80. Iċ-Ċelebat huwa tweġiba partikolari għall-Imħabba tal-Għarus Divin

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  28/04/1982.

1. “Hemm oħrajn li saru ewnuki għas-Saltna tas-Smewwiet”: hekk jesprimi lilu nnifsu Kristu skont il-Vanġelu ta’ Mattew (Mt 19, 12).

Huwa propju tal-qalb umana li taċċetta esiġenzi, saħansitra diffiċli, f’isem l-imħabba għal ideal u speċjalment f’isem l-imħabba lejn persuna (l-imħabba nfatti minnha nfiha, hija orjentata lejn il-persuna). U għalhekk fis-sejħa għar-rażan “għas-Saltna tas-Smewwiet”, l-ewwel l-istess dixxipli u mbagħad it-Tradizzjoni ħajja kollha skoprew minn kmieni dik l-imħabba li tirreferi għal Kristu stess bħala Għarus tal-Knisja u Għarus tal-erwieħ, għal-liema huwa rregala lilu nnifsu sal-aħħar, fil-misteru tal-Għid tiegħu u fl-Ewkaristija. F’tali mod, ir-rażan għas-Saltna tas-Smewwiet”, l-għażla tal-verġinità jew taċ-ċelibat għall-ħajja kollha, sar fl-esperjenza tad-dixxipli u tas-segwaċi ta’ Kristu att ta’ tweġiba partikolari għall-imħabba tal-Għarus Divin u għahekk akkwista is-sinifikat ta’ att ta’ mħabba sponsali, jiġifieri ta’ donazzjoni sponsali ta’ dak li jkun, bi skop ta’ tpattija b’mod speċjali għall-imħabba sponsali tal-Feddej; donazzjoni ta’ dak li jkun, mifhumha bħala ċaħda, imma magħmula sprċjalment għall-imħabba.

2. Hekk ksibna l-għana kollu tal-kontenut, li bih hija mimlija il-konċiża, imma fl-istess ħin profonda espressjoni ta’ Kristu dwar ir-rażan “għas-Saltna tas-Smewwiet”; imma issa jkun aħjar li nagħtu attenzjoni għas-sinifikat li għandu dan il-kliem għat-tejoloġija tal-ġisem, hekk bħal ma fittxejna li nippreżentaw u nerġgħu nibnu is-sisien bibbliċi “mill-bidu”. Appuntu l-analiżi ta’ dak il-“bidu” li għalih Kristu rrefera fid-djalogu mal-Fariżej dwar it-tema taż-żwieġ, tal-għaqda u l-indissolubiltà tiegħu (cf. Mt 19, 3-9) – ftit qabel ma ndirizza lid-dixxipli tiegħu l-kliem dwar ir-rażan “għas-Saltna tas-Smewwiet” (Mt 19, 10-12) – jippermettilna li niftakru  il-profonda verità fuq is-sinifikat sponsali tal-ġisem uman fil-maskulinità u l-femminilità, bħal ma kkonkludejna fiż-żmien tal-analiżi tal-ewwel kapitoli tal-Ġenesi (cf. speciatim Ġen 2, 23-25). Propju hekk kien hemm bżonn nifformulaw u nippreċiżaw dak li nsibu f’dawk it-testi antiki.

3. Il-mentalità kontemporanja drat taħseb u titkellem b’mod speċjali dwar l-istint sesswali, waqt li tittrasferixxi fuq l-art tar-realtà umana dak li huwa propju tad-dinja tal-esseri ħajjin, l-“animalja”. Issa, riflessjoni magħmula bir-reqqa dwar it-test konċiż tal-ewwel u t-tieni kapitolu tal-Ġenesi jippermettilna nistabilixxu, b’ċertezza u konvinzjoni, li sa mill-“bidu” jiġi deskritt fil-Bibbja limitu ċar ħafna u mhux ambigwu bejn id-dinja tal-annimali (“l-animalja”) u l-bniedem maħluq xbiha u xebħ ta’ Alla. F’dak it-test, għakemm relattivament qasir ħafna, hemm madankollu biżżejjed spazju biex juri li l-bniedem għandu kuxjenza ċara ta’ dak li jiddistingwih b’mod essenzjali mill-esseri ħajjin kollha (“l-animalja”).

4. Mela, l-applikazzjoni għall-bniedem ta’ din il-kategorija sustanzjalment naturalistika, li hemm magħluqa fil-kunċett u fl-espressjoni ta’ “istint sesswali”, mhix għal kollox eżatta u adegwata. Huwa ovvju li tali applikazzjoni tistà  sseħħ a bażi għal ċerta analoġija; infatti, il-partikolarità tal-bniedem fil-konfronti tad-dinja kollha tal-esseri ħajjin (l-“animalja”) mhijiex tali li l-bniedem, mifhum mill-punt di vista tal-ispeċi, ma jistax ikun fundamentalment ikkwalifikat ukoll bħala “annimal”, imma “annimal razzjonali”. Għalhekk, minkejja din l-analoġija, l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “istint sesswali” għall-bniedem – minħabba d-duwalità li fiha huwa jeżisti bħala maskju u femmina – tillimita madankollu bil-kbir, u f’ċertu sens “iċċekken” dak li hija l-istess maskulinità -femminilità fid-dimensjoni personali tas-soġġettività umana. Tillimita u “ċċekken” ukoll dak li għalih it-tnejn, ir-raġel u l-mara, jingħaqdu hekk li jsiru ġisem wieħed (cf. Ġen 2, 24). Biex nesprimu dan b’mod xieraq u adegwat, hemm bżonn ninqdew ukoll b’analiżi differenti minn dik naturalistika.. U huwa propju l-istudju tal-“bidu” bibbliku li jobbligana nagħmlu dan b’mod konvinċenti. Il-verità dwar is-sinifikat sponsali tal-ġisem uman fil-maskulinità u l-femminilità tiegħu, jiddeduċi mill-ewwel kapitoli tal-Ġenesi (cf. speciatim Ġen 2, 23-25), jew aħjar l-iskoperta ta’ darba tas-sinifikat sponsali tal-ġisem fl-istruttura personali tas-soġġettività tar-raġel u tal-mara, donnha tidher li hi f’dan il-qasam kunċett ewlieni, u fl-istess ħin l-uniku xieraq u adegwat.

5. Issa, appuntu b’konnessjoni ma’ dan il-kunċett, għal din il-verità dwar is-sinifikat sponsali tal-ġisem uman, hemm bżonn li nerġgħu naqraw u nifhmu l-kliem ta’ Kristu rigward ir-rażan “għas-Saltna tas-Smewwiet”, ippronunzjat fil-kuntest immedjat ta’ dik ir-referenza għall-“bidu”, fuq liema huwa sejjes id-duttrina tiegħu dwar l-unità u l-indissolubiltà taż-żwieġ. Fil-bażi tas-sejħa ta’ Kristu għar-rażan hemm mhux biss l-“istint sesswali”, bħala kategorija ta’ bżonn, ikolli ngħid, naturalistiku, imma wkoll l-għarfien tal-libertà tad-don, li b’mod organiku huwa marbut mal-profonda u matura kuxjenza tas-sinifikat sponsali tal-ġisem, fl-istruttura totali tas-soġġettività personali tar-raġel u tal-mara. Biss f’konnessjoni għal tali sinifikat tal-maskulinità u l-femminilità tal-persuna umana, is-sejħa għar-rażan volontarju “għas-Saltna tas-Smewwiet” issib garanzija u motivazzjoni sħiħa. Biss u b’mod esklussiv f’tali prospettiva Kristu jgħid: “Ħalli min jistà jifhem, jifhem” (Mt 19, 12); b’dan, huwa jindika li tali rażan – għalkemm f’kull mod huwa speċjalment “don” – jistà jkun ukoll “mifhum”, jiġifieri magħmul u ssopponut mill-kunċett li l-bniedem għandu mill-propju “jien” psikosomatiku fis-sħuħija tiegħu, u b’mod partikolari tal-maskulinità u l-femminilità ta’ dan il-“jien” fir-rapport reċiproku, li huwa bħal “min-natura” minqux f’kull soġġettività umana.

6. Bħal ma niftakru mill-analiżi preċedenti, magħmula a bażi tal-ktieb tal-Ġenesi (Ġen 2, 23-25), dak ir-rapport reċiproku tal-maskulinità u l-femminilità, dak l-“għal” reċiproku tar-raġel u tal-mara jistà jkun mifhum b’mod xieraq u adegwat biss fit-totalità dinamika tas-soġġett personali. Il-kliem ta’ Kristu f’Mattew (cf. Mt 19, 11-12) juri iktar tard li dak l-“għal”, preżenti sa mill-“bidu” a bażi taż-żwieġ, jistà wkoll  ikun fil-bażi tar-rażan “”għas”- Saltna tas-Smewwiet! Waqt li nistrieħu fuq l-istess dispożizzjoni tas-soġġett personali, grazzi għal-liema l-bniedem jerġà jsib lilu nnifsu pjenament permezz tad-don sinċier tiegħu nnifsu (Gaudium et Spes, 24) il-bniedem, (maskju u femmina) huwa kapaċi li jagħżel id-donazzjoni personali tiegħu nnifsu, magħmula lil persuna oħra fil-patt konjugali, li fih huma “jsiru ġisem wieħed”, u huwa wkoll kapaċi li jiċħad liberament għal tali donazzjoni tiegħu nnifsu lil persuna oħra, sabiex, waqt li jagħżel ir-rażan “għas-Saltna tas-Smewwiet”, ikun jistà jirregala lilu nnifsu totalment lil Kristu. Ibbażat fuq l-istess dispożizzjoni tas-soġġett personali u bbażat fuq l-istess sinifikat sponsali tal-eżistenza, inkwantu ġisem, maskju jew femmina, jistà jifforma l-imħabba li timpenja lill-bniedem għaż-żwieġ fid-dimensjoni tal-ħajja kollha (cf. Mt19, 3-10), imma jistà wkoll jifforma l-imħabba li timpenja lill-bniedem tul ħajtu kollha għar-rażan “għas-Saltna tas-Smewwiet” (cf. Mt 19, 11-12). Propju dwar dan jitkellem Kristu fit-totalità tal-espressjoni tiegħu, waqt li jindirizza lill-Fariżej (cf. Mt 19, 3-10) u mbagħad lid-dixxipli (cf.Mt 19, 11-12).

7. Huwa evidenti li l-għażla taż-żwieġ, hekk kif huwa ġie stabbilit mill-Ħallieq “sa mill-bidu”, jassumi l-għarfien u l-aċċettazzjoni nterna tas-sinifikat sponsali tal-ġisem, marbut mal-maskulinità u l-femminilità tal-persuna umana. Propju dan infatti huwa espress b’mod konċiż fil-vrus tal-ktieb tal-Ġenesi. Fis-smigħ tal-kliem ta’ Kristu, indirizzat lid-Dixxipli dwar ir-rażan “għas-Saltna tas-Smewwuet” (cf. Mt 19, 11-12), ma nistgħux naħsbu li dak it-tieni ġeneru ta’ għażla jistà jsir b’mod koxjenti u liberu mingħajr riferiment għall-propja maskulinità jew femminilità u għal dak is-sinifikat sponsali, li huwa propju tal-bniedem appuntu fil-maskulinità jew femminilità tal-esseri soġġett personali tiegħu. Anzi fid-dawl tal-kliem ta’ Kristu, irridu nammettu li dak it-tieni ġeneru ta’ għażla, jiġifieri r-rażan għas-Saltna ta’ Alla, jiġi mplimentat ukoll f’konnessjoni mal-maskulinità jew femminilità propja tal-persuna li tagħmel tali għażla; jiġi mplimentat a bażi tal-kuxjenza totali ta’ dak is-sinifikat sponsali, li l-maskulinità u l-femminilitàgħandhom fihom. Jekk tali għażla tiġi mplimentata permezz ta’ xi “nuqqas ta’konsiderazzjoni” artifiċjali minn din l-għana reali ta’ kull soġġett uman, hija ma tweġibx b’mod xieraq u adegwat għall-kontenut tal-kliem ta’ Kristu f’ Mattew 19, 11-12.

Kristu hawn jitlob b’mod espliċitu fehim sħiħ, meta jgħid: “Min jistà jifhem, ħalli jifhem” (Mt 19, 12).

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara t-test oriġinali bit-Taljan >

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading