27. Bidla radikali tas-sinifikat tal-għera oriġinarja

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 14/05/1980.

1. Diġa tkellimna dwar il-mistħija li nibtet f’qalb l-ewwel bniedem, maskju u femmina, flimkien mad-dnub.

L-ewwel sentenza tar-rakkont bibbliku, f’dan ir-rigward, iddoqq hekk: “Allura infetħulhom it-tnejn għajnejhom, u ntebħu li kienu mneżżgħa; ħietu weraq tat-tin flimkien u għamlu minnhom bħal faxex” (Ġen 3,7). Dan il-pass li jitkellem dwar il-mistħija reċiproka tar-raġel u tal-mara bħala sintomu tal-waqgħa (status naturae lapsae), jitqies fil-kuntest tiegħu. Il-mistħija f’dak il-waqt tmiss il-grad l-iktar profond u donnha tħawwad is-sisien stess tal-eżistenza tagħhom. “Imbagħad semgħu lill-Mulej Alla, li kien qed jippassiġġa fil-ġnien fiż-żiffa tal-jum, u r-raġel flimkien ma’ martu inħbew mill-Mulej Alla, f’nofs is-siġar tal-ġnien (Gen 3,8). Il-bżonn tal-ħabi jindika li fil-profond tal-mistħija li nħasset b’mod reċiproku, bħala frott immedjat tas-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u tal-ħażin, immatura sens ta’ biżà quddiem Alla: biżà preċedentement mhux magħruf. “Il-Mulej Alla sejjaħ lir-raġel u qallu: “Fejn int?” Wieġeb “Smajt il-passi tiegħek fil-ġnien: bżajt għaliex jien għarwien, u nħbejt”” (Ġen 3,9-10). Ċerta biżà tappartjeni dejjem għan-nuqqas stess tal-mistħija; xejn inqas milli l-mistħija oriġinarja tirrivela b’mod partikulari il-karattru tagħha: “Bżajt, għaliex jien għarwien”. Jeħtieġ ninnutaw li hawn hemm fin-nofs xi ħaġa iktar profonda mill-istess mistħija korporali, marbuta ma għarfien reċenti tal-propja għera l-oriġni awtentika tal-biżà, li pjuttost tindika l-effett, biex ma jsejjaħx b’isimha l-kawża tagħha. U allura huwa Alla Jahwe li jagħmel dan minfloku: “Min għarrfek li inti għarwien? Forsi kilt mis-siġra li jien amartlek biex ma tikolx?” (Ġen 3,11).

2. Skonvolġenti hija l-preċiżjoni ta’ dak id-djalogu, skonvolġenti hija l-preċiżjoni tar-rakkont kollu. Din turi l-wiċc tal-emozzjonijiet tal-bniedem fl-għixien tal-ġrajjiet, b’mod li jiżvela għaż-żmien stess il-profondità. F’dan kollu l-“għera” mhux biss għandha sinifikat letterali, ma tirreferix biss għall-ġisem, mhix oriġni ta’ mistħija riferita biss għall-ġisem. Fir-realtà, permezz “tal-għera”,  juri ruħu l-bniedem nieqes mill-parteċipazzjoni fir-Rigal, il-bniedem aljenat minn dik l-Imħabba li kienet in-nixxiegħa tar-rigal oriġinarju, nixxiegħa tal-milja tal-ġid iddestinat għall-krejatura. Dan il-bniedem, skont il-formuli tat-tagħlim tejoloġiku tal-Knisja(1), safa priv mid-doni soprannaturali u preternaturali, li kienu jagħmlu parti mid-“dota” tiegħu qabel id-dnub; barra minn hekk, ġarrab ħsara f’dak li jappartjeni lin-natura stess, għall-umanità fil-milja oriġinarja “tal-immaġni ta’ Alla”. Il-konkupixxenza tripla ma tikkorrispondix mal-milja ta’ dik l-immaġni, imma appuntu għad-danni, għad-defiċjenzi, għal-limitazzjonijiet li dehru mad-dnub. Il-konkupixxenza tispjega ruħha bħala defiċjenza, li però tgħaddas għeruqha fil-profondità oriġinarja tal-ispirtu uman. Jekk irridu nistudjaw dan il-fenomenu fl-oriġni tiegħu, jiġifieri fuq l-għatba tal-esperjenzi tal-bniedem “storiku”, hemm bżonn li nieħdu in konsiderazzjoni il-kliem kollu li Alla-Jahwe ndirizza lill-mara (Gen 3,16) u lir-raġel (Ġen 3,17-19), u barra minn dan hemm bżonn li neżaminaw l-istat tal-kuxjenza tat-tnejn li huma; u huwa t-test jahwista li espressament jiffaċilitahulna. Diġa qabel ġbidna l-attenzjoni għall-ispeċifità letterarja tat-test għal tali rigward.

3. Liema stat ta’ kuxjenza jistà juri ruħu fil-kliem: “Bżajt, għaliex jien għarwien, u nħbejt”? Għal-liema verità nterna dawn jikkorrispondu? Liema sinifikat tal-ġisem dawn jixhdu? Bla ebda dubju ta’ xejn dan l-istat ġdid huwa bil-kbir differenti minn dak oriġinarju. Il-kliem ta’ Ġenesi 3,10 jixhdu b’mod dirett bidla radikali mis-sinifikat tal-għera oriġinarja.  Fl-istat tal-innoċenza oriġinarja, l-għera, kif osservajna qabel, ma kinitx tesprimi nuqqas, imma kienet tirrapreżenta l-aċċettazzjoni sħiħa tal-ġisem fil-verità umana kollha tiegħu, u allura personali. Il-ġisem, bħala espressjoni tal-persuna, kien l-ewwel sinjal tal-preżenza tal-bniedem fid-dinja viżibbli. F’dik id-dinja, il-bniedem setà, sa mill-bidu, jiddistingwi lilu nnifsu, kważi jindividwa lilu nnifsu – jiġifieri jikkonferma ruħu bħala persuna – ukoll permezz tal-ġisem. Huwa, infatti, kien, biex ngħidu hekk, kontrassenjat bħala fattur viżibbli tat-traxxendenza, minħabba liema l-bniedem , in kwantu persuna, jissupera d-dinja viżibbli tal-esseri ħajjin (animalja).  F’tali sens, il-ġisem uman kien mill-bidu xhieda fidila u verifika sensibbli tas-“solitudni” oriġinarja tal-bniedem fid-dinja, waqt li fl-istess ħin isir, permezz tal-maskulinità u l-femminilità tiegħu, komponent limpidu tad-donazzjoni reċiproka fil-komunjoni tal-persuni. Hekk, il-ġisem uman kien iġorr fih, fil-misteru tal-ħolqien, sinjal bla ebda dubju tal- “immaġni ta’ Alla” u kien jikkostitwixxi wkoll il-fonti speċifiku taċ-ċertezza ta’ dik l-immaġni preżenti fl-esseri uman kollu. L-aċċettazzjoni oriġinarja tal-ġisem kienet, f’ċertu sens, il-bażi tal-aċċettazzjoni tad-dinja viżibbli kollha. U, minn-naħa tagħha, kienet għall-bniedem garanzija tad-dominju tiegħu fuq id-dinja, fuq l-art, li huwa kellu jissuġġetta (cf. Ġen 1,28).

4. Il-kliem “bżajt, għaliex kont għarwien, u nħbejt” (Ġen 3,10) jixhdu bidla radikali f’tali rapport. Il-bniedem, b’xi mod, jitlef iċ-ċertezza oriġinarja tal-“immaġni ta’ Alla”, espressa f’ġismu. Jitlef ukoll b’xi mod is-sens tad-dritt tiegħu  li jieħu sehem fil-perċezzjoni tad-dinja, li bih kien igawdi fil-misteru tal-ħolqien. Dan id-dritt kien isib is-sisien tiegħu fl-intimu tal-bniedem, fil-fatt li hu stess kien jieħu sehem fil-viżjoni divina tad-dinja u tal-propja umanità; li lilu kienet ittih paċi profonda u ferħ fl-għixien tal-verità u tal-valur tal-propju ġismu, fis-sempliċità kollha tiegħu, trasmessa lilu mill-Ħallieq: “Alla ra (li) kienet ħaġa tassew tajba”(Ġen 1,31). Il-kliem ta’ Ġenesi 3,10: “Bżajt, għaliex jien għarwien, u nħbejt” jikkonfermaw il-waqgħa tal-aċcettazzjoni oriġinarja tal-ġisem bħala sinjal tal-persuna fid-dinja viżibbli.  Flimkien ma dan, jidher ukoll li donnha tixxengel l-aċcettazzjoni tad-dinja materjali b’konnessjoni mal-bniedem. Il-kliem ta’ Alla-Jahwe kważi jħabbru bil-quddiem l-ostilità tad-dinja, ir-reżistenza tan-natura fir-rigward tal-bniedem u tad-dmirijiet tiegħu, iħabbru bil-quddiem il-għejja li l-ġisem uman kellu mbagħad iġarrab f’kuntatt mal-art minnu mrażżna: “Misħuta tkun l-art minħabba fik! Bit-tbatija tlaqqat l-ikel għall-jiem kollha ta’ ħajtek. Xewk u għollieq tipproduċi għalik u tiekol il-ħaxix tal-għelieqi. Bil-għaraq ta’ ġbinek tiekol il-ħobż; sakemm terġà lura lejn l-art, għaliex minnha itteħidt” (Ġen 3,17-19). It-tmiem ta’ tali tbatija, ta’ tali lotta tal-bniedem mal-art, hija l-mewt: “Trab int u trab trid terġà ssir” (Ġen 3,19).

F’dan il-kuntest, jew pjuttost f’din il-perspettiva, il-kliem ta’ Adam f’Ġenesi 3,10: “Bżajt, għaliex jien għarwien, u nħbejt”, donnhom jesprimu l-għarfien li kien bla difiża, u s-sens ta’ nuqqas ta’ sikurezza  tal-istruttura somatika tiegħu quddiem il-proċessi tan-natura, imħaddma b’determiniżmu inevitabbli. Forsi f’din l-espressjoni skonvolġenti hemm involuta ċerta “mistħija kożmika”, li fiha jesprimi ruħu l-esseri maħluq “xbiha ta Alla” u msejjaħ biex irażżan l-art u biex jiddominaha (cf. Ġen 1,28), propju meta, fil-bidu tal-esperjenzi storiċi tiegħu u b’mod hekk espliċitu, jiġi sottomess għall-art, b’mod partikulari fil-“parti” tal-kostituzzjoni traxxendentali tiegħu rappreżentata appuntu mill-ġisem.

Jeħtieġ li ninterrompu hawn ir-riflessjonijiet tagħna dwar is-sinifikat tal-mistħija oriġinarja, fil-Ktieb tal-Ġenesi. Nerġgħu naqbduhom fi żmien ġimgħa.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara t-test oriġinali bit-Taljan >

%d bloggers like this: