsijiet dwar iż-żwieġ fil-viżjoni ntegrali tal-bniedem

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 02/04/1980.

Il-laqgħa tagħna tallum qiegħda sseħħ f’nofs il-Ġimgħa Mqaddsa, fil-vġili mmedjat ta’ dak it-“Triduo pasquale”, li fih tilħaq il-quċċata u tillumina ruħha s-Sena liturġika kollha.

Se nerġgħu ngħixu mill-ġdid il-jiem deċiżivi u sollenni, li fihom titwettaq l-opra tal-fidwa umana: fihom Kristu, waqt li jmut, jeqred il-mewt tagħna u, waqt li jirxoxta, jerġà jirregalalna l-ħajja.

Hemm bżonn li kull wieħed iħossu ruħu involut personalment fil-misteru li l-Liturġija, ukoll din is-sena, iġġedded għalina. Għalhekk inħeġġiġkom biex kordjalment tieħdu sehem bil-fidi fil-funzjonijiet sagri tal-jiem li ġejjin u biex timpenjaw ruħkom fir-rieda li tmutu għad-dnub u li dejjem tirxuxtaw dejjem iktar b’mod sħiħ fil-ħajja l-ġdida, li Kristu ġibilna.

Naqbdu issa, mill-ġdid, it-trattazzjoni tat-tema li issa ilha tokkupana għal żmien mhux ħażin.

1. Il-Vanġelu skont San Mattew u dak skont San Mark jagħtuna t-tweġiba mogħtija minn Kristu lill-Fariżej, meta jistaqsuh dwar l-indissolubiltà taż-żwieġ, waqt li jmur lura għal-Liġi ta’ Mosè, li kienet tammetti, f’ċerti każi, il-prattika tal-hekk imsejjaħ libell ta’ ripudju. Waqt li fakkarhom l-ewwel kapitoli tal-Ktieb tal-Ġenesi, Kristu wieġeb: “Ma qrajtux li l-Ħallieq mill-bidunett ħalaqhom maskju u femmina u qal: Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn ikunu ġisem wieħed? Hekk li ma jibqgħux iktar tnejn, imma ġisem wieħed. Dak, mela, li Alla għaqqad il-bniedem ma jifirdux.”  Imbagħad, waqt li dar fuq il-mistoqsija tagħhom dwar il-liġi ta’ Mosè, Kristu żied: “Minħabba l-għebusija ta’ qalbkom Mosè ppermettilkom li tibagħtu lil martkom, imma mill-bidu ma kienx hekk” (Mt 19,3; Mk 12,2ss). Fit-tweġiba tiegħu, Kristu darbtejn alluda għall-“bidu”, u għalhekk aħna wkoll, fil-kors tal-analiżi tagħna, ippruvajna niċċaraw bil-mod l-iktar profond possibbli is-sinifikat ta’ dan il-“bidu”, li huwa l-ewwel wirt ta’ kull esseri uman fid-dinja, raġel u mara, l-ewwel stqarrija tal-identità umana skont il-kelma rivelata, l-ewwel nixxiegħa taċ-ċertezza tal-vokazzjoni tiegħu bħala persuna maħluqa xbiha ta’ Alla nnifsu.

2. It-tweġiba ta’ Kristu għandha sinifikat storiku, imma mhux biss storiku. Il-bnedmin taż-żminijiet kollha jagħmlu l-istess mistoqsija fuq l-istess tema. Jagħmluha wkoll dawk ta’ żmienna, li però, fil-mistoqsijiet tagħhom ma jirrevokawx għal-liġi ta’ Mosè, li kienet tammetti il-libell tar-rifjut, imma għal ċirkustanzi oħrajn u liġijiet oħrajn. Dawn il-mistoqsijiet tagħhom huma mgħobbija bi problemi mhux magħrufa lill-interlokuturi kontemporanji ta’ Kristu. Nafu liema domandi rigward iż-żwieġ u l-familja kienu ndirizzati lill-aħħar Konċilju, lill-Papa Pawlu VI, u qegħdin ikunu fformulati fil-perijodu post-konċiljari, jum wara jum, fl-iktar ċirkostanzi varji. Dawn jagħmluhom persuni singoli, miżżewġin, għarajjes, żgħażagħ, imma wkoll kittieba, pubbliċisti, politiċi, ekonomisti, demografi, insomma, il-kultura u ċ-ċiviltà kontemporanja.

Naħseb li fost it-tweġibiet, li Kristu jagħti lill-bnedmin ta’ żmienna u għall-mistoqsijiet tagħhom, spiss tant bla sabar, fondamentali tkun mill-ġdid dik mogħtija minnu lill-Fariżej. Waqt li jwieġeb għal dawk il-mistoqsijiet, Kristu jerġà jfakkar qabel xejn il-“bidu”.  Dan forsi jagħmlu b’mod ferm iktar deċiż u essenzjali, minħabba li s-sitwazzjoni interna u wkoll kulturali tal-bniedem tallum donnha qed titbiegħed minn dak il-“bidu” u tassumi forom u dimensjonijiet, li donnhom ma jaqblux mal-immaġni bibblika tal-“bidu” f’punti evidentement dejjem iktar imbiegħda.

Madankollu, Kristu ma jkun “sorpriż” minn ebda waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet, u nissopponi li jkompli jagħmel riferiment fuq kollox għall-“bidu”.

3. Huwa minħabba dan li t-tweġiba ta’ Kristu esiġiet analiżi partikolarment profonda. Infatti f’dik it-tweġiba ġew imfakkra veritajiet fondamentali u elimentari dwar l-esseri uman, bħala raġel u mara. U t-tweġiba, li permezz tagħha nistgħu nagħrfu l-istess struttura tal-identità umana fid-dimensjonijiet tal-misteru tal-ħolqien u, fl-istess ħin, fil-prospettiva tal-misteru tal-fidwa. Mingħajr dan mhemmx mod kif nibnu antropoloġija tejoloġika u, fil-kuntest tagħha, “tejoloġija tal-ġisem”, li minnha toħroġ ukoll oriġni il-viżjoni, għal kollox Kristjana, taż-żwieġ u tal-familja. Dan irrivelah Pawlu VI meta fl-enċiklika tiegħu ddedikata għall-problemi taż-żwieġ u tal-prokrejazzjoni, fis-sinifikat tiegħu umanament u kristjanament responsabbli, huwa mar ifakkar il-“viżjoni integrali tal-bniedem”, (Pawlu VI, Humanae Vitae, 7). Wieħed jistà jgħid li, fit-tweġiba lill-Fariżej, Kristu indika wkoll lill-interlokuturi din “il-viżjoni integrali tal-bniedem”, mingħajr liema ma tistà tingħata ebda tweġiba adegwata għall-mistoqsijiet marbuta maż-żwieġ u mal-prokrejazzjoni. Propju din il-viżjoni ntegrali tal-bniedem għandha tkun mibnija fuq il-“bidu”. 

Dan huwa ugwalment validu għall-mentalità kontemporanja, l-istess bħal ma kien, ukoll jekk b’mod differenti, għall-interlokuturi ta’ Kristu. Infatti aħna wlied ta’ epoka, li fiha minħabba l-iżvilupp ta’ diversi dixxiplini, din il-viżjoni integrali tal-bniedem tistà tkun faċilment miċħuda u mibdula minn ideat parzjali multipli, li, waqt li jieqfu fuq l-aspett jew l-ieħor tal-   compositum humanum, ma jilħqux l-integrum tal-bniedem, jew iħalluh barra mill-kamp viżiv tiegħu. Hemm jinserixxu ruħhom, imbagħad, diversi tendenzi kulturali, li – a bażi ta’ dawn il-veritajiet parzjali – jifformulaw il-proposti u l-indikazzjonijiet prattiċi tagħhom rigward l-imġieba umana u, ferm iktar spiss, dwar kif għandu jġib ruħu mal-“bniedem”. Il-bniedem allura jsir iktar oġġett ta’ tekniki determinati iktar milli s-suġġett responsabbli tal-azzjonijiet tiegħu. It-tweġiba mogħtija minn Kristu lill-Fariżej trid ukoll li l-bniedem, maskju u femmina, jkun tali suġġett, jiġifieri suġġett li jiddeċiedi dwar l-azzjonijiet propji fid-dawl tal-verità ntegrali dwaru, in kwantu verità oriġinarja, jew biex inkunu iktar preċiżi sies tal-esperjenzi awtentikament umani.  Hija din il-verità li Kristu jġegħlna nfittxu mill-“bidu”. Hekk aħna nduru lejn l-ewwel kapitoli tal-Ktieb tal-Ġenesi.

4. L-istudju ta’ dawn il-kapitoli, forsi iktar minn oħrajn, jirrendina kuxjenti tas-sinifikat u tal-bżonn tat-“tejoloġija tal-ġisem”. Il-“bidu jgħidilna relattivament ftit dwar il-ġisem uman, fis-sens naturalistiku u kontemporanju tal-kelma. Minn dan il-punt di vista, fl-istudju preżenti, insibu lilna nfusna f’livell għal kollox prexjentifiku. Ma nafu kważi xejn dwar l-istrutturi interni u dwar r-regolitajiet li jsaltnu fl-organiżmu uman. Madankollu, fl-istess ħin – forsi propju b’mottiv tal-antikità tat-test – il-verità mportanti għall-viżjoni ntegrali tal-bniedem tirrivela ruħha b’mod iktar sempliċi u mimli. Din il-verità tirrigward is-sinifikat tal-ġisem uman fl-istruttura tas-suġġett personali. Suċċessivament, ir-riflessjoni fuq dawk it-testi arkajki tippermettilna li nifirxu tali sinifikat fuq l-isfera kollha tal- intersuġġettività umana, speċjalment fir-rapport perenni raġel-mara. Grazzi għal dan, nakkwistaw fil-konfront ta’ dan ir-rapport ottika, li neħtieġu neċessarjament inpoġġu fil-bażi tax-xjenza kollha kontemporanja dwar is-sesswalità umana, b;sens biofisjoloġiku. Dan ma jridx ifisser li hemm bżonn nirrinunzjaw għal din ix-xjenza jew li niċċaħdu mir-riżultati tagħha. Għall-kuntrarju: jekk dawn iridu jservu biex jgħallmuna xi ħaġa dwar l-edukazzjoni tal-bniedem, fil-maskulinità u l-femminilità tiegħu, u dwar l-isfera taż-żwieġ u tal-prokrejazzjoni, jinħtieġ – permezz tal-elementi singoli kollha tax-xjenza kontemporanja – li naslu dejjem għal dak li huwa fundamentali u essenzjalment personali, tant f’kull individwu, raġel jew mara, daqskemm fir-rapporti reċiproċi tagħhom.

U huwa propju f’dan il-punt li r-riflessjoni dwar it-test arkajku tal-Ġenesi jirrivela ruħu insostitwibbli. Huwa jikkostitwixxi b’mod rejali il-“bidu” tat-tejoloġija tal-ġisem. Il-fatt li t- tejoloġija tkopri wkoll il-ġisem m’għandu la jgħaġgeb u lanqas jissorprendi lil ħadd li huwa kuxjenti tal-misteru u tar-rejaltà tal-Inkarnazzjoni. Għall-fatt li l-Verb ta’ Alla sar laħan, il-ġisem daħal, ikolli ngħid, permezz tal-bieb ewlieni fit-tejoloġija, jiġifieri fix-xjenza li għandha bħala oġġett id-divinità, L-inkarnazzjoni – u l-fidwa li toħroġ minnha – saret ukoll in-nixxiegħa definittiva tas-sagrimentalità taż-żwieġ, ta’ liema, fil-waqt propizju, nittrattaw b’iktar ampjezza.

5. Il-mistoqsijiet imqanqla mill-bniedem kontemporanju huma wkoll dawk tal-kristjani: ta’ dawk li jippreparaw għas-Sagrament taż-Żwieġ jew ta’ dawk li diġa jgħixu fiż-żwieġ, li huwa s-sagrament tal-Knisja. Dawn mhux biss huma d-domandi tax-xjenzi, imma huma iktar, id-domandi tal-ħajja umana. Tant bnedmin u tant kristjani fiż-żwieġ ifittxu it-twettiq tal-vokazzjoni tagħhom. Ħafna jridu jsibu fih it-triq tas-salvazzjoni u tal-qdusija.

Għalihom hija partikolarment importanti t-tweġiba ta’ Kristu lill-Fariżej,  żelaturi tat-Testment il-Qadim. Dawk li jfittxu it-twettiq tal-vokazzjoni propja umana u kristjana fiż-żwieġ, qabel xejn huma msejħa biex jagħmlu minn din it-“tejoloġija tal-ġisem”, li dwarha nsibu il-“bidu” fl-ewwel kapitoli tal-Ktieb tal-Ġenesi. Il-kontenut ta’ ħajjithom u ta’ mġibithom. Infatti, tant hija ndispensabbli, fit-triq ta’ din il-vokazzjoni, il-kuxjenza approfondita tas-sinifikat tal-ġisem, fil-maskulinità u l-femminilità tiegħu! Tant hija meħtieġa kuxjenza preċiża tas-sinifikat sponsali tal-ġisem, tas-sinifikat ġeneratur tiegħu, meqjus li dan kollu, li jifforma l-kontenut tal-ħajja tal-miżżewġin għandu kostantament isib id-dimensjoni sħiħa u personali tiegħu fil-konvivenza, fl-imġieba, fis-sentimenti! U dan, tant iktar fuq l-isfond ta’ ċiviltà, li tibqà taħt il-pressjoni ta’ mod ta’ ħsieb u ta’ valutazzjoni materjalistika u utilitarja. Il-biofisjoloġija kontemporanja tistà tforni bosta informazzjonijiet preċiżi dwar is-sesswalità umana. Madankollu, l-għarfien tad-dinjità personali tal-ġisem uman u tas-sess tkompli tinkiseb minn fonti oħra. Font partikulari hija l-kelma ta’ Alla nnifsu, li fiha r-rivelazzjoni tal-ġisem, dik li tmur lura għall-“bidu”.

Kemm hu sinifikattiv li Kristu, fit-tweġiba għal dawn id-domandi, jamar lill-bniedem biex jerġà lura, sa ċertu punt, għall-għatba tal-istorja tejoloġika tiegħu! Jamarlu jqiegħed lilu nnifsu fil-konfini bejn l-innoċenza-feliċità oriġinarja u l-wirt tal-ewwel waqgħa. Ma jridx forsi jgħidlu, b’dan il-mod, li t-triq li fuqha Huwa jmexxi l-bniedem, maskju-femmina, fis-Sagrament taż-Żwieġ, jiġifieri t-triq tal”fidwa tal-ġisem” hemm bżonn li tikkonsisti fl-irkupru ta’ din id-dinjità li fiha jitwettqu, fl-istess ħin, il-veru sinifikat tal-ġisem uman, is-sinifikat tiegħu personali u “ta’ komunjoni”?

6. Għal issa, intemmu l-ewwel parti tal-meditazzjonijiet tagħna ddedikati għal din it-tema hekk importanti. Biex nagħtu tweġiba iktar eżawrienti għad-domandi tagħna, kultant anzjużi, dwar iż-żwieġ – jew inkella iktar eżattament: dwar is-sinifikat tal-ġisem – ma nistgħux nieqfu biss fuq dak li Kristu wieġeb lill-Fariżej, waqt li għamel riferenza għall-“bidu” (cf. Mt 19,3ss; Mk 10,2ss). Hemm bżonn ukoll li nikkonsidraw dawk l-espressjonijiet l-oħra kollha tiegħu, li fosthom jispikkaw speċjalment tnejn, ta karattru partikolarment sintetiku: l-ewwel waħda,  mid-diskors tal-muntanja, rigward il-possibilitajiet tal-qalb umana rigward il-konkupixxenza tal-ġisem (cf. Mt 5,8), u it-tieni waħda meta Ġesù ifakkar dwar il-qawmien futur (cf. Mt 22,24-30: Mk 12,18-27; Lk 20,27-36).

Dawn iż-żewġ espressjonijiet feħsiebna nagħmluhom oġġett tar-riflessjonijiet suċċessivi tagħna.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara t-test oriġinali bit-Taljan >

%d bloggers like this: