59. Pedagoġija tal-ġisem, ordni morali, manifestazzjonijiet affettivi

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 08/04/1981.

1. Issa jaqblilna nikkonkludu r-riflessjonijiet u l-analiżi bbażati fuq il-kliem ippronunzjat minn Kristu fid-Diskors tal-Muntanja, li bih Hu reġà rrifera għall-qalb umana, waqt li ħeġġiġha għall-purezza: “Fhimtu dak li ntqal: La tikkommettix adulterju; imma jiena ngħidilkom: kulmin iħares lejn mara biex jixtieqha, diġa jkun ikkummetta adulterju magħha f’qalbu” (Mt 5,27-28).

Għidna, diversi drabi li dan il-kliem, ippronunzjat darba għas-semmiegħa delimitati ta’ dak id-Diskors, jirreferi għall-bnedmin kollha ta’ kull żmien u post, u jagħmel appell għall-qalb umana, li fiha tinkiteb it-trama tal-istorja l-iktar interna u sa ċertu punt, l-iktar essenzjali. Hija l-istorja tat-tajjeb u l-ħażin (il-bidu ta’ liema huwa marbut, fil-Ktieb tal-Ġenesi, mas-siġra misterjuża tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin) u, fl-istess ħin, hija l-istorja tal-fidwa, il-kelma ta’ liema hija fil-Vanġelu, u l-qawwa ta’ liema huwa l-Ispirtu Santu, mogħti lil dawk li jilqgħu l-Vanġelu b’qalb sinċiera.

2. Jekk l-appell ta’ Kristu lill-“qalb” umana u, ukoll qabel, ir-riferenza tiegħu għall-“bidu” jippermettilna nibnu jew almenu niddeskrivu antropoloġija, li nistgħu insejħu “tejoloġija tal-ġisem”, tali tejoloġija hija, fl-istess ħin, pedagoġija. Il-pedagoġija tipprova teduka l-bniedem, waqt li tqegħdlu quddiemu l-esiġenzi, waqt li timmotivah, u waqt li tindikalu t-toroq li jwasslu għar-rejalizzazzjoni tagħhom. L-espressjonijiet ta’ Kristu għandhom ukoll dan il-għan: huma espressjonijiet “pedagoġiċi”. Huma fihom pedagoġija tal-ġisem, espressa b’mod konċiż u, fl-istess ħin, estremament sħiħa. Kemm it-tweġiba mogħtija lill-Fariżej fir-rigward tal-indissolubiltà taż-żwieġ, kif ukoll il-kliem tad-Diskors tal-Muntanja rigward id-dominju tal-konkupixxenza, juru – almenu b’mod indirett – li l-Ħallieq alloka bħala dmir lill-bniedem il-ġisem, il-maskulinità u l-femminilità tiegħu; u fil-maskulinità u l-femminilità allokalu f’ċertu sens bħala dmir l-umanità tiegħu, id-dinjità tal-persuna, u wkoll is-sinjal trasparenti tal-“għaqda” interpersonali, li fiha l-bniedem jirrejalizza lilu nnifsu permezz tar-rigal awtentiku tiegħu nnifsu. Waqt li poġġa quddiem il-bniedem l-esiġenzi konformi mad-dmirijiet afdati lilu, il-Ħallieq jindika fl-istess ħin lill-bniedem, maskju u femmina, it-toroq li jwasslu biex jassumihom u jesegwihom.

3. Waqt li nanalizzaw dawn it-testi-muftieħ tal-Bibbja, sa l-għeruq stess tas-sinifikati li huma jagħlqu fihom, niskopru appuntu dik l-antropoloġija li tistà tkun imlaqqma “tejoloġija tal-ġisem”. U hija din it-tejoloġija tal-ġisem li mbagħad tqiegħed is-sisien tal-iktar metodu propju tal-pedagoġija tal-ġisem, jiġifieri tal-edukazzjoni (anzi tal-awtoedukazzjoni) tal-bniedem. Dan jakkwista attwalità partikulari għall-bniedem kontemporanju, li x-xjenza tiegħu fil-qasam tal-bijofisjoloġija u tal-bijomediċina hija tassew avanzata. Madankollu din ix-xjenza tittratta l-bniedem taħt “aspett” determinat u allura huwa pjuttost parzjali, iktar milli globali. Nafu sewwa l-funzjoni tal-ġisem bħala organiżmu, il-funzjonijiet marbutin mal-maskulinità u l-femminilità tal-persuna umana. Imma tali xjenza weħedha, ma tiżviluppax għad il-kuxjenza tal-ġisem bħala sinjal tal-persuna, bħala manifestazzjoni tal-ispirtu. L-iżvilupp kollu tax-xjenza kontemporanja, fir-rigward tal-ġisem bħala organiżmu, għandu pjuttost il-karattru tal-għarfien bijoloġiku, għaliex huwa bbażat fuq id-diżġunzjoni, fil-bniedem, ta’ dak li fih huwa korporeju minn dak li hu spiritwali. Waqt li ninqdew b’għarfien hekk unilaterali tal-funzjonijiet tal-ġisem bħala organiżmu, mhux diffiċli li naslu biex nittrattaw il-ġisem, b’mod ftit jew wisq sistematiku, bħala oġġett ta’ manipulazzjoni; f’tali każ il-bniedem jieqaf, biex ngħidu hekk, jidentifika lilu nnifsu soġġettivament ma’ ġismu propju, għaliex nieqes mis-sinifikat u mid-dinjità derivanti mill-fatt li dan il-ġisem huwa propju tal-persuna. Hawn insibu ruħna fil-limitu tal-problemi, li spiss jesiġu soluzzjonijiet fundamentali, li huma mpossibbli mingħajr viżjoni integrali tal-bniedem.

4. Propju hawn jidher car li t-tejoloġija tal-ġisem, li niġbdu minn dawk it-testi-muftieħ tal-kliem ta’ Kristu, issir il-metodu fundamentali tal-pedagoġija, jew aħjar tal-edukazzjoni tal-bniedem mill-punt di vista tal-ġisem, fil-konsiderazzjoni sħiħa tal-maskulinità u l-femminilità tiegħu. Dik il-pedagoġija tistà tkun mifhuma taħt l-aspett ta’ speċifika “spiritwalità tal-ġisem”; infatti l-ġisem, fil-maskulinità u l-femminilità tiegħu huwa mogħti bħala dmir lill-ispirtu uman (dak li b’mod stupend kien espress minn San Pawl fil-lingwaġġ li huwa propju tiegħu) u permezz ta’ maturità adegwata tal-ispirtu jsir ukoll hu sinjal tal-persuna, ta’ liema l-persuna hija konxja, u “materja” awtentika tal-għaqda tal-persuni. F’termini oħrajn: il-bniedem, permezz tal-maturità spiritwali tiegħu, jiskopri is-sinifikat sponsali propju tal-ġisem.

Kliem Kristu fid-Diskors tal-Muntanja jindika li l-konkupixxenza minnha nfiha ma tiżvelax lill-bniedem dak is-sinifikat, anzi, bil-maqlub, iċcajpru u toskurah. L-għarfien purament “bijoloġiku” tal-funzjonijiet tal-ġisem bħala organiżmu, magħqudin mal-maskulinità u l-femminilità tal-persuna umana, huwa kapaċi li jgħin biex ikun skopert is-sinifikat sponsali awtentiku tal-ġisem, biss jekk jimxi pass pass ma’ maturità spiritwali adegwata tal-persuna umana. Mingħajr din, tali għarfien jistà jkollu effetti saħansitra opposti; u dan jiġi kkonfermat minn esperjenzi multipliċi ta’ żmienna.

5. Minn dan il-punt di vista hemm bżonn nikkunsidraw b’għaqal l-espressjonijiet tal-Knisja kontemporanja. Fehim u interpretazzjoni adegwata tagħhom, kif ukoll l-applikazzjoni prattika tagħhom (jiġifieri, appuntu, lill-pedagoġija) titlob dik it-tejoloġija approfondita tal-ġisem li, fl-aħhar minn l-aħħar, niġbru speċjalment mill-kliem-muftieħ ta’ Kristu. In kwantu għall-espressjonijiet kontemporanji tal-Knisja, hemm bżonn li nagħrfu mill-kapitolu intitolat “Dinjità taż-żwieġ u tal-familja u l-valorizzazzjoni tagħha”, tal-Kostituzzjoni pastorali tal-Konċilju Vatikan Tnejn (Gaudium et Spes, pars. II, kap. I) u, suċcessivament, tal-Enċiklika Humanae Vitae ta’ Pawlu VI. Mingħajr ebda dubju, il-kliem ta’ Kristu, għall-analiżi ta’ liema iddedikajna ħafna spazju, ma kellu ebda fini ieħor għajr il-valorizzazzjoni tad-dinjità taż-żwieġ u tal-familja; minn fejn il-konverġenza fondamentali bejnu u bejn il-kontenut taż-żewġ espressjonijiet imsemmija tal-Knisja kontemporanja. Kristu tkellem għall-bniedem ta’ kull żmien u post; l-espressjonijiet tal-Knisja jfittxu li jattwalizzaw il-kliem ta’ Kristu, u allura għandhom ikunu moqrija skont il-muftieħ ta’ dik it-tejoloġija u ta’ dik il-pedagoġija li fil-kliem ta’ Kristu jsibu l-għeruq u s-sostenn.

Huwa diffiċli li hawn twettaq analiżi globali tal-espressjonijiet ikkwotati mill-maġisteru suprem tal-Knisja. Nillimitaw ruħna li nirraportaw xi passi. Hekk hu b’liema mod il-Vatikan Tnejn – waqt li ninponu fost l-iktar problemi urġenti tal-Knisja fid-dinja kontemporanja “il-valorizzazzjoni tad-dinjità taż-żwieġ u tal-familja – jikkaratterizza s-sitwazzjoni eżistenti f’dan l-ambitu: “Mhux kullimkien id-dinjità ta’ din l-istituzzjoni (jiġifieri taż-żwieġ u tal-familja) tibbrilla b’ċarezza identika ġaladarba hija oskurata mil-poligamija, mill-pjaga tad-divorzju, mill-hekk imsejħa mħabba libera u minn deformazzjonijiet oħra. -iktar l-iktar l-imħabba konjugali hija spiss ipprofanata mill-egoiżmu, mill-edoniżmu u minn użi lleċiti kontra l-ġenerazzjoni” (Ivi, 47). Pawlu VI, waqt li espona fl-enċiklika Humanae Vitae din il-problema aħharija, jikteb fost l-oħrajn: “Tistà wkoll tibżà li l-bniedem, waqt li jidra l-użu tal-prattiċi antikonċezzjonali, jispiċċa biex jitlef ir-rispett tal-mara u… jasal li jqisha bħala sempliċi strument ta’ pjaċir egoistiku u mhux iktar bħala s-sieħba tiegħu, rispettata u maħbuba” (Pawlu VI, Humanae Vitae, 17).

Ma nsibux forsi hawn fl-orbitu tal-istess premura, li darba waħda kienet iddettat l-kliem ta’ Kristu dwar l-għaqda u l-indissulibiltà taż-żwieġ, kif ukoll dak tad-Diskors tal-Muntanja, relattiv għall-purezza tal-qalb u għad-dominju tal-konkupixxenza tal-ġisem, kliem żviluppat iktar tard b’tant intuwizzjoni mill-Appostlu Pawlu?

6. Fl-istess spirtu l-awtur tal-enċiklika Humanae Vitae, waqt li tkellem dwar l-esiġenzi propji tal-moralità nisranija, ippreżenta, fl-istess ħin, il-possibiltà inwettqa, meta jikteb: “Id-dominju tal-istint, permezz ta’ liema r-raġuni u r-rieda ħielsa, jimponi bla ebda dubju ta’ xejn axxetiżmu – Pawlu VI juża dan it-terminu – sabiex il-manifestazzjonijiet affettivi tal-ħajja miżżewġa ikunu skont l-ordni rett u b’mod partikulari għall-osservanza tal-kontinenza perjodika. Imma din id-dixxiplina, propja tal-purezza tal-miżzewġin, il-boġhod sew milli tagħmel ħsara lill-imħabba konjugali, minflok tagħtihom valur uman iktar għoli. Tesiġi sforz kontinwu (appuntu tali sforz kien imsejjaħ hawn fuq “axxetiżmu”), imma grazzi għall-influss benefiku tiegħu l-miżżewġin jiżviluppaw b’mod integru l-personalità tagħhom waqt li jistgħanew b’valuri spiritwali. Hija… tiffavorixxi l-attenzjoni lejn il-parti miżzewġa l-oħra, tgħin lill-miżżewġin biex iwarrbu l-egoiżmu, għadu tal-imħabba vera u tapprofondixxi is-sens ta’ responsabiltà tagħhom…”  (Pawlu VI, Humanae Vitae, 21).

7. Nieqfu fuq dawn il-ftit siltiet. Huma – b’mod partikulari l-aħħar waħda –  juru b’mod ċar kemm hija ndispensabbli, għal fehim adegwat tal-espressjoni tal-maġisteru tal-Knisja kontemporanja, dik it-tejoloġija tal-ġisem, li l-bażi tagħha fittixna b’mod speċjali fil-kliem ta’ Kristu nnifsu. Hija propja hi – kif diġa għidna – li ssir il-metodu fundamentali tal-pedagoġija kollha nisranija tal-ġisem. Waqt li nagħmlu referenza għall-kliem ikkwotat, nistgħu niddikjaraw li l-għan tal-pedagoġija tal-ġisem tinsab propju fli iva nagħmlu “il-manifestazzjonijiet affettivi” – speċjalment dawk “propju tal-ħajja miżżewġa – ikunu konformi għall-ordni morali, jew aħjar, fl-aħħar minn l-aħħar, għad-dinjità tal-persuni. F’dan il-kliem terġà lura l-problema tar-rapport reċiproku bejn l-“eros” u l-“ethos” li dwarha diġa tkellimna. It-tejoloġija, intenzzjonata bħala metodu tal-pedagoġija tal-ġisem, tħejjijna wkoll għal riflessjonijiet ulterjuri dwar is-sagramentalità tal-ħajja umana u, b’mod partikulari, tal-ħajja miżżewġa.

Il-Vanġelu tal-purezza tal-qalb, ilbieraħ u llum: waqt li nikkonkludu b’din is-sentenza iċ-ċiklu preżenti tal-konsiderazzjonijiet tagħna – qabel ma ngħaddu għaċ-ċiklu li jmiss, li fih il-bażi tal-analiżi se jkun l-kliem ta’ Kristu dwar il-qawmien tal-ġisem – nixtiequ nerġgħu niddedikaw ftit tal-attenzjoni għall-“bżonn  li noħolqu klima favorevoli għall-edukazzjoni tal-kastità”, li dwarha tittratta l-Enċiklika ta’ Pawlu VI, u rridu niċċentraw dawn l-osservazzjonijiet fuq il-problema tal-ethos tal-ġisem fl-opri tal-kultura artistika, b’referenza partikulari għas-sitwazzjonijiet li niltaqgħu magħhom fil-ħajja kontemporanja.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara t-test oriġinali bit-Taljan >

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading