25. Il-kontenut etiku u antropoloġiku tal-kmandament “la tikkommettix adulterju”

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 23/04/1980.

1. Niftakru l-kliem tad-diskors tal-muntanja, għal-liema qegħdin nirreferu fiċ-ċiklu pteżenti tar-riflessjonijiet tagħna ta’ nhar t’Erbgħa: “ Fhimtu – qal il-Mulej – dak li ntqal: la tikkommettux adulterju; imma jiena ngħidilkom: min iħares lejn mara biex jixtieqha, diġa kkommetta adulterju magħha f’qalbu” (Mt 5,27-28).

Il-bniedem li għalih Ġesù hawn jirreferi huwa propju il-bniedem  “storiku”, dak li tiegħu sibna il-“bidu” u l-“preistorja tejoloġika” tiegħu fis-serje ta’ analiżi preċedenti. B’mod dirett, huwa dak li jismà b’widnejh propji id-diskors tal-muntanja. Imma flimkien miegħu, hemm ukoll kull bniedem ieħor, imqiegħed quddiem dak il-waqt tal-istorja, kemm fl-ispazhu mmens tal-imgħoddi, kif ukoll f’dak, vast ugwalment, tal-futur. Għal dan il-“futur”, quddiem id-diskors tal-muntanja, jappartieni wkoll il-preżent tagħna, il-kontemporanjetà tagħna. Dan il-bniedem, f’ċertu sens, huwa “kull” bniedem, “kull” wieħed u waħda minna. Kemm il-bniedem tal-passat, kif ukoll il-bniedem tal-futur jista jkun dak li jaf il-kmandament pożittiv “la tikkommettix adulterju” bħala “kontenut tal-liġi” (cf. Rm 2,22-23), imma jistà jkun ugwalment dak li, skont l-ittra lir-Rumani, għandu dan il-kmandament biss “miktub f’qalbu” (Rm 2,15)(1). Fid-dawl tar-riflessjonijiet preċedenti li saru, huwa l-bniedem li mill-“bidu” tiegħu akkwista sens preċiż tas-sinifikat tal-ġisem, ġa qabel ma għadda “l-għatba” tal-esperjenzi storiċi tiegħu, fil-misteru stess tal-ħolqien, meta nqisu li deher “bħala raġel u mara” (Ġen 1,27). Huwa l-bniedem storiku, li fil-“bidu” ta’ ġrajjietu fid-dinja sab lilu nnifsu “ġewwa” l-għarfien tat-tajjeb u tal-ħażin, waqt li farrak l-allejanza mal-ħallieq tiegħu. U l-bniedem maskju, li “għaraf” (l-mara) martu” u “għarafha diversi drabi, u hi “kkonċepit u welldet” (cf. Ġen 4,1-2) f’konformità mad-disinn tal-Ħallieq, li reġà lura lejn l-istat tal-innoċenza oriġinarja (cf. Ġen 1,28; 2,24).

2. Fid-diskors tiegħu tal-muntanja, Kristu jindirizza, b’mod partikulari bil-kliem ta’ Mt 5,27-28, propju lil dak il-bniedem. Jindirizza lill-bniedem ta’ waqt determinat tal-istorja u, fl-istess ħin, lill-bnedmin kollha, li jappartienu għall-istess storja umana. Jindirizza, kif diġa osservajna, lill-bniedem “intern”. Il-kliem ta’ Kristu għandhom kontenut antropoloġiku espliċitu; huma jmissu dawk is-sinifikati perenni, li permezz tagħhom tiġi kostitwita l-antropoloġija “adegwata”. Dawn il-kliem, permezz ta’ liema kontenut etiku, simultanjament jikkostitwixxu tali antropoloġija, u jesiġu, biex ngħidu hekk, li l-bniedem jidħol fl-immaġni sħiħa tiegħu. Il-bniedem li huwa “laħam”, u li bħala maskju jibqà f’rapport, permezz ta’ ġismu u sessu, mal-mara (dan infatti jindika wkoll l-espressjoni “la tikkommettix adulterju”), hemm bżonn, li fid-dawl ta’ dawn il-kliem ta’ Kristu, jerġà jsib ruħu fl-intern tiegħu, f’ “qalbu” (2).

Il-“qalb” hija din id-dimensjoni tal-umanità, li biha huwa marbut direttament is-sens tas-sinifikat tal-ġisem uman, u l-ordni ta’ dan is-sens. Hawn jidħlu, kemm dak is-sinifikat li, fl-analiżi preċedenti, sejjaħna “sponsali”, kif ukoll  dak li sejjaħna “ġeneratur”. U liema ordni għandha x’taqsam?

3. Din il-parti tal-konsiderazzjoni tagħna għandha tagħti tweġiba appuntu għal tali domanda – tweġiba li tiġi mhux biss għal raġunijiet etiċi, imma wkoll għal dawk antropoloġiċi: huma, infatti, jibqgħu f’rapport reċiproku. Għal issa, b’mod preliminari, jeħtieġ nistabilixxu s-sinifikat tat-test ta’ Mt 5,27-28, is-sinifikat tal-espressjonijiet użati fih u r-rapport reċiproku tagħhom. L-adulterju, li għalih jirreferixxi b’modd dirett l-ikkwotat kmandament, ifisser il-ksur tal-unità, permezz ta’ liema r-raġel u l-mara, bħala miżżewġin biss, jistgħu jingħaqdu b’mod hekk strett li jkunu “ġisem wieħed” (Ġen 2,24). Jikkummetti adulterju r-raġel, jekk b’mod tali jingħaqad ma’ mara li mhix martu. Tikkummetti adulterju wkoll il-mara, jekk b’mod tali tingħaqad ma’ raġel li mhux żewġha. Jeħtieġ niddeduċu li “l-adulterju fil-qalb”, kommess mir-raġel meta “jħares lejn mara biex jixtieqha”, ifisser att intern definit sewwa. Dan ifisser xewqa li hija diretta, f’dan il-każ, mir-raġel lejn mara li mhix martu, bl-iskop li jingħaqad magħha bħallikieku kienu, jiġifieri – sabiex nużaw mill-ġdid il-kliem ta’ Ġen 2,24 – hekk li “it-tnejn ikunu ġisem wieħed”. Tali xewqa, bħala att intern, tiġi espressa permezz tas-sens tal-vista, jiġifieri bil-ħarsa, bħal fil-każ ta’ David u Betsabea, biex ninqdew b’eżempju meħud mill-Bibbja (cf. 2Sam 11,2; Dan forsi huwa l-iktar magħruf, imma fil-Bibbja jistgħu jinstabu eżempji oħra simili [cf. Ġen 34,2; Ġdc 14,1; 16,1]). Ir-rapport tax-xewqa mas-sens tal-vista ingħata mportanza partikulari fil-kliem ta’ Kristu.

4. Dawn il-kliem ma jgħidux b’mod ċar jekk il-mara – oġġett tax-xewqa – hijiex mara ta’ xi ħadd ieħor jew inkella sempliċement mhix il-mara tar-raġel li jħares lejha b’tali mod. Tistà tkun mart ieħor, kif ukoll mhix marbuta biż-żwieġ. Pjuttost jinħtieġ nirrejalizzawh, billi nibbażaw b’mod speċjali fuq l-espressjoni li appuntu tiddefenixxi adulterju dak li r-raġel wettaq “f’qalbu” bil-ħarsa. Jeħtieġ niddeduċu b’mod korrett li tali ħarsa ndirizzata lejn il-propja martu mhix adulterju “fil-qalb”, appuntu għaliex l-att relattiv intern tar-raġel jirreferixxi għall-mara li hija martu, fir-rigward ta’ liema l-adulterju ma jistax jivverifika ruħu. Jekk l-att taż-żwieġ bħala att estern, li fih “it-tnejn jingħaqdu b’tali mod li jsiru ġisem wieħed”,  huwa leċitu fir-rapport tar-raġel in kwestjoni mal-mara li hija martu, b’mod simili huwa wkoll konformi mal-etika  l-att intern fl-istess relazzjoni.

5. Xejn inqas, dik ix-xewqa, indikata mill-espressjoni dwar “kull min iħares lejn mara biex jixtieqha”, għandha dimensjoni bibblika u tejoloġika propja, li hawn ma nistgħux niċċaraw. Ukoll jekk tali dimensjoni ma timmanifestax ruħha b’mod dirett f’din l-espressjoni konkreta unika ta’ Mt5,27-28, madankollu hija radikata b’mod profond fil-kuntest globali, li jirreferixxi għar-rivelazzjoni tal-ġisem. Għal dan il-kuntest hemm bżonn li nerġgħu nmorru lura, sabiex it-twissija ta’ Kristu “lill-qalb”, lill-bniedem intern, tirbombja fil-milja kollha tal-verità tagħha. L-espressjoni kkwotata tad-diskors tal-muntanja (Mt 5,27-28) għandha fundamentalment karattru ndikattiv.Li Kristu jdur direttament fuq ir-raġel bħala dak li “jħares lejn mara biex jixtieqha”, ma jfissirx li kliemu, fis-sens etiku tiegħu, ma jirreferix ukoll għall-mara. Kristu jesprimi ruħu hekk biex juri b’eżempju konkret kif għandu jkun mifhum “it-twettiq tal-liġi”. Skont is-sinifikat li taha Alla-Leġiżlatur, u barra minn hekk kif għandu wieħed jifhem dik is-“sovrabbundanza tal-ġustizzja” fil-bniedem li josserva s-sitt kmandament tad-dekalogu.  Waqt li nitkellmu b’dan il-mod, Kristu jrid li ma niqfux fuq l-eżempju fih innifsu, imma wkoll li nippenetraw fis-sens etiku u antropoliġiku sħiħ ta’ dak espress. Jekk hu għandu karattru ndikattiv, ifisser li, waqt li nsegwu t-traċċi tiegħu, nistgħu naslu biex nifhmu l-verità ġenerali dwar il-bniedem “storiku”, valida wkoll għat-tejoloġija tal-ġisem.. L-istadji ulterjiri tar-riflessjonijiet tagħna se jkollhom l-iskop li jqarrbuna biex nifhmu din il-verità.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara t-test oriġinali bit-Taljan >

%d bloggers like this: