26. Il-konkupixxenza hija l-frott tal-ksur tal-allejanza ma’ Alla

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 30/04/1980.

1. Waqt l-aħħar riflessjoni tagħna, għidna li l-kliem ta’ Kristu fid-Diskors tal-Muntanja huma b’riferiment dirett għax-“xewqa” li titwieled minnufih fil-qalb umana; indirettament, minflok, dawk il-kliem jorjentawna biex nifhmu verità dwar il-bniedem, li hija ta’ mportanza universali.

Din il-verità dwar il-bniedem “storiku”, ta’ importanza universali, lejn liema huma ndirizzati kliem Kristu meħudin minn Mattew 5,27-28, tidher donnha espressa fid-duttrina bibblika dwar konkupixxenza tripla. Nirriferu hawn għall-espressjoni konċiża tal-ewwel Ittra ta’ San Ġwann: “Dak kollu li hu fid-dinja, il-konkupixxenza tal-ġisem, il-konkupixxenza tal-għajnejn u s-suppervja tal-ħajja, ma jiġix mill-Missier, imma mid-dinja. U d-dinja tgħaddi bil-konkupixxenza tagħha, imma minn jagħmel ir-rieda ta’ Alla jibqà għal dejjem” (1Ġw 2,16-17). Huwa ovvju li biex nifhmu dawn il-kliem, hemm bżonn li nżommu amment kbir tal-kuntest, li fih jinsabu nseriti, jiġifieri l-kuntest tat-“tejoloġija Ġovanneska” li dwarha tant inkiteb (1). Madankollu, l-istess kliem jinserixxu ruħhom, kontemporanjament, fil-kuntest tal-Bibbja kollha: huma jappartjenu għall-kumpless tal-verità rivelata dwar il-bniedem, u huma mportanti għat-tejoloġija tal-ġisem. Ma jispjegawx il-konkupixxenza nfisha fil-forma tripla tagħha, minħabba li donnhom jippresupponu li “il-konkupixxenza tal-ġisem, il-konkupixxenza tal-għajnejn u s-suppervja tal-ħajja”, huma, b’xi mod, kunċett ċar u magħruf. Minflok jispjgaw, il-ġenesi tal-konkupixxenza tripla, waqt li jindikaw l-oriġni tagħha mhux “minn Alla”, imma “mid-dinja”.

2. Il-konkupixxenza tal-ġisem u, flimkien magħha, il-konkupixxenza tal-għajnejn u s-suppervja tal-ħajja, tinsab “fid-dinja”. U fl-istess ħin “tiġi mid-dinja”, mhux bħala frott tal-misteru tal-ħolqien, imma bħala frott tas-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u tal-ħażin” (cf. Ġen 2,17) f’qalb il-bniedem. Dak li jagħti l-frott fil-konkupixxenza tripla mhijiex “id-dinja” maħluqa minn Alla għall-bniedem, li t-“tjubija” fundamentali tiegħu qrajna bosta drabi f’Ġenesi 1: “Alla ra li kienet ħaġa tajba… kienet ħaġa tajba ħafna”. Fil-konkupixxenza tripla jagħti l-frott għall-kuntrarju il-ksur tal-ewwel allejanza mal-Ħallieq, ma’ Alla-Elohim, ma’ Alla-Jahwe. Din l-allejanza inkisret f’qalb il-bniedem. Hemm bżonn li hawn nagħmlu analiżi attenta tal-ġrajjiet deskritti fil- Ġenesi 3,1-6. Madankollu, nirreferu biss b’mod ġenerali għall-misteru tad-dnub, fil-bidu tal-istorja umana. Infatti biss bħala konsegwenza tad-dnub, bħala frott tal-ksur tal-allejanza ma’ Alla fil-qalb umana – fl-intimu tal-bniedem – id-“dinja” tal-Ktieb tal-Ġenesi saret id-“dinja” tal-kliem Ġovannesk (1Ġw 2,15-16): post u nixxiegħa ta’ konkupixxenza.

Hekk mela, l-espressjoni skont liema l-konkupixxenza “ma tiġix mill-Missier, imma mid-dinja”, donnha tindirizzana, mill-ġdid għal darb’oħra lejn il-“bidu” bibbliku. Il-ġenesi tal-konkupixxenza tripla, ippreżentatha minn Ġwanni, issib f’dan il-bidu l-ewwel u l-fundamentali kjarifika tagħha, spjegazzjoni, li hija essenzjali għat-tejoloġija tal-ġisem. Biex nifhmu dik il-verità ta’ mportanza universali dwar il-bniedem “storiku”, inkluża fil-kliem ta’ Kristu waqt id-diskors tal-muntanja (Mt 5,27-28), jinħtieġ li mill-ġdid għal darb’oħra nduru għall-Ktieb tal-Ġenesi, mill-ġdid għal darb’oħra nieqfu “fl-għatba” tar-rivelazzjoni tal-bniedem “storiku”.Dan huwa tant meħtieġ. Minħabba li tali għatba tal-istorja tal-fidwa turi ruħha fl-istess ħin għatba ta’ esperjenzi umani awtentiċi, kif se nistabilixxu fl-analiżi suċċessivi. Hemm jerġgħu jgħixu mill-ġdid l-istess sinifikati miksuba mill-analiżi preċedenti, bħala elementi kostitwenti ta’ antropoloġija adegwata u sottostrat profond tat-tejoloġija tal-ġisem.

3. Tistà mill-ġdid titqanqal il-mistoqsija jekk hux leċitu tistrasferixxi il-kontenuti  tipiċi tat-“tejoloġija ġovanneska”, miġbura fl-ewwel ittra kollha  (1Ġw 2,15-16), a bażi tad-Diskors tal-Muntanja, skont Mattew, u preċiżament tal-istqarrija ta’ Kristu meħudha minn Mattew 5,27-28:”Fhimtu dak li ntqal: La tikkommettix adulterju; imma jien ngħidilkom: min iħares lejn mara biex jixtieqha, diġa kkommetta adulterju magħha f’qalbu”. Nerġgħu naqbdu dan l-argument bosta drabi; dan minkejja li nagħmlu riferenza sa minn issa għall-kontenut bibbliku ġenerali, għat-totalità kollha tal-verità dwar il-bniedem, rivelata u espressa fiha. Propju f’isem din il-verità, infittxu li nifhmu sal-qiegħ nett ir-raġel, li Kristu jindika fit-test ta’ Mattew 5,27-28: jiġifieri r-raġel li “jħares” lejn il-mara “biex jixtieqha”. Tali ħarsa, fl-aħħar minn l-aħhar, ma tispjegax ruħha forsi bil-fatt li dak ir-raġel huwa appuntu “raġel ta’ xewqa”, fis-sens tal-ewwel Ittra ta’ San Ġwann, anzi li t-tnejn li huma, jiġifieri r-raġel li jħares biex jixtieq u l-mara li hija l-oġġett ta’ tali ħarsa, isibu ruħhom fid-dimensjoni tal-konkupixxenza tripla, li “ma tiġix mill-Missier, imma mid-dinja”? Hemm bżonn, mela, li nifhmu x’inhi dik il-konkupixxenza jew pjuttost x’inhu dak “ir-raġel tax-xewqa” bibbliku, biex niskopru il-profondità ta’ kliem Kristu skont Mattew 5,27-28, u biex nispjegaw xi tfissere r-riferenza tagħhom, tant importanti għat-tejoloġija tal-ġisem, għall-“qalb” umana. 

4. Induru mill-ġdid għat-test jahwista, li fih l-istess bniedem, maskju u femmina, jidher fil-bidu bħala bniedem ta’ innoċenza oriġinarja – qabel id-dnub oriġinali – u mbagħad bħala dak li tilef din l-innoċenza, waqt li kiser l-allejanza oriġinarja mal-Ħallieq tiegħu. M’aħniex hawn feħsiebna nagħmlu analiżi sħiħa tat-tentazzjoni u tad-dnub, skont l-istess test ta’ Ġenesi 3,1-5, id-duttrina relattiva tal-Knisja u t-tejoloġija. Ikun tajjeb li biss nosservaw li l-istess deskrizzjoni bibblika donnha ġgiegħel tispikka b’mod partikolari il-waqt propizju, li fih ġo qalb il-bniedem jiddaħħal id-dubju tar-Rigal. Il-bniedem li jiġbor “il-frott tas-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u tal-ħażin” jagħmel, fl-istess ħin, għażla fondamentali u jattwaha kontra  l-volontà tal-Ħallieq, Alla Jahwe, waqt li jaċċetta l-motivazzjoni ssuġġeritha lilu mit-tentatur: “Ma tmutux affattu! Anzi Alla jaf li, meta intom tieklu, jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal Alla, tagħrfu t-tajjeb u l-ħażin”; skont traduzzjonijiet antiki: “Tkunu bħal allat, tagħrfu t-tajjeb u l-ħażin” (2). F’din il-motivazzjoni jinġabar b’mod ċar l-iddubitar tar-Rigal u tal-Imħabba, li minnhom toħroġ l-oriġini tal-ħolqien bħala donazzjoni. Għal dak li jirrigwarda l-bniedem, huwa jirċievi b’rigal id-“dinja” u fl-istess ħin ix-“xbiha ta’ Alla”, jiġifieri l-umanità stess fil-verità kollha tad-dupliċità tiegħu maskili u femminili. Huwa biżżejjed li taqra b’attenzjoni is-silta kollha ta’ Ġenesi 3,1-5, biex tagħraf il-misteru tal-bniedem li jagħti dahru lill-“Missier” (ukoll jekk fir-rakkont ma nsibux tali isem ta’ Alla). Waqt li poġga fid-dubju jew, f’qalbu, is-sinifikat l-iktar profond tad-donazzjoni, jiġifieri l-imħabba bħala mottiv speċifiku tal-ħolqien u tal-Allejanza oriġinarja (cf. Ġen 3,5), il-bniedem jagħti dahru lil Alla-Imħabba, lill-“Missier”. F’ċertu sens jirriġettah minn qalbu. Fl-istess ħin, mela, jiddistakka qalbu u kważi  jaqtagħha minn dak li “jiġi mill-Missier”: hekk, jibqà fih dak li “jiġi mid-dinja”.

5. “Allura infetħu l-għajnejn tat-tnejn u ntebħu li kienu mneżżà; ħietu l-weraq tat-tin flimkien u għamluhom bħal faxex madwarhom” (Ġen 3,6). Din hija l-ewwel sentenza tar-rakkont jahwista, li tirreferi għas-“sitwazzjoni” tal-bniedem wara d-dnub u turi l-istat il-ġdid tan-natura umana. “Forsi din is-sentenza ma tissuġġerixxix ukoll il-bidu tal-“konkupixxenza” f’qalb il-bniedem? Biex nagħtu tweġiba iktar profonda għal tali domanda, ma nistgħux nieqfu fuq dik is-sentenza, imma hemm bżonn li naqraw it-test kollu kemm hu. Madankollu, hawn tajjeb li niftakru dak li fl-ewwel analiżi intqal dwar it-tema tal-mistħija bħala esperjenza “tal-limitu”. (cf. Giovanni Paolo II, Allocutio in Audientia Generali habita, die 12 dec. 1979: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, II, 2 [1979] 1378ss) Il-Ktieb tal-Ġenesi jagħmel riferenza għal-din l-esperjenza biex juri il-“konfini” eżistenti bejn l-istat tal-innoċenza oriġinarja (cf. B’mod partikolari Ġenesi 2,25, għal-liema ddedikajna ħafna attenzjoni fl-analiżi preċedenti) u l-istat pekkaminuż tal-bniedem fil-“bidu” stess. Waqt li Ġenesi 2,25 jenfasizza li “kienu mneżżà… imma ma kinux iħossu mistħija”,Ġenesi 3,6 jitkellem b’mod espliċitu dwar it-twelid tal-mistħija b’konnessjoni mad-dnub. Dik il-mistħija hija kważi l-ewwel nixxiegħa tal-manifestazzjoni  tal-manifestazzjoni tal-bniedem – fit-tnejn, raġel u mara – ta’ dak li “ma jiġix mill-Missier, imma mid-dinja”.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara t-test oriġinali bit-Taljan >

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading